22000D0210(12)



Official Journal L 035 , 10/02/2000 P. 0043 - 0044


Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Nru 12/1999

tad-29 ta' Jannar 1999

li temenda l-Anness XV (għajnuna ta' l-Istat) għall-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif aġġustat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim għaż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi l-Anness II għall-Ftehim ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 20/98 tas-6 ta' Marzu 1998 [1];

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxi regoli ġodda dwar għajnuna għall-bini tal-vapuri [2], dwar sostanzi li jagħmlu ħsara lis-saff ta' l-ożonju għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

It-test tal-punt 1b (Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE) fl-Anness XV għall-Ftehim għandu jiġi mibdul b'li ġej:

"398 R 1540: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxi regoli ġodda dwar għajnuna għall-bini tal-vapuri (ĠU L 202, tat-18.7.1998, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-għanijiet tal-Ftehim preżenti, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a) It-terminu "Stat Membru" għandu jaqra "Stat Membru tal-KE jew Stat ta' l-EFTA". It-terminu "Stati Membri" għandu jaqra "Stati Membri tal-KE jew Stati ta' l-EFTA";

(b) "Kummissjoni" għandha tinqara "awtorità ta' sorveljanza kompetenti kif definita fl-Artikolu 62 tal-Ftehim taż-ŻEE";

(ċ) Il-kliem "kompatibbli mas-suq komuni" għandu jinqara "kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE";

(d) Fl-Artikolu 1(e), il-kliem "Għajnuna ta' l-Istat fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat" għandu jinqara "Għajnuna ta' l-Istat fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE";

e) Fl-Artikolu 2(2), il-kliem "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għat-trasport marittimu" għandu jaqra "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għat-trasport marittimu [3] u r-regoli Proċedurali u Sostantivi ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-kapitolu 24A dwar l-għajnuna għat-trasport marittimu [4]";

(f) Fl-Artikolu 4(4), il-kliem "leġislazzjoni u regoli tal-Komunità" għandhom jaqraw "regoli taħt il-Ftehim taż-ŻEE";

(g) Fl-Artikolu 5(1), il-kliem "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-Istat għas-salvataġġ u ristrutturar ta' ditti f'diffikultà" għandu jaqra "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-Istat għas-salvataġġ u ristrutturar ta' ditti f'diffikultà [5] u r-regoli Proċedurali u Sostantivi ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-kapitolu 16 dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u ristrutturar ta' ditti f'diffikultà [6]";

(h) Fl-Artikolu 7, il-kliem "L-Artikolu 92(3)(a) tat-Trattat" u "L-Artikolu 92(3)(ċ) tat-Trattat" għandu jaqra "L-Artikolu 61(3)(a)" u "L-Artikolu 61(3)(ċ)" rispettivament.

(i) Fl-Artikolu 7, il-kliem "il-linji ta' gwida tal-Komunità applikabbli dwar l-għajnuna reġjonali" għandu jaqra "il-linji ta' gwida tal-Komunità applikabbli dwar l-għajnuna reġjonali [7] u r-regoli Proċedurali u Sostantivi ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, parti VI Regoli dwar għajnuna reġjonali [8]";

(j) Fl-Artikolu 8(2), il-kliem "il-qafas tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u għall-iżvilupp" għandu jaqra "il-qafas tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u għall-iżvilupp [9] u r-regoli Proċedurali u Sostantivi ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-kapitolu 14 dwar l-għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp [10]";

(k) Fl-Artikolu 9(2), il-kliem "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għal protezzjoni ambjentali" għandu jaqra "il-linji ta' gwida tal-Komunità dwar għajnuna ta' l-Istat għall-protezzjoni ambjentali [11] u r-regoli Proċedurali u Sostantivi ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-kapitolu 15 dwar l-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali [12]".

(l) Fl-Artikolu 10(1), il-kliem "L-Artikolu 93 tat-Trattat" għandu jaqra "L-Artikolu 62 tal-Ftehim taż-ŻEE". Fl-Artikolu 10(2), il-kliem "L-Artikolu 92 tat-Trattat" għandu jaqra "L-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE"."

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 fil-lingwa Islandiża u f'dik Norveġiża, li huma annessi għall-verżjonijiet rispettivi tal-lingwa għal din id-Deċiżjoni, huma awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar it-30 ta' Jannar 1999, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 1999.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta', u fis-Suppliment taż-ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Jannar 1999.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

F. Barbaso

[1] ĠU L 272, tat-8.10.1998, p. 35.

[2] ĠU L 202, tat-18.7.1998, p. 1.

[3] ĠU C 205, tal-5.7.1997, p. 5.

[4] ĠU L 316, ta' l-20.11.1997, p. 23.

[5] ĠU C 368, tat-23.12.1994, p. 12.

[6] ĠU C 38, tal-5.2.1998, p. 19.

[7] ĠU C 74, ta' l-10.3.1998, p. 9.

[8] ĠU L 111, tat-29.4.1999, p. 46.

[9] ĠU C 45, tas-17.2.1996, p. 5.

[10] ĠU L 245, tas-26.9.1996, p. 20.

[11] ĠU C 72, ta' l-10.3.1994, p. 3.

[12] ĠU L 231, tat-3.9.1994, p. 1.

--------------------------------------------------