21999A0618(01)



Official Journal L 151 , 18/06/1999 P. 0021 - 0026


Il-ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Ħong Kong, fiċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali,

Il-KOMUNITÀ EWROPEA u l-ĦONG KONG, fiċ-ĊINA [1] (minn issa 'l quddiem imsejħa l-"Partijiet Kontraenti"),

WARA LI KKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet kummerċjali bejn il-Komunità Ewropea u l-Ħong Kong, fiċ-Ċina, u xewqana li jikkontribwixxu, għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet Kontrattanti, lejn l-iżvilupp armonjuż ta' dawn ir-rabtiet;

FILWAQT LI JEMMNU LI, sabiex jinkiseb dan il-għan, għandu jkun hemm impenn sabiex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni doganali;

WARA LI KKUNSIDRAW l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontrattanti, rigward il-proċeduri doganali;

WARA LI KKUNSIDRAW illi l-ħidmiet li jiksru l-leġislazzjoni doganali huma ta' preġudizzju għall-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali taż-żewġ Partijiet Kontrattanti, u filwaqt li jagħrfu l-importanza li jiżguraw l-istima korretta tad-dazji doganali u taxxi oħra

KONVINTI li l-azzjoni kontra dawn il-ħidmiet tista' ssiru iktar effettivai permezz ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom;

WARA LI KKUNSIDRAW l-obbligi imposti taħt konvenzjonijiet internazzjonali diġà aċċettati mill-Partijiet Kontrattanti jew applikati lilhom, u wara li kkunsidraw ukoll ir-rakkommandazzjoni tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali dwar il-għajnuna amministrattiva reċiproka tal-5 ta' Diċembru 1953,

FTIEHMU kif ġej:

IT-TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim:

(a) "leġislazzjoni doganali" għandha tfisser il-liġijiet, ir-regolamenti jew l-istrumenti l-oħra ta' rabta legali tal-Komunità Ewropea jew tal-Ħong Kong, fiċ-Ċina, li jirregolaw l-importazjoni, l-esportazzjoni u t-transitu ta' l-oġġetti u t-tqegħid tagħhom taħt kull reġim jew proċedura oħra doganali, inklużi l-miżuri ta' projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra amministrattivi;

(b) "awtorità doganali" għandha tfisser, fil-Komunità Ewropea, is-servizzi kompetenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, u fil-Ħong Kong, fiċ-Ċina, id-Dipartiment Doganali u tat-Taxxa tas-Sisa;

(ċ) "awtorità applikanti" għandha tfisser awtorità kompetenti amministrattiva li tkun ġiet innominata minn Parti Kontrattanti għal dan il-għan u li tagħmel talba għall-għajnuna fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim;

(ċ) "awtorità mitluba" għandha tfisser awtorità kompetenti amministrattiva li tkun ġiet innominata minn Parti Kontrattanti għal dan il-għan u li tirċievi talba għall-għajnuna fuq il-bażi ta' dan il-Ftehim;

(e) "informazzjoni personali" għandha tfisser it-tagħrif kollu li għandu x'jaqsam ma' persuna naturali identifikata jew identifikabbli;

(f) "ħidma bi ksur tal-leġislazzjoni doganali" għandha tfisser kull ksur jew attentat ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(g) "persuna" għandha tfisser persuna naturali jew entità legali.

Artikolu 2

L-applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa l-waħda, għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Trattat u, minn naħa l-oħra, għall-Ħong Kong, fiċ-Ċina.

Artikolu 3

L-iżviluppi fil-ġejjieni

Il-Partijiet Kontrattanti jistgħu b'kunsens reċiproku jwessgħu dan il-Ftehim bil-għan li jżidu u jissupplimentaw il-kooperazzjoni doganali, skond il-leġislazzjoni doganali tagħhom, permezz ta' ftehimijiet diversi dwar setturi jew materji speċifiċi.

