Official Journal L 213 , 07/08/2001 P. 0066 - 0073
ANNESS Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u fin-network Ewropew ta' informazzjoni u osservazzjoni ambjentali Il-KOMUNITÀ EWROPEA, fuq naħa waħda, u r-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Bulgarija", minn parti oħra, WAQT LI JIEĦDU IN KONSIDERAZZJONI l-applikazzjoni tal-Bulgarija għall-parteċipazzjoni fl-Aġenzija ta' l-Ambjent Ewropew ukoll qabel it-tisħib, WAQT LI TERĠA' TFAKKAR li l-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu (Diċembru 1997) għamel il-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità mod li bih tissaħħaħ l-istrateġija ta' qabel it-tisħib tal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u ta' l-Lvant, WAQT LI TIEĦU IN KONSIDERAZZJONI r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 933/1999, dwar it-twaqqif ta' network ta' informazzjoni u osservazzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, WAQT LI TAGĦRAF il-fatt li l-għan aħħari tal-Bulgarija huwa li ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, u li l-parteċipazzjoni fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tkun ta' għajnuna għall-Bulgarija biex tilħaq dan il-għan, FTEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Bulgarija tipparteċipa kompletament fl-Aġenzija ta' l-Ambjent Ewropea, minn issa 'l quddiem imsejħa "Aġenzija", u n-network ta' informazzjoni u osservazzjoni ta' l-Ambjent Ewropea (Eionet), kif stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 933/1999. Artikolu 2 Il-Bulgarija tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 (Aġenzija u Eionet) skond dan li ġej: - il-kontribuzzjoni tiżdied gradatament f'perijodu ta' tliet snin li matulu l-attivitajiet jiddaħħlu mir-Rumanija. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa huma: - sena 1 : EUR 109000 - sena 2 : EUR 138000 - sena 3 : EUR 167000. Mir-raba' sena tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-Bulgarija trid titgħabba bin-nefqa kollha tal-kontribuzzjoni finanzjarjaj tagħħha, i.e. EUR 167000, - għall-ewwel perijodu ta' tliet snin il-Bulgarija tista' tuża' parzjalment l-għajnuna tal-Komunità biex tħallas il-kontribuzzjoni lill-Aġenzija b'massimu ta' kontribuzzjoni Phare ta' 75 % fl-ewwel sena, 60 % fit-tieni sena u 50 % fit-tielet sena. Mir-raba' sena n-nefqa kollha tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha fl-Aġenzija trid issir kollha mill-Bulgarija. It-termini u l-kondizzjonijiet l-oħra dwar il-kontribuzzjoni finanzjarjia tal-Bulgarija huma mniżżla fl-Anness I ta' dan il-Fethim, li jifforma parti ntegrali minnu. Artikolu 3 Il-Bulgarija tibda tipparteċipa kompletament, mingħajr id-dritt li tivvota, fil-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija u tkun assoċjata max-xogħol tal-Kumita Xjentifiku ta' l-Aġenzija. Artikolu 4 Il-Bulgarija tibda, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, tinforma lill-Aġenzija bl-elementi ewlenin li jiffurmaw in-networks nazzjonali ta' informazzjoni kif imniżżla fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1210/90 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 933/1999. Artikolu 5 Il-Bulgarija trid b'mod partikolari tinnomina minn fost l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jew mill-fost xi organizzazzjonijiet oħra stabbiliti fit-territorju tagħha "punt fokali nazzjonali" biex jikkordina u/jew jgħaddi l-informazzjoni li trid tingħata fuq livell nazzjonali lill-Aġenzija u lill-istituzzjonijiet jew korpi li jiffurmaw parti mill-Eionet, inklużi ċ-ċentri tas-suġġetti msemmija taħt l-Artikolu 6. Artikolu 6 Il-Bulgarija tista' wkoll, fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4, tidentifika l-istituzzjonijiet jew korpi oħra stabbiliti fit-territorju tagħha, li jistgħu jingħataw speċifikament il-kompitu li jikkoperaw ma' l-Aġenzija dwar xi suġġetti ta' interess partikolari. Istituzzjoni li tkun identifikata b'dan il-mod għandha tkun f'pożizzjoni li tiffirma ftehim ma' l-Aġenzija biex taġixxi bħala ċentru tas-suġġetti tan-network għall-biċċiet ta' xogħol speċifiċi. Dawn iċ-ċentri għandhom jikkoperaw ma' l-istituzzjonijiet l-oħra li jifformaw parti min-network. Artikolu 7 Fi żmien tliet xhur minn