Official Journal L 342 , 12/12/1997 P. 0019 - 0043
Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tax-xmara danubju (Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-Danubju) WERREJ Preambolu Parti I: Dispożizzjonijiet ġenerali. L-Artikolu 1: Definizzjonijiet. L-Artikolu 2: għanijiet u prinċipji tal-koperazzjoni. L-Artikolu 3: Skop. L-Artikolu 4: Forom ta' koperazzjoni. Part II: Koperazzjoni multilaterali L-Artikolu 5: Prevenzjoni, kontroll u riduzzjoni ta' l-impatt fuq it-transkonfini. L-Artikolu 6: Riżorsi ta' l-ilma speċifici u miżuri ta' protezzjoni. L-Artikolu 7: Limitazzjoni ta' emissjoni: għanijiet dwar il-kwalità ta' l-ilma u kriterji. L-Artikolu 8: Inventarji ta' l-emissjoni, programmi ta' azzjoni u reviżjonijiet ta' progress. L-Artikolu 9: Programmi ta' Monitraġġ. L-Artikolu 10: Obbligi dwar ir-rapportaġġ. L-Artikolu 11: Konsultazzjonijiet. L-Artikolu 12: Skambju ta' informazzjoni. L-Artikolu 13: Protezzjoni ta' l-informazzjoni fornita. L-Artikolu 14: Informazzjoni għall-pubbliku. L-Artikolu 15: Riċerka u żvilupp. L-Artikolu 16: Sistemi ta' komunikazzjoni, ta' twissija u ta' periklu u pjani ta' emerġenza. L-Artikolu 17: Assistenza reċiproka Part III: missjoni Internazzjonali. L-Artikolu 18: Stabbiliment, kompiti u kompetenzi. L-Artikolu 19: Transizzjoni dwar id-Dikjarazzjoni ta' Bucharest. Part IV: Klawsoli proċedurali u finali. L-Artikolu 20: Validità ta' l-Annessi. L-Artikolu 21: Ftehim eżistenti u supplimentari. L-Artikolu 22: Konferenza tal-Partijiet. L-Artikolu 23: Emendi tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 24: Deċiżjoni ta' kwistjonijiet. L-Artikolu 25: Firma. L-Artikolu 26: Ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-Artikolu 27: Dħul fis-seħħ. L-Artikolu 28: Adeżjoni, partiċipazzjoni. L-Artikolu 29: Irtirar. L-Artikolu 30: Funzjonijiet tad-depożitarju. L-Artikolu 31: Testijiet awtentiċi, depożitarju. L-ANNESS I: Part 1: L-aħjar teknika disponibbli. Part 2: L-aħjar prattika ta' l-ambjent. L-ANNESS II: Setturi ta l-industrija u sustanzi perikolużi. Part 1: Lista ta' setturi industrijali u industriji. Part 2: Lista ta' gwida ta' sustanzi perikolużi u gruppi ta' sustanzi. l-Anness III: Gwida ġenerali dwar l-għanijiet tal-kwalità ta' l-ilma u kriterji. l-Anness IV: Statut għall-Kummissjoni Internazzjonali għall-protezzjoni tax-Xmara Danubju. L-Anness V: Arbitraġġ. PREAMBOLU Il-Partijiet Kontraenti, DETERMINATI bl-intenzjoni qawwija li jintensifikaw il-koperazzjoni ta' l-amministrazzjoni ta' l-ilma fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ilma u l-użu ta' l-ilma; IMĦASSBA dwar l-okkorrenza u t-theddid ta' konsegwenzi ħżiena, f'perjodi qosra jew twal, ta' bdil fil-kondizzjonijiet tad-direzzjoni minn fejn jgħaddi l-ilma matul il-baċin tax-xmara Danubju dwar l-ambjent, l-ekonomija u l-ben-esseri ta' l-Istati tad-Danubju; WAQT LI JENFASIZZAW il-ħtieġa urġenti għal miżuri b'saħħithom, domestici u internazzjonali biex jipprevenju, jikkontrollaw u jirriduċu l-impatt sinifikanti kuntrarju u transkonfini għar-rilaxx ta' sustanzi perikolużi u ta' nutrienti fl-ambjent akwatiku fil-baċin tad-Danubju waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-Baħar l-Iswed: WAQT LI JIRRAKKOMANDAW il-miżuri li digà kienu ttieħdu dwar l-inizjattiva domestika tal-pajjiżi tad-Danubju u dwar il-livell bilaterali u multilaterali tal-koperazzjoni tagħhom kif ukoll l-isforzi li kienu digà ittieħdu fil-proċess tal-CSCE, mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Komunità Ewropea biex imexxu l-koperazzjoni dwar il-livelli bilaterali u multilaterali għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġiż transkonfini l-amministrazzjoni sostenibbli ta' l-ilma, l-użu razzjonali u l-konservazzjoni tar-riżorsi ta' l-ilma; WAQT LI JIRRIFERU partikolarment għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-mogħdijiet ta' l-ilma tat-transkonfini u tal-għadajjar internazzjonali tas-17 ta' Marzu, 1992 kif ukoll il-koperazzjoni eżistenti bi- u multilaterali qalb l-Istati tad-Danubju, li għandha titkompla u tiġi kkonsidrata kif jixraq bil-koperazzjoni ta' l-Istati tad-Danubju, kif ukoll li jiġbdu l-attenzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra t-tniġġiż tal-21 ta' April, 1992; WAQT LI JISTINKAW biex itejbu fit-tul u jipproteġu x-xmara Danubju u l-ilma ġewwa z-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita partikolarment fil-kuntest tat-transkonfini u fl-amministrazzjoni sostenibbli ta' l-ilma waqt li jqisu kif jixraq l-interessi ta' l-Istati tad-Danubju fil-qasam ta' l-użu ta' l-ilma u fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-protezzjoni ta' l-ambjent tal-Baħar l-Iswed, FTEHMU KIF ĠEJ: PARTI I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1 Definizzjonijiet Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni: (a) "L-Istati tad-Danubju" jfissru l-Istati sovrani li jaqsmu parti konsiderevoli taż-żona idroloġika fejn jinġabar l-ilma tax-xita tax-xmara Danubju. Huwa assunt li parti konsiderevoli hija ta' sehem li jeċċedi l-2000 kilometri kwadri tat-total taż-żona idroloġika fejn jinġabar l-ilma tax-xita; (b) "iż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita tax-xmara Danubju" tfisser il-baċin idroloġiku tax-xmara sa' fejn dan huwa maqsum mill-Partijiet Kontraenti; (ċ) "l-impatt tat-transkonfini" jfisser kull effett sinifikanti kuntrarju fuq l-ambjent tax-xmara li jirrizulta minn bidla fil-kondizzjonijiet ta' l-ilma li huma kawżati bl-attività umana u li tinfirex iktar il-bogħod minn żona taħt il-ġurisdizzjoni ta' Parti Kontraenti. Tali bidliet jistgħu jaffettwaw il-ħajja, il-propjetà, il-protezzjoni tal-faċilitajiet u l-ekosistemi akwatiċi konċernati; (d) "sustanzi perikolużi" ifissru s-sustanzi li għandhom l-effetti tossiċi, karċinoġeniċi, mutaġeniċi, teratoġeniċi jew bijoakkumulattivi, partikolarment dawk li huma persistenti u għandhom impatt kuntrarju sinifikanti fuq l-organiżmi ħajjin; (e) "sustanzi perikolużi għall-ilma" ifissru sustanzi li l-potenzal tal-periklu għar-riżorsi ta' l-ilma huwa straordinarjament għoli għal-liema raġuni l-imaniġġjar tagħhom jinħtieġ miżuri speċjali preventivi u protettivi; (f) "sorsi tal-punt u mhux tal-punt tat-tniġġis ta' l-ilma" ifisser is-sorsi ta' ħwejjeġ li jniġġsu u n-nutrienti li l-introduzzjoni tagħhom fl-ilma huwa kkawzat jew bi tnixxija lokali determinata (punt tas-sors) jew bl-effetti ta' tixrid li huma mxerrda matul iż-żoni fejn jinġabar l-ilma tax-xita (sorsi mhux tal-punt); (g) "il-bilanċ fl-ilma" ifisser ir-relazzjoni li tikkaratterizza l-ilma naturali ta' l-ambjent ta' baċin sħiħ ta' xmara dwar il-komponenti tiegħu (preċipitazzjoni, evaporazzjoni, tal-wiċċ, u li ħareġ minn taħt l-art. Barra minn dan komponent ta' effetti magħmulin mill-bniedem, kurrenti, li joriġinaw mill-użu ta' l-ilma u li jinfluwenzaw il-kwantità ta' l-ilma huma inklużi; (h) "data li tgħaqqad" tfisser data mqassra meħuda mill-bilanċi ta' l-ilma li tiela' 'l fuq sakemm ikun rilevanti bħala introduzzjoni meħtieġa għall-elaborazzjoni tal-bilanċi ta' l-ilma li jieħdu l-isfel u għal bilanċ ġenerali ta' l-ilma għax-xmara Danubju. Sa' dan il-limitu d-data li tgħaqqad tkopri l-komponenti tal-bilanċ ta' l-ilma għat-transkonfini sinifikanti ta' l-ilma ġewwa ż-żona tal-baċin tax-xmara Danubju. Id-data li tgħaqqad tirrifieri għas-sezzjonijiet ta' taqsima ta' l-ilma tat-transkonfini billi jimmarkaw, jaqsmu, jew huma allokati f'transkonfini bejn il-Partijiet Kontraenti; (i) Il-"Kummissjoni Internazzjonali" tfisser l-organizzazzjoni stabbilita bl-Artikolu 18 ta' din il-Konvenzjoni. Artikolu 2 Għanijiet u prinċipji ta' koperazzjoni 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħabirku biex jilħqu l-għanijiet ta' l-amministrazzjoni ta' l-ilma sostenibbli u ta' ġustizzja, li tinkludi l-konservazzjoni, it-titjib u l-użu nazzjonali ta' l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' l-art fiż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita sakemm ikun possibbli. Barra minn dan il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-isforzi tagħhom biex jikkontrollaw il-perikli li joriġinaw minn inċidenti li jinvolvu sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ilma, għargħar, u perikli tas-silġ tax-xmara Danubju. Barra minn dan għandhom jipprovaw jikkontribwixxu biex inaqqsu l-piż tat-tniġġis tal-Baħar l-Iswed mill-egħjun taż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita. 2. Il-Partijiet Kontraenti skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom jikkoperaw dwar kwistjonijiet għall-amministrazzjoni fundamentali ta' l-ilma u jieħdu l-miżuri xierqa, legali, amministrattivi u tekniċi, biex għall-inqas iżommu u jtejbu l-ambjent kurrenti u l-kondizzjonijiet tal-kwalità ta' l-ilma tax-xmara Danubju u ta' l-ilma fiż-żona tagħha fejn jinġabar l-ilma tax-xita u biex ma jħallux, u jnaqqsu sakemm ikun possibbli, l-impatti ħżiena u l-bdil li jiġri jew li x'aktarx jista' jiġi kkawżat. 