Artikolu 4

L-iskop tal-kooperazzjoni

1. L-awtoritajiet doganali jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw il-kooperazzjoni doganali. B'mod partikolari, il-Partijiet Kontrattanti għandhom jippruvaw jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:

(a) li jistabbilixu u jżommu kanali tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-iskambju bil-ħeffa u fis-sigurtà tat-tagħrif;

(b) li jiffaċilitaw il-kordinament effettiv bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom;

(ċ) rigward kull materja amministrattiva oħra li jkollha x'taqsam ma' dan il-Ftehim li minn żmien għal żmien tista' teħtieġ l-azzjoni konġunta tagħhom.

2. Taħt dan il-Ftehim, il-kooperazzjoni doganali għandha tkopri l-materji kollha li jkollhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 5

L-iskop tal-għajnuna

1. Il-Partijiet Kontrattanti għandhom jgħinu lil xulxin, fiż-żoni tal-kompetenza tagħhom u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, u fil-manjiera u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim, li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali b'mod partikolari permezz tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra ħidmiet bi ksur ta' din il-leġislazzjoni.

2. Għandha tiġi pprovvduta għajnuna f'materji doganali skond dan il-Ftehim bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet amministrattivi l-oħra tal-Partijiet Kontrattanti li huma kompetenti sabiex japplikaw dan il-Ftehim. Dan ma għandux jippreġudika r-regoli li jirregolaw illi l-partijiet jagħtu lil xulxin fi kwistjonijiet kriminali. Lanqas ma għandha tkopri t-tagħrif miksub taħt il-poteri eserċitati fuq talba ta' awtorità ġudizzjarja.

3. Għajnuna biex jinġabru t-taxxijew multi mhux koperta b'dan il-ftehim.

Artikolu 6

L-obbligi imposti taħt ftehimijiet oħra

1. Filwaqt li jitqiesu l-kompetenzi rispettivi tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim:

(a) ma għandhom jaffettwaw l-obbligi tal-Partijiet Kontrattanti taħt l-ebda ftehim jew konvenzjoni internazzjonali oħra,

(b) għandhom jitqiesu li jikkumplimentaw il-ftehimijiet dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna amministrattiva reċiproka li jistgħu ikunu ġew, jew jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Ħong Kong, fiċ-Ċina, u

(ċ) ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri dwar kull tagħrif miksub skond dan il-Ftehim li jista' jkun ta' interess għall-Komunità.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kull ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna amministrattiva reċiproka li jkunu ġew jew jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Ħong Kong, fiċ-Ċina, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar ikunu inkompatibbli ma' dawk ta' dan il-Ftehim.

3. Rigward il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kif jiġi applikat dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontrattanti għandhom jikkonsuiltaw lil xulxin sabiex jirrisolvu l-materja fil-qafas tal-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit bl-Artikolu 21 ta' dan il-Ftehim.

IT-TITOLU II

IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI

Artikolu 7

Il-kooperazzjoni fil-proċeduri doganali

Il-Partijiet Kontrattanti jaffermaw l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw il-moviment leġittimu ta' l-oġġetti u għandhom jiskambjaw it-tagħrif u l-kompetenza dwar il-miżuri li jtejbu l-metodi tat-teknika u l-proċeduri doganali u dwar is-sistemi komputerizzati bil-ħsieb li jimplimentaw dan l-impenn skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Il-għajnuna teknika

1. L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprovdu għajnuna teknika lil xulxin u jiskambjaw personal meta dan ikun ta' benefiċċju reċiproku, u skond id-disponibbiltà tar-riżorsi bil-għan li jmexxu 'l quddiem il-fehim tagħhom dwar il-metodi tat-teknika, il-proċeduri u s-sistemi kkomputerizzati doganali ta' xulxin.

2. Jistgħu ukoll, meta dan ikun xieraq, jiskambjaw it-tagħrif dwar il-għajnuna teknika ma' amminsitrazzjonijiet doganali oħra.

Artikolu 9

Id-diskussjonijiet f' organizzazzjonijiet internazzjonali

L-awtoritajiet doganali għandhom ifittxu li jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom rigward suġġetti ta' interess komuni bil-ħsieb li jiffaċilitaw id-diskussjonijiet dwar il-materiji doganali fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali.