meta tkun waslitlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6, l-il-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija għandu jirrivedi l-elementi ewlenin tan-network biex jieħu in konsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tal-Bulgarija. Artikolu 8 Il-Bulgarija għandha tipprovdi l-fatti magħrufa ("data") skond l-obbligi u d-drawwiet stabbiliti fil-programm tax- xogħol ta' l-Aġenzija. Artikolu 9 L-Aġenzija tista' tiftiehem ma' l-istituzzjonijiet jew mal-kopri nominati mill-Bulgarija u li jiffrumaw parti min-networks, kif imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6, fuq l-arranġamenti li jkun hemm bżonn, f'kuntratti partikolari, biex iwettqu tajjeb ix-xogħlijiet li tista' tagħtihom. Artikolu 10 Il-fatti magħrufa ("data") ambjentali mogħtija lill-jew li ġejjin mill-Aġenzija jistgħu jiġu ppubblikati u jsiru aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm kull informazzjoni kunfidenzali tingħata l-istess livell ta' protezzjoni fil-Bulgarija li tingħata ġewwa l-Komunità. Artikolu 11 L-Aġenzija jkollha personalità legali fil-Bulgarija. Fil-Bulgarija hija tgawdi l-kapaċità legali l-aktar wiesgħa li tingħata lill-persuni legali fil-liġijiet tagħha. Artikolu 12 Il-Bulgarija trid, skond kif ikun rilevanti, tapplika lill-Aġenzija l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li, bħala l-Anness II ma' dan il-Ftehim jibda jifforma parti integrali minnu. Artikolu 13 Bħala deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68 dwar ir-Regolamenti ta' l-Impjegati ta' l-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol ta' Impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, iċ-ċittadini tal-Bulgarija li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jitqabbdu biex jaħdmu b'kuntratt mid-Direttur Esekuttiv ta' l-Aġenzija. Artikolu 14 Il-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew speċifiċi meħteiġa biex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom skond dan il-Ftehim. Għandhom jiżguraw li l-għanijiet mniżżla f'dan il-Ftehim jintlaħqu. Artikolu 15 Dan il-Ftehim huwa ffirmat għal perijodu mhux limitat sakemm il-Bulgarija ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea. Kull waħda mill-Partijiet tista' toħroġ mill-Ftehim billi tinnotifika l-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax jgħodd sitt xhur wara li din in-notifika titwassal lill-Parti l-oħra. Artikolu 16 Dan il-ftehim jibda jgħodd, fuq naħa waħda, fit-territorji li fihom japplikaw it-Trattati li jwaqqfu l-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk it-Trattati u, fuq in-naħa l-oħra t-territorju tal-Bulgarija. Artikolu 17 Dan il-Ftehim għandu jinkiteb darbtjen bil-lingwi Daniża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Germaniża, Taljana, Spanjola, Żvediża, Griega, Potugiża u Bulgara, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun awtentiku l-istess. Artikolu 18 Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-partijiet skond il-proċeduri tagħhom stess. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fih l-aħħar Parti tkun tat in-notifika lill-ewwel Parti u l-proċeduri tagħha ġew kompletati. -------------------------------------------------- ANNESS I KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-BULGARIJA LILL-AĠENZIJA EWROPEA GĦALL-AMBJENT 1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja li trid titħallas mill-Bulgarija għall-bilanċ ta' l-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa fl-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent tkun fis: sena 1 ta' parteċipazzjoni : EUR 109000 sena 2 ta' parteċipazzjoni : EUR 138000 sena 3 ta' parteċipazzjoni : EUR 167000. Mir-raba' sena l-Bulgarija trid iġġorr l-ispiża kollha tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha, i.e. EUR 167000. 2. Għall-ewwel perjodu ta' tliet snin il-Bulgarija tista' tuża parzjalment l-għajnuna tal-Komunità biex tħallas il-kontribuzzjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent għall-massimu ta' 75 % f'sena 1, 60 % f'sena 2 u 50 % f'sena 3. Bla ħsara għal xi proċedura ta' programmazzjoni Phare separata, il-fondi Phare li mitluba jiġu trasferiti lejn il-Bulgarija permezz ta' memorandum separat ta' finanzjament. Il-parti tal-kontribuzzjoni li tibqa' trid tingħata mill-Bulgarija. Mir-raba' sena l-ispiża kollha tal-parteċipazzjoni fl-Aġenzija trid tiġi koperta kollha mill-Bulgarija. 