3. Għal dan l-għan il-Partijiet Kontraenti, waqt li jagħtu każ ta' l-urġenza tal-miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis ta' l-ilma u ta' l-użu ta' l-ilma razzjonali u sostenibbli, għandhom ipoġġu prioritajiet kif xieraq u għandhom isaħħu, jarmonizzaw u jikkordinaw il-miżuri meħuda u ppjanati biex jittieħdu fil-livell domestiku u internazzjonali matul il-baċin tad-Danubju bl-iskop li jiżviluppaw sostenibbilment u jipproteġu l-ambjent tax-xmara Danubju. Dan l-għan partikolarment huwa indirizzat biex jassigura l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' l-ilma għall-iskopijiet muniċipali, industrijali u ta' l-agrikoltura kif ukoll il-konservazzjoni u r-restawr ta' l-ekosistemi u biex ikopru wkoll ħtiġiet oħra li jiġru dwar is-saħħa pubblika. 4. Il-prinċipju min iniġġes iħallas u l-prinċipju kawtelatorju jikkostitwixxu bażi għal miżuri kollha li għandhom l-iskop li jipproteġu x-xmara Danubju u l-ilma ġewwa ż-żona tagħha fejn jinġabar l-ilma tax-xita. 5. Il-koperazzjoni fl-amministrazzjoni ta' l-ilma għandha tkun orjentata fuq l-amministrazzjoni sostenibbli ta' l-ilma, li tfisser fuq il-kriterju ta' żvilupp stabbli u san dwar l-ambjent, li huma fl-istess ħin diretti biex: - iżommu l-kwalità globali tal-ħajja, - iżommu l-aċċess kontinwu għar-riżorsi naturali, - jeħilsu mid-dannu ta' l-ambjent li jdum u jipproteġu l-ekosistemi, - jeżerċitaw approċċ preventiv. 6. L-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni ma għandha bl-ebda mod tikkawża żieda sinifikanti diretta jew indiretta ta' impatti lill-ambjent tax-xmara. 7. Kull Parti Kontraenti għandha d-dritt li tadotta u timplimenta miżuri li jkunu iktar iebsa minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni. Artikolu 3 Skop 1. Din il-Konvenzjoni tapplika għaż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita tax-Xmara Danubju kif imfisser fl-Artikolu 1(b). 2. Din il-Konvenzjoni għandha tgħodd partikolarment għall-attivitajiet ippjanati għall-ġejjieni u miżuri li jkunu għadhom għaddejjin sakemm jikkawżaw jew x'aktarx jikkawżaw l-impatti ta' transkonfini: (a) it-tnixxija ta' ilma mniġġes, l-introduzzjoni ta' nutrienti u sustanzi perikolużi kemm mill-għejjun tal-punt u mhux tal-punt kif ukoll l-emissjoni tas-sħana; (b) l-attivitajiet u l-miżuri ppjanati fil-qasam tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' l-ilma, partikolarment regolat kif ukoll il-ħruġ u l-livell tal-ħażna tal-kontroll tal-mogħdijiet l-ilma, kontroll tal-għarar u t-tnaqqis tal-periklu tal-qamel, kif ukoll l-effett tal-faċilitajiet ġewwa jew ma' ġenb il-kors ta' l-ilma fir-reġim idrawliku tiegħu: (ċ) L-attivitajiet oħra u miżuri ppjanati għall-użu ta' l-ilma, bħal l-użu tal-qawwa ta' l-ilma, it-trasferiment u l-irtirar ta' l-ilma; (d) it-tħaddim tal-kostruzzjonijiet idrotekniċi per eżempju ġibjuni u fabbriki ta' l-enerġija ta' l-ilma miżuri biex jipprevjenu l-impatt fuq l-ambjent, inkluża d-deterjorazzjoni fil-kondizzjonijiet idroloġiċi, l-erożjoni, l-abrażjoni, l-inondazzjoni, u l-ħamla; miżuri biex jipproteġu l-ekosistemi; (e) l-immaniġġjar ta' sustanzi ta' periklu għall-ilma u l-prekawzjoni kawtelatorja biex ma jitħallewx isiru inċidenti. 3. Din il-Konvenzjoni hi applikabbli għall-kwistjonijiet ta' sajd u navigazzjoni interna sakemm il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis kawżati minn dawn l-attivatijiet huma konċernati. Artikolu 4 Forom ta' Koperazzjoni Il-forom ta' koperazzjoni taħt din il-Konvenzjoni bħala regola huma li ġejjin: (a) konsultazzjonijiet u attivitajiet konġunti fil-qasam tal-Kummissjoni Internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni; (b) skambju ta' informazzjoni dwar il-ftehim bi- u multilaterali, regoli legali u dwar miżuri fil-qasam ta' l-amministrazzjoni ta' l-ilma, skambju ta' dokumenti legali u direttivi u ta' pubblikazzjonijiet oħra, forom oħra għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi. PART II KOPERAZZJONI MULTILATERALI Artikolu 5 Prevenzjoni, kontroll u riduzzjoni ta' l-impatt tat-transkonfini 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżviluppaw, jadottaw u jimplementaw miżuri rilevanti legali, amministrattivi, kif ukoll jipprovdu għal prekondizzjonijiet domestiċi u bażi meħtieġa biex jassiguraw il-protezzjoni effiċjenti ta' kwalità għall-ilma u l-użu sostenibbli ta' l-ilma u b'hekk ukoll biex ma jħallux, jikkontrollaw u jirriduċu l-impatt tat-transkonfini. 2. Għal dan l-għan il-Partijiet Kontraenti għandhom separatament jew b'mod konġunt jieħdu partikolarment il-miżuri indikati hawn taħt: (a) il-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tar-riżorsi naturali ta' l-ilma ġewwa x-xmara Danubju fiż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita li japplikaw il-parametri tal-kwantità miftehma u l-kwalità inkluża l-metodoloġija konċernata; (b) jadottaw dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għal ħtiġiet li jinkludu limitu taż-żmien li għandhom jintlaħqu mit-tnixxija ta' l-ilma mniġġes; (ċ) jadottaw dispożizzjonijiet legali għall-immaniġġjar tas-sustanzi perikolużi għall-ilma; (d) jadottaw dispożizzjonijiet legali biex jirriduċu l-introduzzjoni ta' nutrienti jew sustanzi perikolużi minn għejjun mhux tal-punt, speċjalment għall-applikazzjoni ta' nutrienti kif ukoll għall-protezzjoni ta' l-aġenti tal-pjanti u pestiċidi fl-agrikoltura; (e) bl-għan li jarmonizzaw dawn ir-regolamenti f'livell għoli ta' protezzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni armonizzata tal-miżuri korrispondenti, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu każ tar-riżulati u tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni Internazzjonali; (f) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkoperaw u jieħdu l-miżuri xierqa biex jeħilsu mill-impatti tat-transkonfini ta' l-iskart u sustanzi perikolużi partikolarment dawk li joriġinaw mit-trasport. Artikolu 6 Miżuri ta' protezzjoni speċifiċi tar-riżorsi ta' l-ilma Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa immirati biex jipprevjenu jew li jirriduċu l-impatti tat-transkonfini u għall-użu sostenibbli u ekwu tar-riżorsi ta' l-ilma kif ukoll il-konservazzjoni tar-riżorsi ekoloġiċi, speċjalment: (a) jenumeraw ir-riżorsi ta' ilma ta' taħt l-art bla ħsara għall-protezzjoni fit-tul kif ukoll għall-protezzjoni ta' żoni li huma ta' valur għall-iskop ta' provvista ta' l-ilma tax-xorb eżistenti jew tal-futur; (b) jipprevjenu t-tniġġis tar-riżorsi ta' l-ilma ta' taħt l-art, speċjalment dawk f'perspettiva ta' żmien twil li huma riżervati għall-provista ta' l-ilma tax-xorb, li partikolarment huma kkawżati min-nitrati, aġenti tal-protezzjoni tal-pjanti u pestiċidi kif ukoll sustanzi oħra perikolużi; (ċ) inaqqsu b'miżuri preventivi u ta' kontroll r-riskji tat-tniġġis aċċidentali; (d) jagħtu kas ta' influwenzi possibbli dwar il-kwalità ta' l-ilma li jirriżultaw minn attivitajiet ippjanati u miżuri li jkunu għadhom għadejjin skond l-artikolu 3(2); (e) jivvalutaw l-importanza ta' elementi differenti bijotipi għall-ekoloġija tax-xmajjar u jipproponu miżuri biex itejbu l-kondizzjonijiet akwatiċi u ekoloġiċi tax-xtut. Artikolu 7 Limitazzjoni ta' emissjoni: l-għanijiet tal-kwalità ta' l-ilma u l-kriterji 1. Il-Partijiet Kontraenti waqt li jagħtu każ tal-proposti mill-Kumissjoni Internazzjonali għandhom ipoġġu limiti ta' emissjoni applikabbli għas-setturi individwali industrijali jew industriji skond it-tagħbijiet ta' tniġġis u konċentrazzjonijiet u jkunu bbażati bl-aħjar mod fuq it-teknologiji tal-bidu baxxi u mhux ta' l-iskart. Meta sustanzi perikolużi jnixxu, il-limiti ta' l-emissjoni għandhom ikunu bażati fuq l-aħjar teknika disponibbli għat-tnaqqis fil-bidu u/jew għal purifikazzjoni ta' l-ilma ta' l-iskart. Għall-ilma ta' l-iskart muniċipali, l-limiti ta' l-emissjoni għandhom ikunu bażati fuq l-applikazzjoni ta' mill-inqas livell bioloġiku jew livell ekwivalenti ta' trattament. 2. Dispożizzjonijiet supplimentari biex ma jħallux jew jirriduċu r-rilaxx ta' sustanzi perikolużi u nutrienti għandhom ikunu żviluppati mill-Partijiet Kontraenti għall-għejjun mhux tal-pont, partikolarment fejn l-għejjun prinċipali joriġinaw mill-agrikoltura, waqt li jagħtu każ ta' l-aħjar prattika ta' l-ambjent. 3. Bl-għan tal-paragrafi 1 u 2 l-Anness II ma' din il-Konvenzjoni fihom lista tas-setturi industrijali u industriji kif ukoll lista addizzjonali tas-sustanzi perikolużi u gruppi ta' sustanzi, li t-tnixxija tagħhom mis-sorsi tal-punt u mhux tal-punt għandhom ma jitħallewx jew inaqqsuhom b'mod konsideveroli. L-aġġornament ta' l-Anness II issir mill-Kummissjoni Internazzjonali. 