21999D0191



Official Journal L 074 , 15/03/2001 P. 0029 - 0031


Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Nru 191/1999

tas-17 ta' Diċembru 1999

li temenda l-Annessi VIII (Dritt għall-Istabbilitment) u V (Moviment liberu tal-ħaddiema) għall-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif aġġustat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim għaż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Kunsill taż-ŻEE ta' l-10 ta' Marzu 1995 adotta Dikjarazzjoni dwar il-moviment liberu ta' persuni [1];

(2) Ir-reviżjoni konġunta, li saret bi qbil ma' l-Artikolu 9(2) tal-Protokoll 15 fl-aħħar tal-perjodu transitorju, ikkonkludiet illi is-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-Liechtenstein għadha tiġġustifika iż-żamma ta' ċerti kondizzjonijiet dwar id-dritt ta' residenza f'dak il-pajjiż; din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sejbiet ta' dik ir-reviżjoni;

(3) L-Annessi XVIII u V għall-Ftehim ġew emendati t-tnejn bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 7/94 tal-21 ta' Marzu 1994 li jemenda l-Protokoll 47 u ċerti l-Annessi għall-Ftehim taż-ŻEE [2],

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

It-test li ġej għandu jiżdied ma' l-ADDATTAMENTI SETTORJALI ta' l-Anness VIII għall-Ftehim:

"L-addattamenti li ġejjin għandhom japplikaw għal-Liechtenstein sal-31 ta' Diċembru 2006. Qabel dik id-data, il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel reviżjoni fuq il-bażi ta' liema jista', billi jieħu kont xieraq tas-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-Liechtenstein u sa kemm huwa strettament meħtieġ, jiddeċiedi illi jżomm tali miżuri li jistgħu jitqiesu xierqa.

I

Ċittadini ta' l-Islanda, in-Norveġja u l-Istati Membri ta' l-UE jistgħu jagħmlu r-residenza tagħhom fil-Liechtenstein biss wara li jirċievu permess mill-awtoritajiet tal-Liechtenstein. Għandhom id-dritt illi jiksbu dan il-permess, soġġett biss għar-restrizzjonijiet speċifikati hawn taħt. Ebda permess bħal dan għar-residenza ma għandu jkun meħtieġ għal perjodu ta' anqas minn tlett xhur fis-sena, sakemm ebda impjieg jew attività ekonomika permanenti oħra ma ssir, lanqas għal persuni illi jipprovdu servizzi bejn il-fruntjieri fil-Liechtenstein.

Il-kondizzjonijiet li jikkonċernaw ċittadini ta' l-Islanda, tan-Norveġja u ta' l-Istati Membri ta' l-UE ma jistgħux ikunu aktar restrittivi minn dawk illi japplikaw għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

II

1. In-numru ta' permessi għar-residenza disponibbli fis-sena għal ċittadini ta' l-Islanda, tan-Norveġja jew ta' Stat Membru ta' l-UE li jeżerċita attività ekonomika mal-Liechtenstein għandu jkun stabbilit b'tali mod illi iż-żjieda netta annwali mis-sena ta' qabel fin-numru ta' ċittadini attivi ekonomikament ta' dawk il-pajjiżi residenti fil-Liechtenstein ma tkunx anqas minn 1,75 % tan-numru tagħhom fl-1 ta' Jannar 1998. Permessi għar-residenti lil persuni naturalizzati matul sena jitnaqqas mill-bażi li fuqha tiġi kkalkulata ż-żieda għas-sena ta' wara. Permessi għar-residenza mogħtija aktar min-numru minimu ma għandhomx jingħaddu kontra ż-żjieda dovuta s-sena ta' wara.

2. L-awtoritajiet tal-Liechtenstein għandhom jagħtu permessi b'tali mod illi ma jkunux diskriminatorji u ma jgħawwġux il-kompetizzjoni. Nofs iż-żjieda netta fil-permessi disponibbli għandha tingħata bi qbil mal-proċedura illi tagħti opportunità ugwali lill-applikanti kollha.

3. Residenti illi għandhom permess għal tul ta' żmien qasir u li jeżerċitaw attività ekonomika għandhom jiġu nklużi fil-kwota. Tali persuni jistgħu jibqgħu fil-Liechtenstein taħt il-kondizzjonijiet definiti fil-Ftehim wara l-iskadenza tal-permess, fi ħdan il-kwota li taħtha daħlu fil-pajjiż. Il-permess taħt il-kwota għandu jiġi attribwit mill-ġdid meta persuna li lilha jkun atribwit tibdel ir-residenza tagħha għal pajjiż ieħor. In-numru ta' permessi għal tul ta' żmien qasir għall-għanijiet ta' eżerċizzu ta' attività ekonomika ma għandu jiddevja b'aktar minn 10 % minn dak li kien fl-1997.

III

Membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Islanda, tan-Norveġja u ta' l-Istati Membri ta' l-UE li jirrisjedu legalment fil-Liechtenstein għandhom id-dritt illi jiksbu permess ta' l-istess velidità bħal dak tal-persuna li fuha jiddependu. Għadu jkollhom id-dritt illi jkollhom attività ekonomika, f'liema każ huma jkunu inklużi fin-numru ta' permessi mogħtija lill persuni attivi ekonomikament. Madankollu, il-kondizzjonijiet fil-punt II ma jisgħux jiġu wżati sabiex jiġi rifjutat permess fil-każ illi n-numru annwali tal-permessi disponibbli lil persuni attivi ekonomikament jimtela'.

