Official Journal L 093 , 03/04/2001 P. 0040 - 0047
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta' l-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja IL-KOMUNITÀ EWROPEA u IR-REPUBBLIKA TA' L-ISLANDA u IR-RENJU TAN-NORVEĠJA minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala l-"Partijiet Kontraenti", WARA LI KKUNSIDRAW li l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kienu kkonkludew il-Konvenzjoni ta' Dublin li tiddetermina l-Istat responsabbli għall-eżami ta' l-applikazzjonijiet għal ażilju ppreżentati f'wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej [1], iffirmat f'Dublin fil-15 ta' Ġunju 1990 (minn hawn “il quddiem imsejjaħ 'il-Konvenzjoni ta' Dublin), WARA LI FTAKRU li l-Artikolu 7 tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem mesejjaħ "il-Kunsill") u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis Schengen [2] jitlob għal konklużjoni ta' arranġament xieraq dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta' l-Istat Responsabbli għall-eżami ta' talba għal ażilju ppreżentata f'xi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja, WARA LI KKUNSIDRAW li għalhekk huwa xieraq li dan il-Ftehim għandu jinkorpora d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Dublin u d-diposizzjonijiet relevanti li diġà kienu adottati mill-Kumitat stabbilit bis-saħħa ta' l-Artikolu 18 ta' dik il-Konvenzjoni, mingħajr preġudizzju għar-relazzjonijiet stabbiliti bil-Konvenzjoni ta' Dublin bejn il-Partijiet Kontraenti ta' dik il-Konvenzjoni, WARA LI KKUNSIDRAW li d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' data bħal din [3] (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala d-"Direttiva dwar il-Protezzjoni ta' Data") għandha tkun applikata mill-Islanda u min-Norveġja bħal ma hija applikata mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea meta jipproċessaw id-dettalji għall-iskopijiet koperti b'dan il-Ftehim, WARA LI RRIKONOXXU, madankollu, li d-diposizzjonijiet inkorporati f'dan il-Ftehim għandhom, fejn meħtieġ, ikunu adattati sabiex titqies il-posizzjoni ta' l-Islanda u n-Norveġja bħala Stati mhux-membri, KONVINTI li huwa meħtieġ li jkun inkluż mekkaniżmu f'dan il-Ftehim li jipprovdi għal konsistenza ma' l-iżvilupp ta' l-acquis tal-Komunità, partikolarment b'relazzjoni mal-materji msemmija fl-Artikolu 63(1)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, KONVINTI li huwa meħtieġ li tkun organizzata koperazzjoni mar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fil-livelli kollha f'dak li jirrigwardja l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni prattika u l-iżvilupp ulterjuri tal-Konvenzjoni ta' Dublin, WARA LI KKUNSIDRAW li għal dan l-iskop huwa meħtieġ li tkun stabbilita struttura organizzazzjonali, li tassigura l-assoċjazzjoni tar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja ma' l-attivitajiet f'dawn l-oqsma u li jikkwalifikaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-attivitajiet permezz ta' Kumitat, WARA LI KKUNSIDRAW li fil-11 ta' Diċembru 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2725/2000 li jikkonċerna l-istabbiliment ta' "Eurodac" għal tqabbil tal-marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin [4] sabiex jgħin fid-determinazzjoni ta' liema Parti Kontraenti hija responsabbli għall-eżami ta' l-applikazzjoni għall-ażilju permezz tal-Konvenzjoni ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-"Regolament Eurodac"), WARA LI KKUNSIDRAW li dan il-Ftehim għandu jkun estiż għall-materja tas-suġġett kopert bir-Regolament Eurodac bil-għan ta' l-implimentazzjoni parallela ta' dak ir-Regolament fl-Islanda, fin-Norveġja u fil-Komunitajiet Ewropew, WARA LI KKUNSIDRAW li d-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-atti adottati fuq il-bażi ta' dik it-titolu ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka, imma li d-Danimarka għandha tkun mogħtija l-opportunità li tipparteċipa f'dan il-Ftehim jekk hi hekk tixtieq. FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Dublin, elenkati fil-Parti 1 ta' l-Anness ta' dan il-Ftehim u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat stabbiliti bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Dublin elenkati fil-Parti 2 ta' l-imsemmi l-Anness għandhom ikunu implimentati mill-Islanda u n-Norveġja u applikati fir-relazzjonijiet konġunti tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Istati Membri, suġġett għall-paragrafu 4. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, suġġett għall-paragrafu 4, b'relazzjoni ma' l-Islanda u n-Norveġja. 3. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-protezzjoni tad-data kif inhuma applikati mill-Istati Membri b'relazzjoni mad-data pproċessata għall-iskop ta' l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet kif iddefiniti fl-Anness għandhom ikunu implimentati mutatis mutandis mill-Islanda u min-Norveġja. 4. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, referenzi fid-disposizzjonijiet koperti bl-Anness għal "l-Istati Membri" għandhom ikunu jinftiehmu bħala li jinkludu l-Islanda u n-Norveġja. 5. Dan il-Ftehim għandu japplika għar-Regolament Eurodac billi titqies is-sitwazzjoni partikolari tan-Norveġja u l-Islanda'l barra mill-Unjoni Ewropea bil-għan ta' l-implimentazzjoni parallela ta' dak ir-Regolament fl-Islanda, fin-Norveġja u fil-Komunità Ewropea. Artikolu 2 1. Waqt li tkun qed tabbozza leġislazzjoni ġdida bbażata fuq l-Artikolu 63(1)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea fil-qasam li huwa kopert bil-materja tas-suġġett ta' l-Anness ta' dan il-Ftehim jew bl-Artikolu 1(5), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala "il-Kummissjoni") għandha informalment tfittex il-parir mill-esperti ta' l-Islanda u n-Norveġja bl-istess mod kif tfittex il-parir mill-esperti ta' l-Istati Membri għat-tħejjija tal-proposti tagħha. 2. Meta tressaq il-proposti tagħha, li huma relevanti għal dan il-ftehim, lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tgħaddi kopji tagħhom lill-Islanda u lin-Norveġja. Fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, skambju preliminari tal-veduti jista' jseħħ fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz ta' l-Artikolu 3. 3. Matul il-fażi li tippreċedi l-adozzjoni ta' leġislazzjoni, fil-proċess ta' l-informazzjoni u l-konsultazzjoni kontinwa, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lill-xulxin mill-ġdid fil-Kumitat Konġunt f'mumenti sinifikanti fuq it-talba ta' wieħed minnhom. Wara l-adozzjoni ta' leġislazzjoni, il-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 4(2) sa (7) għandha tkun applikabbli. 4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkoperaw in bona fede matul il-fażi ta' l-informazzjoni u l-konsultazzjoni bil-għan li jiffaċilitaw, fit-tmiem tal-proċess, il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt b'konformità ma' dan il-Ftehim. 5. Ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikollhom id-dritt li jressqu suġġerimenti fil-Kumitat Konġunt li jirrigwardaw il-materji msemmija fil-paragrafu 1. 6. Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-esperti tan-Norveġja u l-Islanda jkollhom parteċipazzjoni l-aktar wiesa' skond l-oqsma kkonċernati, fl-istadju preparatorju ta' l-abbozz tal-miżuri li sussegwentament għandhom ikunu ppreżentati lill-kumitati li jgħinu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri eżekuttivi tagħha. F'dan ir-rigward, meta tkun qiegħda tħejji l-miżuri, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-esperti ta' l-Islanda u n-Norveġja fuq l-istess bażi bħal ma hija tirreferi għall-esperti ta' l-Istati Membri. 7. Fil-każi meta l-Kunsill huwa maqbud skond il-proċedura applikabbli għat-tip tal-kumitat involut, il-Kummissjoni għandha tittrasmetti lill-Kunsill il-veduti ta' l-esperti ta' l-Islanda u n-Norveġja. Artikolu 3 1. Kumitat Konġunt huwa b'dan stabbilit, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti. 2. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura bi ftehim b'kunsens. 3. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq it-talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu. 4. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fil-livell xieraq, skond ma jeħtieġu ċ-ċirkostanzi, sabiex jirrevedi l-implimentazzjoni prattika u l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet koperti bl-Anness, inklużi l-atti ġodda jew il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 adottati mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Dublin u sabiex jagħmel skambju tal-veduti dwar l-eleborazzjoni ta' leġislazzjoni ġdida bbażata fuq l-Artikolu 63(1)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li jkopri s-sustanza tal-materja ta' l-Artikolu 1(5) jew ta' l-Anness. L-iskambji kollha ta' l-informazzjoni li tappartieni għal dan il-Ftehim għandha tkun meqjusa li seħħet fi ħdan ir-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt. 5. L-uffiċċju tal-President tal-Kumitat Konġunt għandu jinżamm, alternattivament għal perijodu ta' sitt xhur, mir-rappreżentant tal-Komunità Ewropea u mir-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Islanda u tan-Norveġja, b'segwiment ta' ordni alfabetika. Artikolu 4 1. Suġġett għall-paragrafu 2, meta l-atti jew il-miżuri ġodda msemmija fl-Artikolu 1 huma adottati mill-Kumitat Stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Konvenjoni ta' Dublin dawn għandhom, sakemm ma jkunx mistqarr espressament mod ieħor, ikunu applikati mill-istess żmien mill-Istati Membri, min-naħa l-waħda, u mill-Islanda u n-Norveġja, min-naħa l-oħra. 2. L-adozzjoni ta' l-atti jew tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun innotifikata immedjatament lill-Kummissjoni, lill-Islanda u lin-Norveġja. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jiddeċiedu independentement jekk jaċċettawx il-kontenut tagħhom u li jimplimentawhom fl-ordni legali interna tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu nnotifikati lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum mill-adozzjoni ta' l-atti jew tal-miżuri kkonċernati. 3. Jekk il-kontenut ta' att jew miżura bħal din jista' jkun jorbot fuq l-Islanda biss wara t-twettieq tal-ħtiġiet kostituzzjonali, l-Islanda għandha tinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar dan fil-waqt tan-notifika tiegħu. L-Islanda għandha mill-ewwel tinforma bil-kitba lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-twettieq tal-ħtiġiet kostituzzjonali kollha, u għandha tipprovdi dik l-informazzjoni malajr kemm jista' jkun possibbli qabel id-data stabbilita għad-dħul fis-seħħ ta' l-att jew tal-miżura skond il-paragrafu 1. 4. Jekk il-kontenut ta' l-att jew tal-miżura bħal din jista' jkun jorbot fuq in-Norveġja biss wara t-twettieq tal-ħtiġiet kostituzzjonali, in-Norveġja għandha tinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar dan fil-waqt tan-notifika tiegħu. In-Norveġja għandha mill-ewwel, u l-aktar tard sitt xhur min-notifika mill-istituzzjoni kompetenti ta' l-Unjoni Ewropea, tinforma bil-kitba lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni mat-twettieq tal-ħtiġiet kostituzzjonali kollha. Mid-data stabbilita għad-dħul b'effett ta' l-att jew tal-miżura għan-Norveġja u sakemm l-informazzjoni rigward it-twettieq tal-ħtiġiet kostituzzjonali, in-Norveġja għandha proviżjonalment tapplika, meta possibbli, il-kontenut ta' l-att jew tal-miżura bħal din. 5. L-aċċettazzjoni mill-Islanda u min-Norveġja ta' l-atti u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha toħloq drittijiet u obbligazzjonijiet bejn l-Islanda u n-Norveġja, u bejn l-Islanda u n-Norveġja, minn naħa l-waħda, u l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, minn naħa l-oħra. 6. Meta: (a) jew l-Islanda jew n-Norveġja tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax il-kontenut ta' att jew ta' miżura msemmija fil-paragrafu 1 u li dwarhom il-proċeduri stabbiliti f'dan il-Ftehim ikunu ġew applikati; jew (b) jew l-Islanda jew n-Norveġja ma tagħmilx in-notifika fi żmien il-limitu ta' żmien ta' 30 jum stabbilit fil-paragrafu 