4. Il-Partijiet Kontraenti barra minn dan għandhom, meta xieraq, jiddefinixxu l-għanijiet tal-kwalità ta' l-ilma u japplikaw il-kriterji bl-iskop li ma jħallux, jikkontrollaw u jnaqqsu l-impatt tat-transkonfini. Gwida ġenerali għal dan tinsab fl-Anness III li għandu jiġi applikat u speċifikat mill-Partijiet Kontraenti kemm fil-livell domestiku u konġunt, meta xieraq. 5. Li jimmiraw għal-limitazzjoni effiċjenti ta' l-emissjonijiet fiż-żoni taħt il-ġurisidzzjoni tagħhom il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw il-prekondizzjonijiet neċessarji u l-implimentazzjoni. Huma għandhom jassiguraw li: (a) ir-regolamenti domestiċi għal-limitazzjoni ta' l-emissjoni u l-livell ta' l-istandards imposti huma armonizzati pass pass mal-limitazzjoni ta' l-emissjoni skond din il-Konvenzjoni; (b) it-tnixxijiet ta' l-ilma ta' l-iskart mingħajr eċċezzjoni huma bbażati fuq permess impost mill-awtoritajiet kompetenti bil-quddiem u għal perjodu limitat ta' validità; (ċ) ir-regolamenti u l-permessi għall-prevenzjoni u għall-miżuri ta' kontroll fil-każ ta' faċilitajiet industrijali ġodda jew modernizzati, partikolarment fejn is-sustanzi perikolużi huma involuti, huma osservati fuq l-aħjar teknika disponibbli u huma implimentati bi prijorità għolja; (d) dispożizzjonijiet iktar iebsin mill-istandards – f'każi individwali ukoll projbizzjoni – huma imposti, fejn il-karattru ta' l-ilma riċevitur u ta' l-ekosistema tiegħu hekk jeħtieġu in konnessjoni mal-paragrafu 4; (e) l-istħarriġ ta' l-awtoritajiet kompetenti li l-attivitajiet li x'aktarx jikkawżaw l-impatti tat-transkonfini huma trasportati skond il-permessi u d-dispożizzjonijiet imposti; (f) L-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent konformement mar-regolamenti supranazzjonali u internazzjonali jew proċeduri oħra għall-valutazzjoni u stima ta' l-effetti ta' l-ambjent huma applikati; (g) meta jkunu qegħdin jippjanjaw, jilliċenzaw u jimplimentaw l-attivitajiet u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 16(2) l-awtoritajiet kompetenti jagħtu każ tar-riskji ta' l-inċidenti li jinvolvu sustanzi li huma perikolużi għall-ilma billi jimponu miżuri preventivi u billi jordnaw regoli ta' kondotta għal miżuri ta' risposta wara l-inċident. Artikolu 8 Inventarji ta' l-emissjoni, programmi ta' azzjoni u valutazzjoni tal-progress 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu inventarji perjodikament ta' l-għejjun rilevanti tal-punt u mhux tal-punt tat-tniġġis ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita tax-xmara Danubju inklużi l-miżuri ta' prevenzjoni u tat-tnaqqis digà meħuda għat-tnixxijiet rispettivi kif ukoll ta' l-effiċċjenza attwali ta' dawn il-miżuri, waqt li jagħtu każ ta' l-Artikolu 5(2)(a). 2. Waqt li jibbażaw fuq dak il-Partijiet Kontraenti għandhom fi stadji jistabbilixxu lista ta' miżuri ta' iżjed prevenzjoni u tnaqqis li għandhom jittieħdu pass pass sakemm dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni. 3. L-inventarju ta' l-emissjonijiet u l-lista tal-miżuri li għandhom jittieħdu jifformaw il-bażi għall-iżvilupp ta' programmi konġunti ta' azzjoni mill-Partijiet Kontraenti waqt li jagħtu każ tal-prijoritajiet imfassla skond l-urġenza u l-effiċjenza. Dawn il-programmi ta' azzjoni partikolarment għandhom ikunu bl-iskop għar-riduzzjoni ta' tagħbijiet tat-tniġġis u konċentrazzjoni kemm mill-għejjun tal-punt ta' l-industrija u tal-punt muniċipali kif ukoll mill-għejjun mhux tal-punt. Huma għandhom fost l-oħrajn ikun fihom il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' tnaqqis inklużi l-estimi taż-żmien u ta' l-ispiża. 4. Barra minn dan il-Partijiet Kontraenti għandhom jimmoniterjaw il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programmi konġunti billi jistabbilixxu valutazzjonijiet perjodiċi ta' progress. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom ikun fihom kemm il-miżuri ta' protezzjoni implementati kif ukoll il-progress li jkun sar dwar il-kondizzjonijiet tax-xmara fid-dawl ta' l-istima attwali. Artikolu 9 Programmi ta' Monitoraġġ Fuq il-bażi ta' l-attivitajiet domestiċi tagħhom, il-partijiet kontraenti għandhom jikkoperaw fil-qasam tal-monitoraġġ u stima. 1. Għal dan l-għan huma għandhom: - jarmonizzaw jew jagħmlu paragunabbli l-metodi ta' monitoraġġ jew ta' stima kif applikati fuq il-livelli domestiċi tagħhom, partikolarment fil-qasam tal-kwalità tax-xmara, il-kontroll ta' l-emissjoni, it-tbassir ta' l-għargħar u l-bilanċ ta' l-ilma, bl-għan li jiksbu riżultati paragunabbli biex jiġu introdotti fl-attivitajiet konġunti ta' monitoraġġ u stima, - jiżviluppaw sistemi, miftiehma u konġunti ta' monitoraġġ li japplikaw apparati ta' tkejjil weqfin jew mobbli, ta' komunikazzjoni u faċilitajiet ta' l-ipproċessar ta' data, - jippreparaw u jimplementaw programmi konġunti għal monitoraġġ tal-kondizzjonijiet fiż-żona tal-ġbir ta' l-ilma tax-xita tad-Danubju li tikkonċerna kemm il-kwalità ta' l-ilma kif ukoll il-kwantità, s-sedimenti u l-ekosistemi tax-xmara, bħala bażi ta' l-istima ta' l-impatti tat-transkonfini bħat-tniġġis tat-transkonfini u bdil fir-reġim tax-xmara kif ukoll tal-bilanċi ta' l-ilma, għargħar u periklu tas-silġ, - jiżviluppaw metodi konġunti jew armonizzati għal monitoraġġ u stima tat-tnixxijiet ta' l-ilma mniġġes li jinkludu l-ipproċessar, il-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni tad-data waqt li jagħtu każ ta' l-approċċ speċifiku tat-taqsima tal-limitazzjoni ta' l-emissjoni (L-Anness II, Parti 1), - jippreparaw inventarji dwar il-punti rilevanti ta' l-għejjun inklużi t-tnixxija tal-materjali mniġġsa (inventarji ta' l-emissjoni) u jagħmlu stima tat-tniġġis ta' l-ilma mill-għejjun mhux tal-punt waqt li jagħtu każ ta' l-Anness II, Part 2; jirrrevedu dawn id-dokumenti skond l-istat attwali. 2. Partikolarment għandhom jaqblu dwar il-punti ta' monitoraġġ, il-karatteristiċi tal-kwalità tax-xmara u l-parametri tat-tniġġis regolarment biex ikunu valutati għax-xmara Danubju bi frekwenza suffiċjenti waqt li jagħtu każ tal-karattru ekoloġiku u idrologiku tad-direzzjoni ta' l-ilma konċernata kif ukoll it-tnixxija ta' l-emissjonijiet tipiċi ta' l-aġenti tat-tniġġis ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita. 3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi ta' metodoloġija armonizzata, bilanċi ta' l-ilma domestiku, kif ukoll il-bilanċ ġenerali ta' l-ilma tal-baċin tax-xmara Danubju. Bħala input għal dan l-għan il-Partijiet Kontraenti sa fejn hu possibbli għandhom jipprovdu d-data li tgħaqqad li huma suffiċjentement paragunabbli permezz ta' l-applikazzjoni tal-metodoloġija armonizzata. Fuq l-istess bażi ta' data l-bilanċi ta' l-ilma jistgħu wkoll jinġabru għat-tributarji tax-xmara Danubju. 4. Huma għandhom perjodikament jagħmlu stima tal-kondizzjonijiet ta' kwalità tax-xmara Danubju u l-progress li jkun sar permezz tal-miżuri li ttieħdu li jimmiraw għall-prevenzjoni, il-kontroll u r-riduzzjoni ta' l-impatti tat-transkonfini. Ir-riżultati għandhom jiġu preżentati lill-pubbliku permezz ta' pubblikazzjonijiet xierqa. Artikolu 10 Obbligi tar-rappurtaġġ il-Partijiet Kontraenti għandhom jirraportaw lill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kwistjonijiet bażiċi li jkunu meħtieġa għall-Kummissjoni biex tħares il-kompiti tagħha. Dawn ir-rapporti għandhom partikolarment jinvolvu: (a) rapporti u dokumenti li jkunu raw minn qabel f'din il-Konvenzjoni jew li jkunu mitluba mill-Kummissjoni; (b) l-informazzjoni dwar l-eżistenza, il-konklużjoni, l-emenda jew l-irtirar tal-ftehim u ta' trattati bilaterali u multilaterali li jirregolaw il-protezzjoni u l-amministrazzjoni ta' l-ilma tax-xmara Danubju u ta' l-ilma ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita jew li jkun rilevanti għad-domandi konċernati; (ċ) l-informazzjoni dwar il-liġijiet tagħhom rispettivi, ordinanzi u regolamenti oħra ġenerali, li jirregolaw il-protezzjoni u l-amministrazzjoni ta' l-ilma tax-xmara Danubju u ta' l-ilma ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita jew li jkunu rilevanti għad-domandi konċernati; (d) il-komunikazzjoni, l-aktar tard b'dewmien miftiehem wara li l-Kummissjoni Internazzjonali tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-mod, dwar iż-żmien u l-ispejjeż finanzjarji biex jimplimentaw deċiżjonijiet ta' azzjoni orjentata fil-livell domestiku, bħal rakkomandazzjonijiet, programmi u miżuri; (e) id-deskrizzjoni ta' l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom ikunu indirizzati għal koperazzjoni fil-qafas ta' din il-Konvenzjoni mill-Kummissjoni Internazzjonali jew minn Partijiet Kontraenti oħrajn; (f) il-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet ippjanati, li minħabba raġuni tal-karattru tagħhom huma x'aktarx il-kawza ta' l-impatti tat-transkonfini. Artikolu 11 Konsultazzjonijiet 1. Wara li jkun sar skambju minn qabel ta' informazzjoni l-Partijiet Kontraenti involuti għandhom fuq talba ta' waħda jew xi wħud mill-Partijiet Kontraenti konċernati jidħlu f'konsultazzjonijiet dwar l-attivitajiet ippjanati kif imsejħa fl-Artikolu 3(2), li huma x'aktarx il-kawża ta' l-impatti tat-transkonfini, sakemm dan l-iskambju ta' informazzjoni u dawn il-konsultazzjonijiet ikunu għandhom mhumiex koperti bil-koperazzjoni bilaterali jew b'koperazzjoni oħra internazzjonali. Il-konsultazzjonijiet huma bħala regola magħmula ġewwa l-qafas tal-Kummissjoni Internazzjonali, bl-iskop li jaslu għal soluzzjoni. 