IT-TITOLU III

IL-GĦAJNUNA REĊIPROKA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 10

Il-għajnuna fuq talba

1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdilha t-tagħrif rilevanti kollu li jista' jgħinha sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni doganali tiġi applikata b'mod korrett, inkluż it-tagħrif rigward l-attivitajiet mikxufa jew ippjanati li huma jew jistgħu jkunu ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

2. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tgħarrafha:

(a) jekk l-oġġetti esportati minn waħda mill-Partijiet Kontrattanti ġewx importati b'mod korrett fil-Parti l-oħra, u għandha tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-oġġetti;

(b) jekk l-oġġetti importati f'waħda mill-Partijiet Kontrattanti ġewx esportati b'mod korett mill-Parti l-oħra, u għandha tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-oġġetti;

3. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, fil-qafas tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra ta' rbit legali, tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura illi jkun hemm sorveljanza speċjali rigward:

(a) il-persuni li rigward tagħhom jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn huma jew kienu involuti f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(b) il-postijiet fejn ġew jew jistgħu jiġu miġbura ħażniet ta' l-oġġetti hekk illi jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn l-oġġetti huma maħsuba għalbiex jintużaw f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(ċ) l-oġġetti li jkunu jew li jistgħu jiġu ttrasportati hekk illi jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn l-oġġetti huma maħsuba għalbiex jintużaw f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(d) il-mezzi tat-trasport li jkunu jew jistgħu jkunu wżati hekk illi jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen illi dawn huma maħsuba sabiex jintużaw f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

Artikolu 11

Il-għajnuna spontanja

Il-Partijiet Kontrattanti għandhom jgħinu lil xulxin, fuq l-inizjattiva tagħhom infushom u skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra li jorbtu legalment, jekk jikkunsidraw illi dan huwa meħtieġ sabiex il-leġislazzjoni doganali tiġi applikata b'mod korrett, b'mod partikolari billi jiġi pprovvdut it-tagħrif miksub li jappartjieni għal:

(a) l-attivitajiet li huma jew li jidhru li huma ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta' interess lill-Parti Kontrattanti l-oħra;

(b) il-mezzi jew il-metodi ġodda wżati sabiex jitwettqu ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(ċ) l-oġġetti magħrufa li jkunu bla ħsara għal ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(d) il-persuni li rigward tagħhom jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn huma jew kienu involuti f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(e) il-mezzi tat-trasport li rigward tagħhom jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn kienu jintużaw, qegħdin jintużaw jew jistgħu jintużaw f'ħidmiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 12

Il-kunsinna, in-notifika

1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra ta' rbit legali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

(a) jikkunsinnaw id-dokumenti kollha ta' natura amministrattiva, jew

(b) jinnotifikaw kull deċiżjoni,

li joħorġu mill-awtorità applikanti u li jaqgħu taħt l-iskop ta' dan il-Ftehim, lil destinatarju li jgħix jew li huwa stabbilit fil-ġurisdizzjoni ta' l-awtorità mitluba.

2. It-talbiet għall-kunsinna tad-dokumenti jew tan-notifika tad-deċisjonijiet għandhom isiru bil-miktub f'ilsien uffiċjali ta' l-awtorità mitluba jew f'ilsien aċċettat minn din l-awtorità. Din il-ħtieġa ma għandhiex tapplika għad-dokumenti li jridu jiġu kkunsinnati skond il-paragrafu 1.

Artikolu 13

Il-għamla u s-sustanza tat-talbiet għall-għajnuna

1. It-talbiet skond dan il-Ftehim għandhom isiru bil-miktub. Għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa sabiex ikun hemm il-konformità mat-talba. Meta meħtieġa minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jistgħu jiġu aċċettati talbiet bil-fomm, imma jridu jiġu kkonfermati bil-miktub minnufih.

2. It-talbiet skond il-paragrafu 1 għandhom jinkludu t-tagħrif li ġej:

(a) l-awtorità applikanti;

(b) l-azzjoni mitluba;

(ċ) is-suġġett u r-raġuni tat-talba;

(d) il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra ta' rbit legali involuti;

(e) indikazzjonijiet kemm jista' jkun eżatti u komprensivi dwar il-persuni mmirati fl-investigazzjonijiet;

(f) sommarju tal-fatti rilevanti u ta' l-inkjesti diġà mwettqa.