2; jew (ċ) l-Islanda ma tagħmilx in-notifika qabel id-data stabbilita għad-dħul b'effett ta' dan l-att jew miżura kkonċernata dwar dan; jew (d) In-Norveġja ma tagħmilx notifika fi żmien sitt xhur tal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 4 jew ma tipprovdix għall-applikazzjoni temporanja kif intiża fl-istess paragrafu mid-data stabbilita għad-dħul b'effett ta' l-att jew tal-miżura kkonċenata dwarha; dan il-Ftehim għandu jkun meqjus bħala sospiż fir-rigward ta' l-Islanda jew in-Norveġja, skond ma jkun il-każ. 7. Il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina l-materja li twassal għas-sospenzjoni u għandu jintrabat li jirrimedja r-raġuni għan-nuqqas ta' aċċettazzjoni jew tan-nuqqas tar-ratifika fi żmien il-perjodu ta' 90 jum. Wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet ulterjuri għaż-żamma tal-funzjonar tajjeb ta' dan il-Ftehim, inkluża l-possibbiltà li jingħata każ ta' l-ekwivalenza tal-leġislazzjoni, jista' jkun deċiż b'unanimità li jkun installat mill-ġdid il-Ftehim. Jekk dan il-Ftehim jibqa' sospiż wara 90 jum, dan għandu jkun ikkunsidrat bħala mitmum fir-rigward ta' l-Islanda jew in-Norveġja, skond ma jkun il-każ. Artikolu 5 Sakemm iseħħ id-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1) u t-tibdil tad-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), b'konformità ma' l-Artikolu 4(3) u (4), jekk Parti Kontraenti tiffaċċja diffikultajiet maġġuri bħala riżultat ta' kambjament sostanzjali fiċ-ċirkostanzi akkwistati mal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim, jista' jressaq il-materja quddiem il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 3 hekk li dan ta' l-aħħar iressaq lejn il-Partijiet Kontraenti l-miżuri biex jieħu ħsieb tas-sitwazzjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi unanimament dwar dawn il-miżuri. Meta l-unanimità ma tistax tkun milħuqha, l-Artikolu 8 għandu jkun applikabbli. Artikolu 6 1. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-Partijiet Kontraenti li jaslu għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi kemm jista' jkun possibbli tad-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Kumitat Konġunt għandu jżomm taħt reviżjoni kontinwa l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem msejjaħ il-"Qorti tal-Ġustizzja") kif ukoll dwar l-iżviluppi tal-ġurisprudenza tal-qrati kompetenti ta' l-Islanda u n-Norveġja li jirrigwardaw disposizzjonijiet bħal dawn. Għal dan il-għan, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jassiguraw it-trasmissjoni reċiproka ta' ġurisprudenza bħal din mingħajr dewmien. 2. Suġġett għall-adozzjoni tan-notifiki meħtieġa tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizja, l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikunu ntitolati li jippreżentaw stqarrijiet tal-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizja fil-każi meta l-kwistjoni tkun ġiet riferita minnha għal qorti jew tribunal ta' Stat Membru għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' disposizzjoni riferuta fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 2(1). Artikolu 7 1. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jippreżentaw rapporti ta' kull sena lejn il-Kumitat Konġunt dwar kif l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom u l-qrati tagħhom ikunu applikaw u interpretaw id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond ma jkun il-każ. 2. Jekk il-Kumitat Konġunt, fi żmien xharejn wara differenza sostanzjali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizja u l-qrati ta' l-Islanda u n-Norveġja jew ta' differenzi sostanzjali fl-applikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kkonċernati u dawk ta' l-Islanda u n-Norveġja fir-rigward tad-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ikunu tressqu quddiemu, ma tkunx tista' tiġi assigurata l-preservazzjoni ta' applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi, il-proċedura ta' l-Artikolu 8 għandha tkun applikabbli. Artikolu 8 1. Fil-każ ta' kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim jew meta s-sitwazzjoni li hemm disposizzjoni dwarha fl-Artikoli 5 jew 7(2) isseħħ, il-materja għandha tkun uffiċċjalment imdaħħla bħala materja dwar kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kumitat Konġunt. 2. Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu 90 jum mid-data ta' l-adozzjoni ta' l-aġenda li fiha l-kwistjoni tkun ġiet imdaħħla u li fiha l-kwistjoni għandha tkun imwettqa. 3. Fil-każ meta kwistjoni ma tistax tkun imwettqa mill-Kumitat Konġunt fiż-żmien tal-perijodu ta' 90 jum intiż fil-paragrafu 2, perjodu ieħor ta' 90 jum għandu jkun osservat ħalli jintlaħaq twettieq finali. Jekk il-Kumitat Konġunt ma jkunx ħa deċiżjoni fit-tmiem ta' dak il-perijodu, dan il-Ftehim għandu jkun meqjus bħala mitmum fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, skond ma jkun il-każ, jew fit-tmiem ta' l-aħħar jum ta' dak il-perjodu. Artikolu 9 1. Sa fejn huma kkonċernati l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali rigward l-istallazzjoni u l-operazzjoni ta' l-unità ċentrali ta' Eurodac, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jikkontribwixxu għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea somma annwali ta': - għall-Islanda 0,1 %, - għan-Norveġja 4,995 % ta' l-ammont inizjali ta' referenza ta' EUR 975000 fl-impenn ta' l-appropprazzjonijiet u ta' EUR 5000000 fil-pagament ta' l-appropprazzjonijiet u mis-sena tal-budget 2002 'il quddiem ta' l-appropprazzjonijiet relevanti tal-budget għas-sena tal-budget ikkonċernata. Sa fejn huma kkonċernati l-ispejjeż amministrattivi jew operazzjonali involuti fl-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jaqsmu bejniethom dawn l-ispejjeż billi jikkontribwixxu għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, somma annwali skond il-persentaġġ tal-prodott gross nazzjonali jew lill-pajjiżi l-oħrajn fir-rigward tal-prodott gross nazzjonali ta' l-Istati parteċipanti kollha. 2. L-Islanda u n-Norveġja għandhom ikollhom id-dritt li jirċievu dokumenti li jappartjenu għal dan il-Ftehim u, fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, li jitolbu interpretazzjoni f'xi lingwa uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-għażla tagħhom. B'dana kollu, xi spejjeż għat-traduzzjoni jew l-interpretazzjoni mill-lingwa Islandiża jew Norveġiża għandhom jinġarru mill-Islanda jew min-Norveġja, skond ma jkun il-każ. Artikolu 10 L-awtoritajiet nazzjonali tas-superviżjoni tal-protezzjonali tad-dettalji ta' l-Islanda u tan-Norveġja u xi korp superviżorju indipendenti stabbilit bis-saħħa ta' l-Artikolu 286(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom jikkoperaw sal-limitu meħtieġ għat-twettieq tad-doveri tagħhom u partikolarment l-iskambju ta' l-informazzjoni utili kollha. Il-modalitajiet ta' koperazzjoni bħal din għandhom ikunu miftiehma malajr kemm jista' jkun minn meta dan il-korp ikun stabbilit. Artikolu 11 1. Dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa fi kwalunkwe mod tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew xi ftehim ieħor konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Islanda u/jew in-Norveġja jew il-Kunsill u l-Islanda u/jew in-Norveġja. 2. Dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa fi kwalunkwe mod ftehim futur li jkun konklużi ma' l-Islanda u/jew man-Norveġja mill-Komunità Ewropea. 3. Dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa l-koperazzjoni fil-qafas ta' l-unjoni Nordika tal-passaporti, sal-limitu li koperazzjoni bħal din ma tkunx kuntrarju għal, u ma tkunx tfixkel, dan il-Ftehim u l-atti u l-miżuri bbażati fuq dan il-Ftehim. Artikolu 12 Ir-Renju tad-Danimarka jista' jitlob li jipparteċipa f'dan il-Ftehim. Il-kondizzjoni għal parteċipazzjoni bħal din għandha tkun iddetterminata mill-Partijiet Kontraenti, li jaġixxu bil-kunsens tar-Renju tad-Danimarka, fi Protokoll ta' dan il-Ftehim. Artikolu 13 1. Suġġett għall-paragrafi 2 sa 5, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikabbli, u għall-Islanda u n-Norveġja. 