2. Qabel jieħdu deċiżjoni dwar l-attivitajiet ippjanati l-awtoritajiet kompetenti – bl-eċċezzjoni ta' periklu pendenti – għandhom jistennew għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet sakemm ma jkunux finalizzati mhux aktar tard sena wara li jkunu bdew. Artikolu 12 Skambju ta' informazzjoni 1. Kif determinat mill-Kummissjoni Internazzjonali l-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw data disponibbli raġonevoli, fost l-oħrajn, dwar: (a) il-kondizzjonijiet ġenerali tal-ambjent tax-xmara ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita tax-xmara Danubju; (b) l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni u fit-tħaddim ta' l-aħjar teknika disponibbli u r-riżultati tar-riċerka u żvilupp; (ċ) l-emissjoni u l-monitoraġġ tad-data; (d) il-miżuri meħuda u ppjanati li għandhom jittieħdu biex jipprevjenu, jikkontrollaw, u jirriduċu l-impatt tat-transkonfini; (e) ir-regolamenti għat-tnixxijiet ta' l-ilma mniġġes; (f) l-aċċidenti li jinvolvu sustanzi li huma ta' periklu għall-ilma. 2. Bl-għan li jarmoniżżaw il-limiti ta' l-emissjoni, l-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-iskambju ta' l-informazzjoni fuq ir-regolamenti tagħhom. 3. Jekk Parti Kontraenti hija mitluba minn Parti Kontraenti oħra biex tipprovdi data jew informazzjoni li ma tkunx disponibbli, ta' l-ewwel għandha tipprova tħares it-talba imma tista' tagħmel kondizzjoni għal konformità tagħha wara li l-parti li tkun għamlet it-talba tħallas il-piżijiet raġonevoli tal-kollezzjoni u, meta xieraq, l-ipproċessar ta' tali data jew informazzjoni. 4. Għal-għanijiet ta' l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, l-Partijiet Kontraenti għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta' l-aħjar teknika disponibbli, partikolarment permezz tal-promozzjoni ta': l-iskambju kummerċjali tat-teknika disponibbli, kuntatti diretti industrijali u koperazzjoni, li tinkludi joint venture; l-iskambju ta' informazzjoni u l-esperjenza; u l-għoti ta' l-assistenza teknika. Il-Partijiet Kontraenti għandhom ukoll jorganizzaw programmi ta' taħriġ konġunti u seminars rilevanti u laqgħat. 5. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet jew l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti skond il-liġijiet domestiċi tagħhom, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi jew prattiċi legali aċċettati u regolamenti internazzjonali applikabbli biex jipproteġu l-informazzjoni relatata mad-data personali, il-propjetà intellettwali inkluż is-sigriet kummerċjali, jew is-sigurtà internazzjonali. 6. Jekk Parti madankollu tiddeċiedi li tipprovdi din l-informazzjoni protetta lil Parti oħra, l-Parti li tirċievi din l-informazzjoni protetta għandha tirrispetta l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni riċevuta u l-kondizzjonijiet li taħthom tkun ġiet provduta, u għandha tuża dik l-informazzjoni biss għall-iskopijiet li għalihom kienet provduta. Artikolu 13 Protezzjoni ta' l-informazzjoni provduta Safejn bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni s-sigrieti kummerċjali u industrijali jew bċejjeċ oħra ta' informazzjoni konfidenzali huma trasmessi skond il-liġijiet domestiċi, l-Partijiet Kontraenti riċevituri għandhom josservaw is-segretezza ta' din l-informazzjoni billi ma jużawhiex għal skopijiet barra dawk stipulati f'din il-Konvenzjoni, ma jippubblikawhiex jew jagħmluha disponsibbli għal terzi persuni. Fil-każ li xi wieħed mill-Partijiet Kontraenti iħossu li ma jkunx kapaċi jħares dan l-obbligu dwar l-informazzjoni kunfidenzali li tkun ġiet mibgħuta lilu, għandu jinforma lil Parti Kontraenti li tkun bagħtithielu dwarha mingħajr dewmien u jerġa' jibgħat mill-ġdid l-informazzjoni li tkun intbagħtet. Id-data persunali għandhom ikunu trasmessi lill-Partijiet Kontraenti skond il-liġi domestika tal-Parti Kontraenti li tkun bagħtitha. Ir-riċevitur għandu juża' d-data persunali biss għal għan indikat u taħt il-kondizzjonijiet speċifikati mill-parti li tkun bagħtitha. Artikolu 14 L-informazzjoni lill-pubbliku 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jagħmlu l-informazzjoni li tikkonċerna l-istat jew il-kwalità ta' l-ambjent tax-xmara fil-baċin tan-Danubju għad-dispożizzjoni lil kull persuna naturali jew ġuridika, b'pagament ta' piżijiet raġonevoli, bi tweġiba għal kull talba raġonevoli, mingħajr dik il-persuna ma jkollha tipprova interess, mill-iktar fis possibbli. 2. L-informazzjoni msejħa fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, li hi miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, tista' tingħata b'forma bil-miktub, visiva, bil-fomm jew data-based. 3. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Partijiet Kontraenti, skond is-sistemi legali domestiċi tagħhom u r-regolamenti internazzjonali applikabbli, biex jipprovdu talba għal din l-informazzjoni li għandha tiġi rifjutata fejn taffettwa: (a) il-konfidenzalità tal-proċeduri ta' l-awtoritajiet pubbliċi, relazzjonijiet internazzjonali u d-difiża nazzjonali; (b) is-sigurtà pubblika; (ċ) il-kwistjonijiet li huma jew kienu sub judice jew għadhom qegħdin jiġu mistħarrġa inklużi inkjesti dixxiplinarji jew li huma bla ħsara għal proċeduri preliminari; (d) il-konfidenzalità kummerċjali u industrijali kif ukoll il-propjetà intellettwali; (e) il-konfidenzalità tad-data persunali u/jew dokumenti: (f) il-materjal fornut minn terza parti mingħajr ma dik il-parti hi marbuta b'obbligu legali biex tagħmel dan; (g) il-materjal, li l-iżvelar tiegħu x'iktarx ikun ta' dannu għall-ambjent li dwaru jirrelata, ikun imħassar. 4. L-awtorità pubblika għandha tirrispondi għall-talba ta' persuna li titlob informazzjoni kemm jista' jkun malajr. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda biex tiġi provduta din l-informazzjoni mitluba għandhom jingħataw bil-miktub. Artikolu 15 Ir-riċerka u l-iżvilupp 1. Biex jiġu promossi l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu programmi konġunti jew komplimentarji ta' riċerki xjentifiċi jew tekniċi u, skond proċedura li għandha tiġi regolata mill-Kummissjoni Internazzjonali u trasmessa lill-Kummissjoni: (a) Ir-riżultati ta' dawn ir-riċerki komplimentarji, konġunti jew rilevanti, li l-aċċess għalihom hu miftuħ għall-awtoritajiet pubbliċi; (b) il-partijiet rilevanti ta' programmi oħra ta' riċerki xjentifiċi u tekniċi. 2. Waqt li jagħmlu dan, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu każ tax-xogħol magħmul jew appoġġat, f'dawn l-oqsma, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u agenziji xierqa. Artikolu 16 Il-komunikazzjoni, it-twissija u s-sistemi ta' allarm u pjani ta' emergenza 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu għall-komunikazzjoni kordinata jew konġunta, twissija u sistemi ta' allarm fil-kuntest tal-baċin sakemm dan ikun meħtieġ biex jissupplimenta s-sistemi stabbiliti u li jitħaddmu f'livell bilaterali. Huma għandhom jikkonsultaw dwar modi u mezzi biex jarmonizzaw il-komunikazzjoni domestika, it-twissija u s-sistemi ta' allarm u pjani ta' emergenza. 2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom fil-qafas tal-Kummissjoni Internazzjonali jinfurmaw lil xulxin dwar l-awtoritajiet kompetenti jew punti ta' kuntatt nominati għal dan l-għan fil-każ ta' ġrajja ta' emerġenza bħal tniġġis aċċidentali, kondizzjonijiet oħrajn kritiċi ta' l-ilma, għargħar, u periklu tas-silġ. Għalhekk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw biex jistabbilixxu pjani konġunti ta' emerġenza, fejn meħtieġ, li huma supplimentarji għal pjani eżistenti fuq il-livell bilaterali. 3. Jekk awtorità kompetenti tidentifika żieda immedjata ta' sustanzi perikolużi fix-xmara Danubju jew fl-ilma ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita jew tirċievi avviz ta' disastru jew ta' inċident li x'aktarx jista' jikkawża impatt serju fuq il-kwalità ta' l-ilma tax-xmara Danubju u li jaffettwa l-kurrent tax-xmara ta' l-Istati tad-Danubju din l-awtorità għandha minnufih tinforma l-punti ta' kuntatt nominati u l-Kummissjoni Internazzjonali skond il-proċedura introdotta mill-Kummissjoni. 