Persuni illi jwaqqfu l-attività ekonomika tagħhom jistgħu jibqgħu fil-Liechtenstein taħt il-kondizzjonijiet definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 tad-29 ta' Ġunju dwar id-dritt tal-ħaddiema illi jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkunu ilhom impjegati f'dak l-Istat [3] u fid-Direttiva tal-Kunsill 75/34/KEE tas-17 ta' Diċembru 1974 dwar id-dritt ta' ċittadini ta' Stat Membru illi jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor wara illi jkollu fih attività fil-kapatċità ta' wieħed illi jaħdem għal-rasu [4]: ma jibqgħux jingħaddu man-numru ta' permessi disponibbli lil persuni ekonomikament attivi lanqas ma jiġu iklużi fil-kwota definita fil-punt IV.

IV

Kwota supplimentari annwali ta' 0,5 % fuq il-bażi li hemm referenza għaliha fil-punt II għandha tkun disponibbli għal persuni illi jixtiequ jagħmlu r-residenza tagħhom fuq il-bażi tad-drittijiet definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt għar-residenza [5], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt għar-residenza għall-impjegati, u persuni illi jaħdmu għal rashom li jkunu waqfu mill-attività ta' xogħol tagħhom [6] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar id-dritt għar-residenza għal studenti [7].

Il-Punt II għandu japplika mutatis mutandis.

V

1. Il-Liechtenstein jista' jżomm fis-seħħ għal 5 snin id-dispożizzjonijiet nazzjonali illi jobbligaw lil ħaddiema staġjonali u lill-familja tagħhom illi jħallu t-territorju tal-Liechtenstein għal mill-anqas tlett xhur ma' l-iskadenza tal-permess staġjonali. Tali persuni ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet oħra. Il-permessi staġjonali għandhom jiġi mġedda awtomatikament għal ħaddiema staġjonali li jkollhom kuntratt ta' xogħol mal-wasla tagħhom lura fil-Liechtenstein. In-numru ta' permessi disponibbli għal ħaddiema staġjonali li għandhom ċittadinanza Islandiża, Norveġiża jew ta' Stat Membru ta' l-UE ma għandux ikun anqas min-numru ta' permessi mogħtija fl-1997 bi tnaqqis tan-numru ta' permessi għal persuni illi jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni bi qbil mal-paragrafu li ġej.

2. In-numru ta' persuni eżenti mill-obbligu illi jħallu t-territorju tal-Liechtenstein kull sena għandu jiġi stabbilit bħala n-numru ta' permessi pendenti maqsum bin-numru ta' snin illi jibqa' sa l-aħħar tal-perjodu tranżitorju għal ħaddiema staġjonali. L-ordni tal-persuni illi jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni għandu jiġi stabbilit bin-numru ta' tiġdid konsekuttiv ta' permessi staġjonali u bid-data tal-ħruġ ta' l-ewwel tali permess fi ħdan is-sekwenza.

3. Persuni illi bbenefikaw mil-liberalizzazzjoni bi qbil mal-paragrafu preċedenti ma għandhomx jieħdu post taħt il-kwoti bi qbil mal-punti II u IV. Tali persuni għandhom madankollu jingħaddu fil-każ li membri tal-familja jibdew attività ekonomika bi qbil mal-punt III.

VI

Applikanti għal permess ta' residenza għandhom jirċievu tweġiba bil-miktub sa l-aħħar tat-tielet xahar mid-data ta' l-applikazzjoni. Applikanti li ma jingħatawx permess għandhom id-dritt għal raġuni għar-rifjut bil-miktub. Għandu jkollhom l-istess rimedji legali bħaċ-ċittadini tal-Liechtenstein fir-rigward ta' deċiżjonijiet amministrattivi.

VII

Persuna mpjegata imma li r-residenza tagħha mhijiex fil-Liechtenstein (ħaddiem tal-fruntieri) għandha tmur lura kuljum lejn il-pajjiż tagħha.

VIII

Il-Liechtenstein għandu jipprovdi lill-Partijiet Kontaenti l-oħra u lill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA kull informazzjoni li tista' tkun meħtieġa sabiex tiġi kkontrollata l-konformità ma' dan l-Anness."

Artikolu 2

It-test li ġej għandu jiżdied ma' l-ADDATTAMENTI SETTORJALI ta' l-Anness V għall-Ftehim:"Id-dispożizzjonijiet fl-ADDATTAMENTI SETTORJALI fl-Anness VIII dwar il-Liechtenstein għandu japplika, kif xieraq, għal dan l-Anness."

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Jannar 2000, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta', u fis-Suppliment taż-ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

N. v. Liechtenstein

[1] ĠU L 86, ta' l-20.4.1995, p. 80.

[2] ĠU L 160, tat-28.6.1994, p. 1.

[3] ĠU L 142, tat-30.6.1970, p. 24.

[4] ĠU L 14, ta' l-20.1.1975, p. 10.

[5] ĠU L 180, tat-13.7.1990, p. 26.

[6] ĠU L 180, tat-13.7.1990, p. 28.

[7] ĠU L 317, tat-18.12.1993, p. 59.

--------------------------------------------------