3. Il-kontribuzzjoni tal-Bulgarija titmexxa skond ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-bilanċ ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' manteniment li jintefqu mir-rappreżentanti u mill-esperti tal-Bulgarija għall-iskopijiet li jieħdu parti fl-attivitajiet jew fil-laqgħat ta' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent konnessi ma' l-implimentazzjoni tal-programm ta' xogħol ta' l-Aġenzija jiġu rifonduti mill-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent fuq l-istess bażi ta' u skond il-proċeduri għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jkun hemm fis-seħħ f'dak iż-żmien. 4. Wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim u fil-bidu ta' kull sena li tiġi wara, il-Kummissjoni trid tibgħat lill-Bulgarija sejħa għall-fondi li taqbel mal-kontribuzzjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent skond dan il-Ftehim. Għall-ewwel sena kalendarja tal-parteċipazzjoni tagħha l-Bulgarija trid tħallas kontribuzzjoni kkalkulata mid-data tal-parteċipazzjoni tagħha sa l-aħħar tas-sena fuq bażi pro rata. Għas-snin li jiġu wara l-kontribuzzjoni tkun skond dan il-Ftehim. 5. Din il-kontribuzzjoni tiġi espressa f'euro u mħallsa f'kont bankarju euro tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. 6. Il-Bulgarija trid tħallas il-kontribuzzjoni tagħha skond is-sejħa għall-fondi: - għall-parti tagħha stess mill-1 ta' Mejju sakemm is-sejħa għall-fondi tintbagħat lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' April jew l-aktar tard f'perjodu ta' 30 jum wara li tintbagħat is-sejħa għall-fondi, - għall-parti tal-Phare sa' l-1 ta' Mejju sakemm l-ammonti korrispondenti jkunu ntbagħtu l-Bulgarija sa dan iż-żmien, jew l-aktar tard f'perjodu ta' 30 jum wara li dawn il-fondi jkunu ntbagħtu l-Bulgarija. 7. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni jġib il-ħlas ta' interessi mill-Bulgarija fuq l-ammont li jkun għadu ma tħallasx mid-data dovuta. Ir-rata ta' l-interessi tikkorrispondi għar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, fid-data dovuta, għall-operazzjonijiet tiegħu f'euro, biż-żieda ta' 1,5 punti perċentwali. -------------------------------------------------- ANNESS II Protokol dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-komunitajiet ewropej IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJIN, WAQT LI JIKKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, dawn il-Komunitajiet u l-Bank ta' Investiment Ewropew jgawdu fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa biex iwettqu x-xogħol tagħhom, QABLU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li jiġu annessi ma' dan it-Trattat. KAPITOLU I PROPJETÀ, FONDI, ASSI U OPERAR TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Artikolu 1 Il-postijiet u l-bini tal-Komunitajiet ma jkunux jistgħu jintmessu. Huma jkunu eżenti minn tfittix, rekwisizzjoni, konfiska jew espropjazzjoni. Il-propjetà u l-assi tal-Komunitajiet ma jkunux suġġetti għall-ebda miżuri ta' rbit amministrattiv jew legali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Artikolu 2 L-arkivji tal-Komunitajiet ma jkunux jistgħu jintmessu. Artikolu 3 Il-Komunitajiet, l-assi tagħhom, id-dħul u l-propjetà l-oħra jkunu eżenti mit-taxxi diretti kollha. Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri iridu, kull fejn ikun possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jibgħatu jew jirrifondu l-ammont ta' taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz tal-propjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xi xiri sostanzjali li l-prezz tiegħu jinkludi taxxi ta' din ix-xorta. Iżda, dawn id-disposizzjonijiet ma jiġux applikati b'mod li jkollhom effett li jgħawweġ il-kompetizzjoni ġewwa l-Komunitajiet. L-ebda eżenzjoni ma tingħata fir-rigward ta' taxxi u drittijiet li jammontaw sempliċement għal piżijiet ta' servizzi ta' utilità pubblika. Artikolu 4 Il-Komunitajiet ikunu eżenti mid-dazji doganali, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-oġġetti