4. Bl-għan li jiġu kontrollati u mnaqqsa r-riskji li joriġinaw mill-għargħar, inklużi l-perikli tas-silġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom minnufih jinfurmaw l-Istati tad-Danubju li jinsabu l-isfel matul il-kurrent tax-xmara li x'aktarx ikunu affettwati u l-Kummissjoni Internazzjonali b'dak li jkun ġara u bl-għargħar konsegwenzjali kif ukoll dwar tbassir ta' perikli tas-silġ. Artikolu 17 Assistenza reċiproka 1. Fl-interess tal-koperazzjoni msaħħa u biex tiġi faċilitata l-konformità dwar l-obbligi ta' din il-Konvenzjoni, partikolarment fejn sitwazzjoni kritika tal-kondizzjonijiet tax-xmara tista' tinqala', l-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fuq talba tal-Partijiet Kontraenti oħrajn. 2. Il-Kummissjoni Internazzjonali għandha tipprepara proċeduri għall-assistenza reċiproka li tindirizza, fost oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin: (a) id-direzzjoni, il-kontroll, il-kordinazzjoni u l-ispezzjoni ta' l-assistenza; (b) il-faċilitajiet lokali u s-servizzi li għandhom jingħataw mill-Parti Kontraenti li titlob l-assistenza li tinkludi fejn meħtieġ, li jaffaċilitaw il-formalitajiet tal-punti fejn tinqasam il-fruntiera; (ċ) l-arranġamenti biex tiġi kompensata l-Parti Kontraenti assistita u/jew l-impjegati tagħha, kif ukoll għat-transitu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti terzi fejn meħtieġ; (d) il-metodi kif titħallas l-assistenza tas-servizzi. PART III KUMMISSJONI INTERNAZZJONALI Artikolu 18 Stabbiliment, kompiti u kompetenzi 1. Bl-iskop li jimplementaw l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni l-Kummissjoni Internazzjonali għall-protezzjoni tax-xmara Danubju, imsejħa f'din il-Konvenzjoni bħala Kummissjoni Internazzjonali għandha tkun stabbilita. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkoperaw fil-qasam tal-Kummissjoni Internazzjonali. Biex jimplimentaw l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti skond l-Artikolu 1 sa 18, il-Kummissjoni Internazzjonali tipprepara proposti u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Partijiet Kontraenti. 2. L-istruttura u l-proċeduri tal-Kummissjoni Internazzjonali kif ukoll tal-kompetenzi tagħha huma stipulati fid-dettall fl-Anness IV ta' din il-Konvenzjoni li jikkostitwixxi l-Istatut tal-Kummissjoni. 3. Barra mill-affarijiet li huma espliċitament fdati lilha l-Kummissjoni Internazzjonali hija kompetenti biex tieħu ħsieb ta' l-affarijiet l-oħrajn kollha li bihom il-Kummissjoni hija fdata b'mandat mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas ta' l-Artikolu 3 ta' din il-Konvenzjoni. 4. L-implimentazzjoni tad-deċiżjonjiet meħuda mill-Kummissjoni hi appoġġjata permezz ta' l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti biex jirrapportaw lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 kif ukoll għad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni dwar il-bażi domestika u l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni multilaterali. 5. Il-Kummissjoni Internazzjonali tirrevedi l-esperjenza akkwistata li timplimenta din il-Konvenzjoni u kif xieraq tissottometti proposti lill-Partijiet Kontraenti li jikkonċernaw l-emendi jew żidiet ma' din il-Konvenzjoni jew tipprepara l-bażi biex jelaboraw regolamenti oħra dwar il-protezzjoni u l-amministrazzjoni ta' l-ilma tax-xmara Danubju u ta' l-ilma ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita. 6. Il-Kummissjoni Internazzjonali tiddeċiedi dwar il-koperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jew ma' korpi oħra, li huma mqabbda biex jaħdmu jew huma interessati fil-protezzjoni u fl-amministrazzjoni ta' l-ilma tax-xmara Danubju u fl-ilma ġewwa ż-żona tagħha fejn jinġabar l-ilma tax-xita jew fuq kwistjonijiet ġenerali ta' protezzjonijiet u amministrazzjoni ta' l-ilma. Din il-koperazzjoni hi diretta biex issaħħaħ il-kordinazzjoni u biex teħles mid-duplikazzjoni. Artikolu 19 Transizzjoni dwar id-Dikjarazzjoni ta' Bucharest Ix-xogħlijiet kif magħmula mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas tad-Dikjarazzjoni dwar il-koperazzjoni tal-pajjiżi tad-Danubju fuq problemi dwar l-amministrazzjoni ta' l-ilma tad-Danubju, partikolarment għall-protezzjoni tax-xmara Danubju kontra it-tniġġis, iffirmata fit-13 ta' Diċembru, 1985 (Id-Dikjarazzjoni ta' Bucharest), mill-gruppi tax-xogħol dwar il-kwalità ta' l-ilma, informazzjoni dwar l-għargħar, u t-tbassir u l-bilanċ ta' l-ilma huma trasferiti għall-qafas ta' din il-Konvenzjoni. PARTI IV KLAWSOLI PROĊEDURALI U FINALI Artikolu 20 Validità ta' l-Annessi Bla ħsara għall-Artikolu 23, l-Annessi I sa V jifformaw parti integrali minn din il-Konvenzjoni. Artikolu 21 Ftehim eżistenti u supplimentari Il-Partijiet Kontraenti fuq il-bażi ta' ugwaljanza u reċiproċità għandhom jadattaw ftehim eżistenti bilaterali u multilaterali jew arranġamenti oħra fejn meħtieġ biex jeliminaw il-kontradizzjonijiet bi prinċipji bażiċi ta' din il-Konvenzjoni, u għandhom jidħlu fi ftehim supplimentarji jew arranġamenti oħrajn fejn xieraq. Artikolu 22 Konferenza tal-Partijiet 1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiltaqgħu fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Internazzjonali. 2. F'dawn il-laqgħat il-Partijiet Kontraenti għandhom partikolarment jirrevedu kwistjonijiet ta' politika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni fuq ir-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali u għandhom jadottaw rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet xierqa. 3. Il-Parti Kontraenti li l-kap tad-delegazzjoni tagħha jagħmilha ta' president tal-Kummissjoni Internazzjonali għandu jagħmilha wkoll ta' president ta' dawn il-laqgħat. 4. Il-konferenza tal-Partijiet hi kompetenti biex tgħaddi r-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet iżda wara stedina regolari ta' mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti li huma preżenti. 5. Sakemm mhux provdut mod ieħor f'din il-Konvenzjoni, il-konferenza tal-Partijiet għandha tagħmel kull sforz biex tilħaq ftehim b'consensus. Jekk ma jintlaħaqx consensus, il-president għandu jiddikjara li l-isforzi kollha biex jintlaħaq ftehim b'consensus huma eżawriti. Wara dan it-tħabbir rakkomandazzjoni jew deċiżjoni għandha tiġi adottata b' 'maġġoranza ta' erba' minn ħamsa tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvotaw. Id-deċiżjoni għandha ssir vinkolanti fl-ewwel jum tal-ħdax-il xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha għall-Partijiet Kontraenti li vvotaw għaliha u li f'dak il-perjodu jkunu nnotifikaw is-Segretarju Eżekuttiv bil-miktub li ma jistgħux jaċċettaw id-deċiżjoni. Iżda, din in-notifika tista' tiġi rtirata f'kull ħin; l-irtirar għandu jkun effettiv meta jirċevih is-Segretarju Eżekuttiv. Din id-deċiżjoni għandha tibda torbot lil kull Parti Kontraenti oħra li tkun innotifikat lis-Segretarju Eżekuttiv bil-miktub li hija tista' taċċetta d-deċiżjoni mill-mument li tkun irċeviet in-notifika jew fl-ewwel jum tal-ħdax-il xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni liema waħda tkun l-aktar tard. 6. Jekk, iżda, ir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni jkollha implikazzjonijiet finanzjarji, ir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni għandhom jkunu adottati b'consensus biss. Artikolu 23 Emendi għall-Konvenzjoni Il-Konvenzjoni għandha tiġi emendata kif ġej: 1. Kull Parti Kontraenti tista' tipproponi emenda għal din il-Konvenzjoni. It-test ta' l-emenda proposta flimkien mal-proposta biex ilaqqgħu konferenza tal-Partijiet għandhom ikunu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti mid-depożitarju bil-miktub. 2. Jekk mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti jappoġġaw il-proposta biex ilaqqgħu konferenza tal-Partijiet, id-depożitarju għandu jlaqqgħa l-konferenza tal-Partijiet fi żmien sitt xhur fis-sede tal-Kummissjoni Internazzjonali. 3. L-adozzjoni ta' emenda waqt il-konferenza tal-Partijiet Kontraenti tinħtieġ consensus. 4. L-emenda adottata għandha tiġi sottomessa mill-gvern depożitarju lill-Partijiet Kontraenti għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni. Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta' l-emenda għandhom ikunu nnotifikati lill-gvern depożitarju bil-miktub. 5. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu rratifikawha, aċċettawha jew approvawha fit-30 jum wara li jkun irċeviha l-gvern depożitarju tan-notifika tar-ratifika tagħha, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni ta' mill-inqas erba' minn ħamsa tal-Partijiet Kontraenti. Wara, dik l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti Kontraenti oħra fit-30 jum wara li dik il-Parti Kontraenti tkun iddepożitat l-istrument tar-ratifika, aċċetazzjoni jew approvazzjoni ta' l-emenda. 6. L-Anness I, II u III jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni Internazzjonali skond l-Artikolu 5 ta' l-Istatut tagħha. Artikolu 24 Riżoluzzjoni ta' tilwim 1. Jekk tinqala' kwistjoni bejn tnejn jew iktar Partijiet Kontraenti dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, huma għandhom ifittxu soluzzjoni billi jinnegozjaw jew b'kull mezz ieħor tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, aċċettabbli għall-partijiet fil-kwistjoni, jekk xieraq bl-assistenza tal-Kummissjoni Internazzjonali. 2. (a) Jekk il-partijiet f'din il-kwistjoni ma jkunux kapaċi li jirriżolvu t-tilwima skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fi żmien raġonevoli imma mhux iktar minn tnax-il xahar wara li l-Kummissjoni Internazzjonali tkun notifikata dwar il-kwistjoni minn parti f'din it-tilwima, il-kwistjoni, għandha tintbagħat għar-reżoluzzjoni obbligatorja lil wieħed mill-mezzi li ġejjin għall-deċiżjoni paċifika: - Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, - L-arbitraġġ skond l-Anness V ta' din il-Konvenzjoni. (b) Meta jkunu jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jersqu għal din il-Konvenzjoni jew f'kull ħin wara Parti Kontraenti tista' tiddikjara bil-miktub lid-depozitarju li, dwar kwistjoni li ma tkunx ġiet riżolta skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandha taċċetta wieħed jew żewġ mezzi tar-riżoluzzjoni msejħa fis-subparagrafu (a) ta' dan il-paragrafu; (ċ) Jekk il-partijiet għal din il-kwistjoni ikunu aċċettaw iż-żewġ mezzi tad-deċiżjoni tal-kwistjoni msejħa fis-subparagrafu (a) ta' dan il-paragrafu l-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kemm-il darba l-partijiet ma jkunux iddeċidew mod ieħor; (d) Jekk il-partijiet fit-tilwima ma jkunux aċċettaw l-istess mezzi tar-riżoluzzjoni tat-tilwima msemmija fis-subparagrafu (a) ta' dan il-paragrafu, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-arbitraġġ; (e) Parti Kontraenti li ma tkunx għamlet dikjarazzjoni skond is-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu jew li d-dikjarazzjoni tagħha ma tkunx għadha fis-seħħ hija konsidrata li tkun aċċettat l-arbitraġġ. Artikolu 25 Firma Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għal firma mill-Istati tad-Danubju li huma intitolati għal kollox għad-drittijiet u l-privileġġi u s-sħubija man-Nazzjonijiet Uniti skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll tal-Komunità Ewropea u kull organizzazzjoni oħra reġjonali, ekonomika ta' integrazzjoni, li lilha dawn l-Istati bħala membri tagħhom ikun ittrasferew il-kompetenza dwar materji regolati minn dina l- Konvenzjoni f'Sofia fid-29 ta' Ġunju, 1994. Artikolu 26 Ratifika, Aċċettazzjoni jew Approvazzjoni Din il-Konvenzjoni għandha tkun bla ħsara għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-gvern tar-Rumanija li għandu jagħmilha ta' depożitarju ta' din il-Konvenzjoni. Artikolu 27 Dħul fis-seħħ Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu tad-disa' strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni. Għal kull Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika li tirratifika, taċċetta, tapprova jew taċċedi għal din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tad-disa' strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew adeżjoni, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-depożitu minn dan l-Istat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika ta' l-istrument tagħha tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni. Artikolu 28 Adeżjoni, partiċipazzjoni 1. Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika kif imsemmi fl-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni li jkunu għadhom ma ffirmax din il-Konvenzjoni jistgħu jaċċedu għal din il-Konvenzjoni. L-istrument ta' adeżjoni għandu jiġi ddepożitat mad-depożitarju. 2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu unanimament jistiednu kull Stat ieħor jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika biex taċċedi għal din il-Konvenzjoni jew li tipparteċipa fiha bi status konsultattiv. Artikolu 29 Irtirar F'kull żmien wara ħames snin mid-data li fiha din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' Parti, dik il-Parti tista' tirtira minn din il-Konvenzjoni b'notifika bil-miktub lid-depożitarju. Kull rtirar bħal dan għandu jibda jgħodd sena wara d-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika. Artikolu 30 Funzjonijiet tad-depożitarju Il-gvern depożitarju għandu jaqdi l-funzjonijiet tad-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni, partikolarment, id-depożitarju għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti: (a) bid-depożitu ta' l-istrument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, ta' l-irtirar jew ta' kull informazzjoni oħra, id-dikjarazzjonijiet u l-istrumenti kif inhuma previsti f'din il-Konvenzjoni; (b) bid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Artikolu 31 Testi awtentiċi, depożitarju L-oriġinal ta' din il-Konvenzjoni, li tagħha t-testi bl-Ingliż u bil-Ġermaniż huma ugwalment awtentiċi, għandu jkun iddepożitat mal-Gvern tar-Rumanija li għandha tibgħat kopji tiegħu lill-Partijiet Kontraenti. B'xhieda ta' dan 'l hawn taħt iffirmati li huma debitament awtorizzati mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw il-Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni tal-protezzjoni u użu sostenibbli tax-xmara Danubju (Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-Danubju). Magħmula f'Sofia, 29 ta' Ġunju, 1994. -------------------------------------------------- ANNESS I PARTI 1 L-aħjar teknika disponibbli 1. L-użu ta' l-aħjar teknika disponsibbli għandu jenfasizza l-użu tat-teknologija mhux ta' l-iskart, jekk disponibbli). 2. Il-frażi "l-aħjar teknika disponibbli" tfisser l-iktar stadju avanzat ta' l-iżvilupp (l-iktar stat avanzat) tal-proċessi, tal-faċilitajiet jew tal-metodi ta' tħaddim li jindikaw il-ħtieġa prattikabbli ta' miżura partikolari biex inaqqsu t-tnixxijiet, l-emissjonijiet u l-iskart. Waqt li jkun stabbilit jekk sett ta' proċessi, faċilitajiet u metodi ta' tħaddim jikkostitwixxu l-aħjar teknika disponsibbli f'każijiet ġenerali jew individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali lil: (a) proċessi li jistgħu jiġu paragunati, faċilitajiet jew metodi ta' tħaddim li reċentement kienu ppruvati b'suċċess; (b) l-avanzi fit-teknoloġija u skambji ta' tagħrif xjentifiku u l-ftehim; (ċ) il-fattibbilità ekonomika ta' dawn it-teknika; (d) termini ta' żmien għall-istallazzjoni ta' fabbriki kemm ġodda kif ukoll eżistenti; (e) in-natura u l-volum tat-tnixxijiet u l-emissjonijiet konċernati. 3. Għalhekk isegwi li dawk li huma "l-aħjar teknika disponsibbli" għall-ipproċess partikolari jinbidlu biż-żmien fid-dawl ta' avanzi fit-teknoloġija, fatturi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll skambji fit-tagħrif xjentifiku u ftehim. 4. Jekk ir-riduzzjoni fit-tnixxijiet u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta' l-aħjar teknika disponsibbli ma jwasslux għar-riżultati aċċettabbli dwar l-ambjent, ikollhom jiġu applikati miżuri addizzjonali. 5. Il-frażi "teknika" tinkludi kemm it-teknoloġija użata u l-mod kif l-istallazzjoni hi diżinjata, mibnija u miżmuma, maħduma u żmuntata. PARTI 2 L-aħjar prattika ta' l-ambjent 1. L-aħjar prattika ta' l-ambjent tfisser l-applikazzjoni ta' l-iżjed tagħqid xieraq tal-kontroll settorali ta' l-ambjent, strateġiji u miżuri. 2. Waqt li jistabbilixxu x'tagħqid ta' miżuri jikkostitwixxu l-aħjar prattika ta' l-ambjent f'każi ġenerali jew individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lil: - prinċipju kawtelatorju, - il-periklu għall-ambjent tal-prodotti u l-produzzjoni tiegħu, l-użu u fl-aħħarnett r-rimi (prinċipju ta' risponsabbiltà), - is-sostituzzjoni ta' attivitajiet li iniġġsu anqas jew sustanzi u riżorsi ta' ekonomija, inkluża l-enerġija (prinċipju tat-tnaqqis), - l-iskala ta' l-użu, - il-benefiċċju potenzali ta' l-ambjent jew il-piena ta' materjali ta' sostituzzjoni jew attivitajiet, - l-avanzi u bidliet fit-tagħrif xjentifiku u ftehim, - terminu ta' żmien għall-implimentazzjoni, - implikazzjoni soċjali u ekonomika. 3. Għalhekk isegwi li l-aħjar prattika ta' l-ambjent għall-għajn partikolari ta' impatti għandha tinbidel biż-żmien fid-dawl ta' l-avanzi teknoloġiċi, fatturi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll skambji fit-tagħrif xjentifiku u ftehim. 