3. It-talbiet għandhom jiġu ssottomessi f'ilsien uffiċjali ta' l-awtorità mitluba jew f'ilsien aċċettat minn din l-awtorità. Din il-ħtieġa ma għandhiex tapplika għad-dokumenti li jakkumpanjaw it-talba skond il-paragrafu 1.

4. Jekk talba ma tissodisfax il-ħtiġieti formali ddikjarati hawn fuq, jistgħu jintalbu l-korrezzjoni jew it-tlestija tagħha; sadattant jistgħu jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni.

Artikolu 14

It-twettiq tat-talbiet

1. Sabiex tikkonforma ma' talba għall-għajnuna, l-awtorità mitluba għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u tar-riżorsi disponibbli, daqs li kieku kienet qiegħda taġixxi f'isimha stess jew fuq it-talba ta' awtoritajiet oħra ta' din l-istess Parti Kontrattanti, billi tforni t-tagħrif diġà pposedut minnha, billi tagħmel l-inkjesti xierqa jew billi tirranġa sabiex jitwettqu. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għal kull awtorità oħra li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba skond dan il-Ftehim mill-awtorità mitluba meta din ta' l-aħħar ma tistax taġixxi minn rajha.

2. It-talbiet għall-għajnuna għandhom jiġu mwettqa skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra ta' rbit legali tal-Parti mitluba.

3. L-uffiċjali awtorizzati ta' Parti Kontrattanti jistgħu, bi qbil mal-Parti Kontrattanti l-oħra u bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti minn din ta' l-aħħar, ikunu preżenti fl-uffiċji ta' l-awtorità mitluba jew ta' kull awtorità oħra interessata skond il-paragrafu 1, sabiex jiksbu t-tagħrif li jkollu x'jaqsam ma' l-attivitajiet li jkunu jew jistgħu jkunu bi ksur tal-leġislazzjoni doganali li l-awtorità applikanti tkun teħtieġ għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim.

4. L-uffiċjali awtorizzati ta' Parti Kontrattanti jistgħu, bi qbil mal-Parti Kontrattanti l-oħra u bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti minn din ta' l-aħħar, ikunu preżenti waqt l-inkjesti mwettqa fil-ġuriżdizzjoni ta' din ta' l-aħħar rigward każijiet speċifiċi.

5. Fl-eventwalità li t-talba ma tkunx tista' tiġi mħarsa, l-awtorità applikanti għandha tiġi nnotifikata minnufih dwar dan il-fatt, permezz ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet u ta' kull tagħrif ieħor li l-awtorità mitluba tikkunsidra li jistgħu jkunu ta' għajnuna lill-awtorità applikanti.

Artikolu 15

Il-għamla li fiha jrid jiġi kkomunikat it-tagħrif

1. L-awtorità mitluba għandha tikkomunika r-riżultati ta' l-inkjesti lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien mad-dokumenti rilevanti, il-kopji ċċertifikati jew oġġetti oħra.

2. Dan it-tagħrif jista' jkun f'għamla kkomputerizzata.

3. L-inkartamenti u d-dokumenti oriġinali għandhom jiġu trasmessi biss fuq talba fil-każijiet meta l-kopji ċċertifikati ma jkunux biżżejjed. Dawn l-oriġinali għandhom jintbagħtu lura kemm jista' jkun malajr. Id-drittijiet ta' l-awtorità mitluba jew ta' partijiet terzi li jkollhom x'jaqsmu ma' l-oriġinali għandhom jissoktaw mhux affettwati.

Artikolu 16

L-eċċezzjonijiet għall-obligu li tiġi pprovvduta l-għajnuna

1. Il-għajnuna tista' tiġi rrifjutata jew tista' tkun bla ħsara għas-sodisfazzjon ta' ċerti kondizzjonijiet jew ħtiġiet, fil-każijiet meta Parti tkun ta' l-opinjoni li l-għajnuna skond dan il-Ftehim tista:

(a) x' aktarx tippreġudika l-interessi vitali tal-Ħong Kong, fiċ-Ċina jew dawk ta' Stat Membru li jkun ġie mitlub li jipprovdi għajnuna skond dan il-Ftehim; jew

(b) aktarx jippreġudika l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew il-prinċipji essenzjali l-oħra, b'mod partikolari dawk imsemmija skond l-Artikolu 17(2); jew

(ċ) tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

2. Il-għajnuna tista' tiġi posposta mill-awtorità mitluba għar-raġuni li din tista' tfixkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċeduri għaddejjin. F'dan il-każ, l-awtorità mitluba għandha tikkonsulta lill-awtorità applikanti sabiex tistabbilixxi jekk tistax tingħata l-għajnuna, bla ħsara għal dawk it-termini jew kondizzjonijiet meħtieġa mill-awtorità mitluba.