kollha impurtati u esportati rigward l-oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħhom: l-oġġetti impurtati b'dan il-mod ma jistgħux jitneħħew, sew bi ħlas sew bla ħlas, fit-territorju tal-pajjiż li ġew impurtati fih, ħlief taħt il-kondizzjonijiet approvati mill Gvern ta' dak il-pajjiż. Il-Komunitajiet ikunu eżenti ukoll mid-dazji doganali u l-proibizzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha fuq l-oġġetti impurtati u esportati rigward il-pubblikazzjonijiet tagħhom. Artikolu 5 Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jista' jkollha f'idejha munita ta' kull xorta u tħaddem kontijiet fil-muniti kollha. KAPITOLU II KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER Artikolu 6 Għall-komunikazzjonijiet uffiċjali tagħhom u għat-trasmissjoni tad-dokumenti kollha tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jibdew igawdu fit-territorju ta' kull-Stat Membru t-trattament mogħti minn dak l-Istat lill-missjonijiet diplomatiċi. Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet oħra uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet ma jkunux suġġetti għaċ-ċensura. Artikolu 7 1. Laissez-passer f'forma li tiġi preskritta mill-Kunsill, li jiġi rikonoxxut bħala dokument validu ta' l-ivvjaġġar mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, jista' jinħareġ lill-membri u lill-impjegati ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet mill-Presidenti ta' dawn l-istituzzjonijiet. Dawn il-laissez-passer jinħarġu lill-uffiċjali u lill-impjegati l-oħra b'kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta' l-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol ta' l-Impjegati oħra tal-Komunitajiet. Il-Kummissjoni tista' tiffirma ftehim biex dawn il-laissez-passer jintgħarfu bħala dokumenti validi ta' l-ivvjaġġar fit-territorju tal-pajjiżi li mhumiex membri. 2. Iżda d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jibqgħu jgħoddu għall-membri u l-impjegati ta' l-istituzzjonijiet li jkollhom f'idejhom il-laissez-passer previst f'dak l-Artikolu fid-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan it-Trattat, sakemm id-disposizzjonijiet tal-paragrafu nru 1 ta' dan l-Artikolu jiġu applikati. KAPITOLU III MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW Artikolu 8 Ebda restrizzjoni amministrattiva jew restrizzjoni oħra ma tiġi imposta fuq il-moviment liberu tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew minn xi post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli tad-dwana u tal-kambju: (a) mill-gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali anzjani li jkunu qed jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom fuq missjonijiet uffiċjali temporanji; (b) mill-Gvern ta' l-Istati Membri l-oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk li jingħataw lir-rappreżentanti ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji. Artikolu 9 Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jkunx suġġetti għall-ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew prċeduri legali rigwad l-opinjonijiet jew il-voti espressi jew mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom. Artikolu 10 Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu jgawdu: (a) fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament tagħhom; (b) fit-territorju ta' kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra, immunità minn kull miżura ta' detenzjoni u minn proċeduri legali. L-immunità tapplika bl-istess mod lill-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw mill-post tal-laqgħa tal-Parlament Ewropew. Ma jistax ikun hemm pretensjoni għall-immunità meta xi Membru jinqabad fil-fatt li jikkommetti xi reat u ma jistax jiipprevjieni lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu. KAPITOLU IV RAPPREŻENTANTI TA' L-ISTATI MEMBRI LI JKUNU QED JIEĦDU PARTI FIX-XOGĦOL TA' L-ISTITUZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Artikolu 11 Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu parti fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom fil-qadi, ta' dmirijiethom u waqt l-ivvjaġġar tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħa, igawdu