4. Jekk ir-riduzzjoni ta' l-impatti li tirriżulta mill-użu ta' l-aħjar prattika ta' l-ambjent ma twassalx għal riżultati aċċettabbli ta' l-ambjent, għandhom jiġu applikati miżuri addizjonali u l-aħjar prattika ta' l-ambjent għandha tiġi mfassla mill-ġdid. -------------------------------------------------- ANNESS II IS-SETTURI TA' L-INDUSTRIJA U SUSTANZI PERIKOLUŻI PARTI 1 Lista ta' setturi industrijali u industriji 1. Fis-setturi tal-ġenerazzjoni tas-sħana, l-enerġija, u setturi tat-tħaffir għall-minjieri: (a) trattament tal-gass taċ-ċmieni u arja ta' l-ispurgar, kagazza, tisfiq minn impjanti tal-ħruq; (b) sistemi li jkesħu; (ċ) preparazzjoni tal-faħam, preparazzjoni ta' minerali; (d) tlugħ fil-grad tal-faħam u l-iskoperta ta' prodotti li joħorġu mill-faħam, u trab tal-faħam; (e) manifattura ta' xorta ta' faħam bl-injam, karbonju attivat, nugrufum. 2. Fl-industrija tal-ġebel u tat-tħammil, il-materjali tal-bini, is-setturi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika: (a) manifattura tas-siment tal-fibra prodotti tas-sement tal-fibra; (b) manifattura u l-ipproċessar tal-ħġieġ, fibri tal-ħġieġ u fibri tal-minerali; (ċ) manifattura tal-prodotti taċ-ċeramika. 3. Fis-settur tal-metalli: (a) xogħol ta' metall u pproċessar: ħwienet tal-kisi bil-fidda, fabbriki fejn jitħawwru l-oġġetti biex ma jitħassrux, fabbriki anodiċi ta' ossidazzjoni, fabbriki għall-imbornitura, fabbriki tal-galvanizzar sħun, ħwienet li jwebbsu, manifattura ta' l-iskedi biċ-ċirkuwitu stampat, manifattura ta' batteriji, xogħol ta' l-iżmalt, ħwienet fejn isir ix-xogħol mekkaniku, ħwienet li jillustraw is-slides; (b) manifattura ta' ħadid u azzar, inklużi l-funderiji; (ċ) manifattura ta' metalli mhux tal-ħadid inklużi l-funderiji; (d) manifattura ta' liegi tal-ħadid. 4. Fis-settur inorganiku tal-kimika: (a) manifattura ta' kimiċi bażiċi; (b) manifattura ta' aċidi ta' minerali, bażi, imluħa; (ċ) manifattura ta' alkali, alkali tax-xorta ta' lissija u kloru bl-użu ta' l-elettrolisi tal-klorur alkali; (d) manifattura ta' fertilizzanti tal-minerali (li jeskludu l-fertilizzanti tal-potassa) imluħa ta' aċidu fosforiku, fosfati għall oġġetti ta' l-ikel; (e) manifattura tal-karbonat tas-sodju; (f) manifattura tal-korundum; (g) manifattura ta' pigmenti inorganiċi u pigmenti minerali; (h) manifattura ta' semi-kondutturi, oġġetti li jikkoreġu u ċelloli foto-elettriċi; (i) manifattura ta' splussivi inklużi l-pirotekniċi; (j) manifattura ta' ossidji ta' tixrid għoli; (k) manifattura ta' komposti tal-barium. 5. Fis-settur organiku tal-kimika: (a) manifattura ta' kimiċi bażiċi; (b) manifattura ta' kuluri, pigmenti, u żebgħa; (ċ) manifattura u pproċessar ta' fibri magħmulin mill-bniedem; (d) manifattura u pproċessar tal-plastiċi, lastiku u caoutchouc; (e) manifattura ta' komposti aloġeni organiċi; (f) manifattura ta' splussivi organiċi u karburanti solidi; (g) manifattura ta' awżiljarji għall-ġilda, produzzjoni tal-karta u prodotti ta' l-insiġ; (h) manifattura tal-farmaċewtika; (i) manifattura tal-bijoċidi; (j) manifattura tal-materja prima għall-ħasil u tindif; (k) manifattura ta' kosmetiċi; (l) manifattura ta' ġelatini, kolla tal-ġilda, adeżivi. 6. Fis-setturi taż-żejt minerali u żjut sintetiċi: (a) ipproċessar taż-żejt minerali, manifattura u rfinar tal-prodotti taż-żejt minerali, manifattura ta' l-idrokarburi; (b) il-ksib taż-żejt minn taħlit taż-żejt fl-ilma, fabbriki tad-diemulsifikazzjoni, ksib u trattament taż-żejt ta' l-iskart; (ċ) manifattura taż-żjut sintetiċi. 7. Fl-impjant ta' l-istamperija, reproshop, trattament tal-wiċċ u setturi tal-manifattura tal-folji tal-plastiku, kif ukoll ta' forom oħra ta' l-ipproċessar tar-raża u l-plastika: (a) manifattura tal-prodotti ta' l-istampar u grafiċi, reproshops; (b) laboratorji ta' l-istampar u laboratorji tal-pellikula taċ-ċinema; (ċ) manifattura ta' fuljetti rqaq tal-metall, trasportaturi tal-viżjoni u tal-ħoss; (d) manifattura ta' materjali mogħtijin passata zebgħa u mimlijin. 8. Fis-setturi ta' l-injam, polpa u karta: (a) manifattura tal-polpa, karta u kartun; (b) manifattura u kisi ta' l-injam fibre board. 9. Fis-setturi ta' l-insiġ, ġilda u pil ta' l-annimali: (a) manifattura ta' l-insiġ, finitura ta' l-insiġ; (b) manifattura tal-ġilda, finitura tal-ġilda, manifattura tas-sostitut tal-ġilda, finitura għall-pil; (ċ) ħasil fix-xott, bini fejn isir il-ħasil, ħasil ta' ċraret li jillustraw, ħasil tas-suf. 10. Setturi oħra: (a) ir-riċiklaġġ, it-trattament, il-ħażna, it-tagħbija, il-ħatt u d-depożitu ta' materjali ta' l-iskart u fdalijiet: il-ħażna, it-tagħbija, il-ħatt u t-trasferiment tal-kimiċi; (b) riċerki mediċi u xjentifiċi u żvilupp, sptarijiet, prattika tat-tobba, istituzzjoni tar-radjoloġija, laboratorji u kmamar fejn isiru t-testijiet; (ċ) negozji ta' tindif industrijali, tindif ta' kontenituri industrijali; (d) ħwienet fejn isir xogħol fuq vetturi, faċilitajiet għal ħasil ta' vetturi; (e) Trattament ta' l-ilma; (f) negozji ta' żebgħa u verniċ; (g) manifattura u pproċessar ta' pjanti u estratti ta' l-annimali; (h) manifattura u pproċessar ta' mikro-organiżmi u mikrobi velenużi b'aċidi nuċlejiċi in vitro magħqudin flimkien; (i) Setturi industrijali li japplikaw is-sustanzi tar-radjoattività (industrija nukleari). PARTI 2 Lista biex tiggwida s-sustanzi perikolużi u gruppi ta' sustanzi A. Gruppi ta' prijorità ta' sustanzi (a) Metalli tqal u l-komposti tagħhom; (b) Komposti ta' organoaloġeni; (ċ) Komposti organiċi tal-fosfru u l-landa; (d) aġenti tal-protezzjoni tal-pjanti, pestiċidi, (sustanzi li jeqirdu l-fungi, erbiċidi, insettiċidi, alġiċidi) u kimiċi wżati għall-preservazzjoni ta' l-injam, ċellulojde, karta, ġlud u drappijiet eċċ.; (e) żjut u idrokarburi ta' l-origini taż-żejt; (f) komposti oħra organiċi speċjalment ta' ħsara għall-ambjent akwatiku; (g) nitroġenu inorganiku u komposti tal-fosfru; (h) sustanzi radjoattivi, li jinkludu l-iskart. B. Sustanzi perikolużi waħdiena Minħabba li hemm differenzi konsiderevoli rigward is-sustanzi perikolużi li jkunu jinsabu f'ċerti gruppi, huwa meħtieġ ukoll li jkunu enfasizzati xi sustanzi waħdiena, li fil-prattika jistgħu ikollhom rwol ta' priorità. | Sustanzi | Numru CAS | | Sustanzi | Numru CAS | 1. | Merkurju | 7 439 976 | 21. | Trifluralina | 1 582 098 | 2. | Kadmju | 7 440 439 | 22. | Endosulfan | 115 297 | 3. | Ramm | 7 440 508 | 23. | Simażina | 122 349 | 4. | Żingu | – | 24. | Atrażina | 1 912 249 | 5. | Ċomb | 7 439 921 | 25. | Komposti tat-tributilina | – | 6. | Arseniku | 7 440 382 | 26. | Komposti tat-trifeniltina | – | 7. | Kromju | – | 27. | Ażinfs-etili | 2 642 719 | 8. | Nikel | 7 440 020 | 28. | Ażinfos-metili | 86 500 | 9. | Boron | – | 29. | Fenitrotjon | 122 145 | 10. | Kobalt | – | 30. | Fentjn | 55 389 | 11. | Selenju | 7 782 492 | 31. | Malatajon | 121 755 | 12. | Fidda | Paratajon | 32. | Paratjon | 56 382 | 13. | Drins | – | 33. | Paratjon-metili | 298 000 | 14. | HCT | 608 731 | 34. | Diklorvos | 62 737 | 15. | DDT | 50 293 | 35. | Trikloroetilene | 79 016 | 16. | Pentaklorofenol | 87 865 | 36. | Tetrakloroetilene | 127 184 | 17. | Heksaklorobenzene | 118 741 | 37. | Triklorobenzene | – | 18. | Heksaklorobutadjene | 87 683 | 38. | Dikoloroetane 1.2 | 107 062 | 19. | Karbotetraklorur | 56 235 | 39. | Trikoloroetan | 71 556 | 20. | Kloroform | 67 663 | 40. | Diossini | – | -------------------------------------------------- ANNESS III Gwida ġenerali dwar l-għanijiet u l-kriterji tal-kwalità ta' l-ilma [1] L-għanijiet u l-kriterji dwar il-kwalità ta' l-ilma żviluppati għall-iskopijiet speċifiċi tax-xmara Danubju u għall-ilma tal-wiċċ ġewwa ż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xita għandhom: (a) jagħtu każ tal-għażla li jżommu, u fejn meħtieġ itejbu l-kwalità eżistenti ta' l-ilma; (b) jimmiraw għar-riduzzjoni tat-tagħbija tat-tniġġis u konċentrazzjonijiet (partikolarment is-sustanzi perikolużi) għal ċertu livell u f'ċertu perjodu ta' żmien; (ċ) li jagħtu każ tal-ħtiġiet speċifiċi tal-kwalità ta' l-ilma (ilma mhux ipproċessat għax-xorb, għat-tisqija eċċ); (d) li jagħtu każ tal-ħtiġiet speċifiċi dwar l-ilmijiet sensittivi u protett b'mod speċjali u l-ambjent tagħhom p.e. għadajjar, żoni tal-protezzjoni ta' l-ilma tax-xatt tax-xmara msaffi u artijiet niedja; (e) ikunu bażati fuq l-applikazzjoni ta' metodi tal-klassifikazzjoni bijoloġiċi u indiċijiet kimiċi għar-reviżjoni medja u fit-tul taż-żamma u t-titjib tal-kwalità ta' l-ilma; (f) jagħtu każ tal-livell li jilħqu l-għanijiet u l-miżuri addizzjonali protettivi jistgħu jinħtieġu f'każijiet individwali. [1] L-għanijiet dwar il-kwalità ta' l-ilma u l-kriterji huma żviluppati individwalment u partikolarment aġġustati għall-kondizzjonijiet li jkunu jeżistu għall-ekosistemi, ir-riżorsi ta' l-ilma u l-użu tagħhom. Għalhekk fil-qafas ta' din il-Konvenzjoni biss linji ġenerali huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti. -------------------------------------------------- ANNESS IV Statut Tal-Kummissjoni Internazzjonali GĦall-Protezzjoni Tax-Xmara Danubju Artikolu 1 Kompożizzjoni 1. Il-Kummissjoni Internazzjonali tikkonsisti f'delegazzjonijiet nominati mill-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti tinnomina l-iktar ħames delegati, li jinkludu l-kap tad-delegazzjoni u d-deputat tiegħu. 