2. Dan il-Ftehim m'għandux japplika għal Svalbard (Spitzbergen). 3. Dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka b'konformità mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 u għal Gżejjer Faroe u Greenland biss bħala estenzjoni tal-Konvenzjoni ta' Dublin għal dawk it-territorji. 4. Dan il-Ftehim m'għandux japplika għad-dipartimenti overseas Franċiżi. 5. Dan il-Ftehim għandu jkollu effett fil-Ġibiltà biss ma' l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Dublin, jew xi miżura tal-Komunità li tieħu post dik il-Konvenzjoni, għall-Ġibilità. Artikolu 14 1. Dan il-Ftehim huwa suġġett għar-ratifika jew l-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti. L-istrumenti tar-ratifika jew l-approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li għandu jaġixxi bħala depositarju. 2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-komunikazzjoni mid-depożitarju tal-Partijiet Kontraenti li l-aħħar strument jew ratifika jew approvazzjoni jkunu ġew iddepożitati. Artikolu 15 Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim b'dikjarazzjoni bil-miktub lid-depożitarju. Dikjarazzjoni bħal din għandha jkollha effett sitt xhur wara d-depożitu tagħha. Dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jkun effettiv jekk jew il-Komunità Ewropea jew l-Islanda u n-Norveġja flimkien ikunu ddenunzjawh. Magħmul fi Brussel, fid-dsatax-il jum ta' Jannar fis-sena elfejn u wieħed f' oriġinali waħda fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franciża, Ġermaniża, Grierga, Taljana, Portugiża, Spanjola, Svediża, Islandiża u Norveġiża, kull test ikun ugwalment awtentiku, oriġinali bħal din tibqa' ddepożitata fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' 1–Unjoni Ewropea. Por la Comunidad EuropeaFor Det Europæiske FællesskabFür die Europäische GemeinschaftΓια την Ευρωπαϊκή ΚοινότηταFor the European CommunityPour la Communauté européennePer la Comunità europeaVoor de Europese GemeenschapPela Comunidade EuropeiaEuroopan yhteisön puolestaPå Europeiska gemenskapens vägnarFyrir hönd EvrópubandalagsinsFor Det europeiske fellesskap +++++ TIFF +++++ Por la República de IslandiaFor Republikken IslandFür die Republik IslandΓια τη Δημοκρατία της ΙσλανδίαςFor the Republic of IcelandPour la République d'IslandePer la Repubblica d'IslandaVoor de Republiek IJslandPela República da IslândiaIslannin tasavallan puolestaPå Republiken Islands vägnarFyrir hönd Lýðveldisins ÍslandsFor Republikken Island +++++ TIFF +++++ Por el Reino de NoruegaFor Kongeriget NorgeFür das Königreich NorwegenΓια το Βασίλειο της ΝορβηγίαςFor the Kingdom of NorwayPour le Royaume de NorvègePer il Regno di NorvegiaVoor het Koninkrijk NoorwegenPelo Reino da NoruegaNorjan kuningaskunnan puolestaPå Konungariket Norges vägnarFyrir hönd Konungsríkisins NoregsFor Kongeriket Norge +++++ TIFF +++++ [1] ĠU C 254, 19.8.1997, p. 1. [2] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [3] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. [4] ĠU L 316 15.12.2000, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-KONVENZJONI TA' DUBLIN U D-DEĊIŻJONIJIET TAL-KUMITAT STABBILIT BL-ARTIKOLU 18 TAL-KONVENZJONI TA' DUBLIN Parti 1: Il-Konvenzjoni ta' Dublin Id-disposizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni, iffirmata f'Dublin fil-15 ta' Ġunju 1990, li jiddeterminaw l-Istat responsabbli għall-eżami ta' l-applikazzjoni għall-ażilju ppreżentati fi Stat Membru wieħed, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 16 sa 22. Parti 2: Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Dublin Id-Deċiżjoni Nru 1/97 tad-9 ta' Settembru 1997 tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Dublin tal-15 ta' Ġunju 1990, li tikkonċerna d-disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tat-30 ta' Ġunju 198 tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Dublin tal-15 ta' Ġunju 1990, li tikkonċerna d-disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. --------------------------------------------------