3. Meta l-awtorità applikanti tfittex il-għajnuna li hija nfisha mhix kapaċi tipprovdi jekk hekk mitluba, għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Għandu mbagħad ikun għall-awtorità mitluba li tiddeċiedi kif twieġeb din it-talba.

4. Għall-każijiet riferiti fil-paragrafi 1 u 2, id-deċisjoni ta' l-awtorità mitluba u r-raġunijiet għal din iridu jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien bla mistħoqq.

Artikolu 17

L-iskambju tat-tagħrif u l-kunfidenzjalità

1. Kull tagħrif ikkomunikat tkun xi tkun il-għamla tiegħu skond dan il-Ftehim għandu jkun ta' tip kunfidenzjali jew ristrett, skond ir-regoli li japplikaw f'kull waħda mill-Partijiet Kontrattanti. Dan għandu jkun kopert bl-obbligu tas-segretezza uffiċjali u għandu jgawdi l-ħarsien estiż lil tagħrif simili skond il-liġijiet rilevanti tal-Parti Kontrattanti li jkunu rċevewh u d-dispożizzjonijiet korrispondenti li japplikaw għall-awtoritajiet Komunitarji.

2. Tista' tiġi skambjata l-informazzjoni personali biss meta l-Parti Kontrattanti li tirċieviha timpenja ruħha li tipproteġi din l-informazzjoni f'manjiera mill-inqas ekwivalenti għal dik li tapplika għal dan il-kas partikolari fil-Parti Kontrattanti li tista' tforniha. Il-Parti Kontrattanti li tista' tforni l-informazzjoni ma għandha tistabbilixxi l-ebda ħtiġiet li jkunu ta' toqol ikbar minn dawk li japplikaw għaliha fil-ġuriżdizzjoni tagħha nfisha.

Il-Partijiet Kontrattanti għandhom jikkomunikaw lil xulxin it-tagħrif dwar ir-regoli applikabbli tagħhom, inklużi, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Komunità.

3. Xejn f' dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi l-użu tat-tagħrif jew tad-dokumenti miksuba skond dan il-Ftehim bħala xiehda fi proċeduri jew akkużi istitwiti sossegwentement quddiem il-qrati jew it-tribunali rigward il-ħidmiet li jmorru kontra l-leġislazzjoni doganali. Għalhekk, il-Partijiet Kontrattanti jistgħu, fir-reġistri tagħhom tax-xiehda, tar-rapporti u tat-testimonjanzi u fil-proċeduri jew l-akkużi li jistgħu jiġu miġjuba sossegwentement quddiem il-qrati jew it-tribunali, jużaw bħala xiehda t-tagħrif miksub u d-dokumenti kkonsultati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. L-awtorità kompetenti li tkun forniet dan it-tagħrif jew li tkun tat aċċess għal dawn id-dokumenti għandha tiġi nnotifikata b'dan l-użu.

4. It-tagħrif miksub għandu jintuża biss għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim. Meta waħda mill-Partijiet Kontrattanti tixtieq tuża dan it-tagħrif għal skopijiet oħra, għandha tikseb il-kunsens minn qabel bil-miktub ta' l-awtorità li tkun ipprovdiet it-tagħrif. Dan l-użu għandu mbagħad ikun bla ħsara għal kull restrizzjoni stabbilita minn din l-awtorità.

5. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu mill-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skond l-Artikolu 21.