l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji. Dan l-Artikolu għandu jgħodd ukoll għall-membri tal-korpi konsultattivi tal-Komunitajiet. KAPITOLU V UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Artikolu 12 Fit-territorju ta' kull wieħed mill-Istati Membri u tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet għandhom: (a) bla ħsara għad-disposizzjonijiet tat-Trattati konnessi, minn banda waħda, mar-regoli dwar ir-responabbiltà ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra lejn il-Komunitajiet u, mill-banda l-oħra, lejn il-ġurisdizzjoni tal-Qorti f'tilwim bejn il-Komunitajiet u l-uffiċjali tagħhom u l-impjegati l-oħra, ikunu immuni minn proċeduri legali rigward atti magħmula minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inkluzi l-kliem li jkunu qalu jew kitbu. Huma jkomplu jgawdu din l-immunità wara li ma jibqgħux fil-kariga; (b) flimkien mal-konjugi tagħhom u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, ma jkunux suġġetti għal restrizzjonijiet ta' immigrazzjoni jew għal formalitajiet għar-reġistrazzjoni ta' fruntieri; (ċ) fir-rigward ta' regolamenti tal-munita jew tal-kambju, ikunu mogħtija l-istess faċilitajiet bħal ma normalment jingħataw lill-uffiċjali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; (d) igawdu d-dritt li jimpurtaw mingħajr dazju l-għamara u l-effetti personali fil-bidu li jieħdu l-kariga fil-pajjiż in kwistjoni, u d-dritt li jerġgħu jesportaw mingħajr dazju l-għamara u l-effetti personali tagħhom, fit-tmiem tad-dmirijiet tagħhom f'dak il-pajjiż, f'kull każ mingħajr ħsara għall-kondizzjonijiet maħsuba meħtieġa mill-gvern tal-pajjiż li fih dan id-dritt huwa eżerċitat; (e) ikollhom id-dritt li jimpurtaw mingħajr dazju karozza għall-użu personali tagħhom, mixtrija jew fil-pajjiż ta' l-aħħar residenza tagħhom jew fil-pajjiż li tiegħu huma ċittadini skond id-deċiżjoni fis-suq intern f'dak il-pajjiż, u jerġgħu jesportawha mingħajr dazju, f'kull każ bla ħsara għall-kondizzjonijiet meqjusa meħtieġa mill-gvern tal-pajjiż interessat. Artikolu 13 L-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet ikunu suġġetti għal taxxa u benefiċċju tal-Komunitajiet fuq is-salarji, pagi u ħlasijiet magħmula lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mingħand il-Kummissjoni. Huma jkunu eżenti mit-taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u ħlasijiet magħmula mill-Komunitajiet. Artikolu 14 Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, taxxa fuq il-beni u taxxi fuq il-mewt fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja ffirmata bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet li, unikament minħabba l-qadi ta' dmirijiethom fis-servizz tal-Komunitajiet, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta' xi Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż tad-domiċilju għall-iskopijiet tat-taxxa fiż-żmien li jkunu bdew is-servizzi tal-Komunitajiet, jitqiesu, kemm fil-pajjiż fejn fil-fatt joqogħdu u fil-pajjiż tad-domiċilju għall-iskopijiet tat-taxxa, li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f'din ta' l-aħħar sakemm ikun membru tal-Komunitajiet. Din id-disposizzjoni għandha tgħodd ukoll għall-konjuġi, sakemm dan ta' l-aħħar ma jkunx qed jaħdem separatament f'xi xogħol bi qliegħ, u għat-tfal dipendenti u fil-ħarsien tal-persuni msemmija f'dan l-Artikolu. Il-propjetà mobbli li tkun tal-persuni msemmija fil paragrafu ta' qabel u li tinstab fit-territorju tal-pajjiżi li mhumiex membri fejn ikun qed joqogħdu jkunu eżenti mit-taxxi tal-mewt f'dak il-pajjiż; din il-propjetà għandha, għall-istima ta' din it-taxxa, titqies bħala li tkun fil-pajjiż ta' domiċilju għall-iskopijiet tat-taxxa, bla ħsara għad-drittijiet tal-pajjiżi li mhumiex membri u għall-possibbiltà li jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tassazzjoni doppja. Xi domiċilju akkwistat biss minħabbba t-twettieq tad-doveri fis-servizz ta' l-organizzazzjonijiet l-oħra m'għandux ikunu meqjus meta jittieħdu in konsiderazzjoni fl-applikar tad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Artikolu 15 Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-iskema tal-benefiċċji tas-sigurta soċjali għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet. Artikolu 16 Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-istituzzjonijiet l-oħra interessati, jistabbilixxi l-kategoriji ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet li għalihom id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni pragrafu ta' l-Artikolu 13, u l-Artikolu 14 għandhom jgħoddu, fl-intier jew parti minnhom. L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta' l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra li jidħlu f'dawn il-kategoriji għandhom jitgħaddew kull tant żmien lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri. KAPITOLU VI PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TAL-MISSJONIJIET TAL-PAJJIŻI LI M'HUMIEX MEMBRI AKKREDITATI LILL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Artikolu 17 L-Istati Membri li l-Komunitatjiet għandhom is-sede tagħhom fit-territorju tagħhom għandhom jagħtu l-immunitajiet u privileġġi diplomatiċi konswetudinarji lill-missjonijiet tal-pajjiżi li mhumiex membri akkreditati lill-Komunitajiet. KAPITOLU VII DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 18 Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet għandhom jingħataw lill-uffiċjali u lill-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet unikament fl-interessi tal-Komunitajiet. Kull istituzzjoni tal-Komunitajiet tintalab tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew xi mpjegat ieħor kull meta l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal din l-immunità mhix kuntrarja għall-interessi tal-Komunitajiet. Artikolu 19 L-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, għall-iskop li jiġi applikat dan il-Protokol, jikkoperaw ma' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri interessati. Artikolu 20 L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom jgħoddu għall-Membri tal-Kummissjoni. Artikolu 21 L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom jgħoddu għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, ir-Reġistratur u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr preġudizzju għad- disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immunità minn proċeduri legali ta' l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali. Artikolu 22 Dan il-Protokoll għandu jgħodd ukoll għall-Bank ta' Investiment Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu, għall-impjegati tiegħu u għar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu parti fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tal-Bank. Il-Bank ta' Investiment Ewropew ikun barra minn hekk eżenti minn kull forma ta' taxxa jew imposta simili kull meta jkun hemm xi żieda fil-kapital tiegħu u mill-formalitajiet diversi li jista' jkun hemm in konnessjoni magħha fl-Istat fejn il-Bank għandu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew likwidazzjoni tiegħu ma tatix lok għal ebda imposta. Fl-aħħar nett, l-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu li jsiru skond l-Istatut tiegħu ma jkunux suġġetti għal ebda taxxa fuq id-dħul totali. Artikolu 23 Dan il-Protokoll għandu wkoll japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew, għal membri tal-organi tiegħu u għall-imġpjegati tiegħu, mingħajr preġudizju għad-disposizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema tal-Banek Ċentrali Ewropej u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, b'żieda ma dan, ikun eżentat minn kull forma ta' tassazzjoni jew impożizzjonijiet ta' natura simili fl-okkażjoni ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mill-formalitajiet varji li jistgħu jkunu marbuta ma' dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u l-organi tiegħu li jkunu mwettqa skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m'għandhomx ikunu suggetti għal xi taxxa fuq id-dħul totali. Id-disposizzjonijiet t'hawn fuq għandhom ukoll japplikaw għall-Istitut Monetarju Ewropew. Ix-xoljiment jew likwidazzjoni tiegħu ma tatix lok għal ebda imposta. B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzarji hawn taħt sottoskritti ffirmaw dan il-Protokoll. Magħmul fi Brussel dan it-tmien jum ta' April fis-sena elf disa' mija u ħamsa u sittin. --------------------------------------------------