Artikolu 18

L-esperti u x-xhieda

Uffiċjal ta' awtorità mitluba jista' jkun awtorizzat sabiex jidher, fil-limitazzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni konċesa, bħala espert jew xhud quddiem awtorità' fil-Parti Kontrattanti l-oħra rigward il-materji koperti b'dan il-Ftehim, u għandu jippreżenta dawk l-oġġetti, dokumenti jew il-kopji ċċertifikati tagħhom li jistgħu jkunu meħtieġa għal dan l-iskop. It-talba għal dehra trid tindika b'mod speċifiku quddiem liema awtorità għandu jidher l-uffiċjal, u dwar liema materji u bis-saħħa ta' liema titolu jew kwalifika l-uffiċjal irid jiġi mistoqsi.

Artikolu 19

L-ispejjeż tal-għajnuna

Il-Partijiet Kontrattanti għandhom jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha kontra xulxin rigward ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż miġrura skond dan il-Ftehim, għajr, kif approprjat, għall-spejjeż li jridu jitħallsu lill-esperti u lix-xhieda, u dawk lill-interpreti u t-tradutturi li mhumiex impjegati tas-servizz pubbliku.

IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

L-implimentazzjoni

1. L-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi fdat minn naħa l-waħda f'idejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, fejn xieraq, lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, u minn naħa l-oħra lid-Dipartiment Doganali u tat-Taxxa tas-Sisa tal-Ħong Kong, fiċ-Ċina. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri prattiċi kollha u dwar l-arranġamenti meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu, wara li jikkunsidraw ir-regoli fis-seħħ b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tat-tagħrif. Huma jistgħu jirrakkommandaw lill-organi kompetenti l-emendi li jidhrilhom li għandhom isiru għal dan il-Ftehim.

2. Il-Partijiet Kontrattanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom sossegwentement iżommu lil xulxin imgħarrfa bir-regoli ddettaljati ta' implimentazzjoni li jiġu adottati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 21

Il-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni Doganali

1. Huwa hawnhekk stabbilit Kumitat Konġunt ta' Koperazzjoni Doganali, li jikkonsisti minn rappresentanti tal-Komunità Ewropea u tal-Ħong Kong, fiċ-Ċina. Dan għandu jiltaqa' f'post, f'data u b' aġenda, iffissati bi ftehim reċiproku.

2. Il-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni Doganali għandu jara illi l-Ftehim jiffunzjona kif jixraq u għandu jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu. Fit-twettiq ta' dan ir-rwol, il-funzjonijiet ewlenin tiegħu jridu jkunu:

(a) li jirrevedi l-progress tal-kooperazzjoni doganali skond dan il-Ftehim u li jidentifika oqsma ġodda u setturi speċifiċi għal iktar kooperazzjoni doganali;

(b) li jiskambja opinjonijiet dwar kull punt ta' interess komuni li jrrigwarda l-kooperazzjoni doganali, inklużi miżuri futuri u r-riżorsi għalihom; u

(ċ) f'termini ġenerali, li jirrakkommanda soluzzjonijiet immirati sabiex jgħinu l-kisba tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

3. Il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali għandu jadotta r-regoli interni tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 22

Id-dħul fis-seħħ u t-tul taż-żmien

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta' meta l-partijiet Kontrattanti jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

2. Kull Parti Kontrattanti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-tmiem għandu jidħol f'effett tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Parti Kontrattanti l-oħra. It-talbiet għall-għajnuna li jkunu ġew irċevuti qabel it-tmiem tal-Ftehim għandhom jiġu kkompletati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 23

It-testi awtentiċi

Dan il-Ftehim għandu jiġi abbozzat fil-lsien Daniż, Olandiż, Ingliż, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Taljan, Portugiż, Spanjol, Svediż u Ċiniż, b'kull test awtentiku indaqs.

B'xiehda ta' dan, is-sottoskritti, li huma awtorizzati kif mistħoqq għalbiex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fil-Ħong Kong, fiċ-Ċina, fit-tlettax il-jum ta' Mejju tas-sena elf disgħa mija u disgħa u disgħin.

Għall-Komunitajiet Ewropej

+++++ TIFF +++++

Għall-Ħong Kong, fiċ-Ċina

+++++ TIFF +++++

[1] Skond l-Artikolu 151 tal-Liġi Bażika tar-Reġjun Speċjali Amministrattiv tal-Ħong Kong fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

--------------------------------------------------