2. Barra minn dan kull delegazzjoni tista' tieħu n-numru ta' l-esperti meħtieġa biex jittrattaw kwistjonijiet speċjali, l-ismijiet tagħhom huma kommunikati lis-Segretarjat tal-Kummissjoni Internazzjonali. Artikolu 2 Presidenza 1. Il-Presidenza tal-Kummissjoni Internazzjonali tinżamm mill-Partijiet Kontraenti kif imiss b'ordni alfabetiku (bl-Ingliż) għal sena. Id-delegazzjoni li tieħu ħsieb il-presidenza tinnomina wieħed mill-membri tagħha biex isir il-president tal-Kummissjoni Internazzjonali. 2. Il-president bħala regola ma jitkellimx f'isem id-delegazzjoni tiegħu fil-laqgħat tal-Kummissjoni Internazzjonali. 3. Aktar dettalji li jikkonċernaw il-presidenza huma determinati mill-Kummissjoni Internazzjonali u huma inklużi fir-regoli ta' proċedura tagħha. Artikolu 3 Laqgħat 1. Il-Kummissjoni Internazzjonli ssejjaħ laqgħa ordinarja mill-inqas darba fis-sena fuq invit tal-president f'post li għandu jiġi determinat minnu. 2. Laqgħat straordinarji għandhom jissejħu mill-president fuq talba ta' mill-inqas tliet delegazzjonijiet. 3. Konsultazzjonijiet tal-kapijiet tad-delegazzjoni għandhom jiġu miżmuma immedjatament wara l-laqgħat tal-Kummissjoni. 4. Il-president għandu jipproponi l-punti ta' l-aġenda, li jinkludu rapporti mill-grupp ta' ħidma u l-gruppi esperti tiegħu. Kull delegazzjoni għandha d-dritt li tipproponi dawk il-punti ta' l-aġenda li tixtieq li jkunu ttrattati. L-ordni ta' sekwenza tal-punti ta' l-aġenda hi determinata fil-Kummissjoni Internazzjonali b'vot ta' maġġoranza. Artikolu 4 Teħid ta' deċiżjonijiet 1. Kull delegazzjoni għandha vot wieħed. 2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Komunità Ewropea, fl-oqsma tal-kompetenza tagħha, hi intitolata għal numru ta' voti li huwa ugwali għan-numru ta' l-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti f'din il-Konvenzjoni. Din l-organizzazzjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota f'każijiet fejn L-Istati Membri jeserċtaw tagħhom u kuntarjament. 3. Il-Kummissjoni Intrernazzjonali tikkostitwixxi kworum bil-presenza tad-delegazzjonijiet ta' mill-inqas żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. 4. Proċeduri bil-miktub jistgħu jsiru taħt kondizzjonijiet li jiġu determinati mir-regoli ta' proċedura tal-Kummissjoni Internazzjonali. Artikolu 5 Adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 1. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu adottati b'consensus tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali. Jekk il-consensus ma jintlaħaqx, il-President tal-Kummissjoni għandu jiddikjara li l-isforzi kollha biex jintlaħaq ftehim b'consensus ġew eżawriti. Kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor fil-Konvenzjoni, il-Kummissjoni għandha f'dan il-każ tadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet b'maġġoranza ta' erba' minn kull ħames voti tad-delegazzjonijiet preżenti li jivvotaw 2. Din id-deċiżjoni għandha ssir vinkolanti fl-ewwel jum tal-ħdax-il xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha għall-Partijiet Kontraenti kollha li vvotaw għaliha u li f'dak il-perjodu ma jkunux innotifikaw lis-segretarju eżekuttiv bil-miktub li ma jistgħux jaċċettaw din id-deċiżjoni. Iżda, din in-notifika tista' tiġi irtirata f'kull ħin; l-irtirar għandu jsir effettiv kif jirċievu mis-segretarju eżekuttiv. Din id-deċiżjoni għandha torbot il-Parti Kontraenti l-oħra li tkun innotifikat lis-segretarju eżekuttiv bil-miktub li hi tista' taċċetta d-deċiżjoni mill-mument li tkun irċeviet dik in-notifika jew fl-ewwel jum tal-ħdax-il xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni, tkun liema tkun l-iktar tard. Artikolu 6 Korpi ta' esperti 1. Il-Kummissjoni Internazzjonali tistabbilixxi grupp ta' ħidma permanenti. Għal ċerti oqsma ta' xogħol u għal problemi speċifiċi hemm introdotti gruppi ta' esperti ad hoc. 2. Il-grupp ta' ħidma permanenti u l-grupp ta' esperti nominati mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. 3. Il-grupp ta' ħidma permanenti jkunu preżenti għalih id-delegati tal-Partijiet Kontraenti. Il-Kummissjoni Internazzjonali tinnomina l-president tagħha u tistabbilixxi n-numru massimu ta' delegati. Il-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll in-numru ta' persuni ta' kompetenza li jipparteċipaw fil-gruppi ta' kompetenza. Artikolu 7 Is-Segretarjat 1. Segretarjat permanenti huwa hawnhekk stabbilit. 2. Is-segretarjat permanenti għandu jkollu l-kwartieri ġenerali tiegħu fi Vienna. 3. IL-Kummissjoni Internazzjonali għandha taħtar segretarju eżekuttiv u tagħmel dispożizzjonijiet għall-ħatra ta' persunal ieħor kif ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-doveri tal-kariga tas-segretarju eżekuttiv u l-kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-kariga. 4. Is-segretarju eżekuttiv għandu jwettaq il-funzjonijiet li huma meħtieġa għall-amministrazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u għax-xogħol tal-Kummissjoni Internazzjonali kif ukoll il-kompiti l-oħra li jkunu fdati lis-segretarju eżekuttiv mill-Kummissjoni skond ir-regoli ta' proċedura u r-regolamenti finanzjarji tagħha. Artikolu 8 Mandat lill-esperti speċjali Fil-qafas ta' l-istimi tagħha, il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba u għall-analisi ta' kwistjonijiet speċjali l-Kummissjoni Internazzjonali tista' tinkariga persuni partikolarment kwalifikati, istituzzjonijiet xjentifiċi u faċilitajiet oħra. Artikolu 9 Rapporti Il-Kummissjoni Internazzjonali tibgħat lill-Partijiet Kontraenti ta' kull sena rapport dwar l-attivitajiet tagħha kif ukoll iżjed rapporti kif meħtieġ, li partikolarment jinkludu wkoll ir-riżultati tal-monitoraġġ u ta' l-istima Artikolu 10 Kapacità legali u rappreżentanza 1. Il-Kummissjoni Internazzjonali għandu jkollha kapacità legali kif ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha u għat-twettieq ta' l-għanijiet tagħha skond il-liġi applikabbli fil-kwartieri ġenerali tas-segretarjat tagħha. 2. Il-Kummissjoni Internazzjonali għandha tkun rappreżentata mill-president tagħha. Din ir-rappreżentanza għandha tkun determinata iżjed bir-regoli ta' proċedura. Artikolu 11 Spejjeż 1. Il-Kummissjoni Internazzjonali għandha tadotta r-regoli finanzjarji tagħha. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta budget ta' kull sena jew ta' darba kull sentejn ta' l-infiq propost u tikkonsidra estimi ta' l-infiq għall-perjodu fiskali li jsegwi wara dak. 3. L-ammont totali tal-budget, li jinkludi kull budget supplimentari adottat mill-Kummissjoni għandu jingħata mill-Partijiet Kontraenti barra mill-Komunità Ewropea, f'partijiet ugwali, kemm-il darba ma jkunx unanimament deċiż mod ieħor mill-Kummissjoni. 4. Il-Komunità Ewropea għandha tikkontribwixxi mhux iktar minn 2.5 fil-mija mill-ispejjeż amministrattivi tal-budget. 5. Kull Parti Kontraenti għandha tħallas l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu mal-partiċipazzjoni fil-Kummissjoni tar-rappreżentanti tagħha, ta' persuni ta' kompetenza u tal-persuni li jagħtu parir. 6. Kull Parti Kontraenti għandha tħallas l-ispejjeż tal-monitoraġġ kurrenti u ta' l-attivitajiet ta' stima, li jsiru fit-territorju tagħha. Artikolu 12 Regoli ta' proċedura Il-Kummissjoni Internazzjonali tistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tagħha. Artikolu 13 Il-lingwi tax-xogħol Il-lingwi uffiċjali tal-Kummissjoni Internazzjonali huma l-Ingliż u l-Ġermaniż. -------------------------------------------------- ANNESS V ARBITRAĠĠ 1. Il-proċedura ta' l-arbitraġġ imsemmija fl-Artikolu 24 ta' din il-Konvenzjoni għandha tkun skond il-paragrafi minn 2 sa 10 li ġejjin. 2. (a) Fil-każ ta' tilwima li tingħadda lill-arbitraġġ skond l-Artikolu 24(2) ta' din il-Konvenzjoni t-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jiġi kostitwit fuq it-talba indirizzata minn parti waħda fit-tilwima lill-parti l-oħra. It-talba għall-arbitraġġ għandu jkun fiha s-suġġett tal-każ ta' l-applikazzjoni u tinkludi partikolarment l-Artikoli ta' din il-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni li dwarha hemm it-tilwima; (b) il-parti li tkun għamlet l-applikazzjoni għandha tinforma lill-Kummissjoni Internazzjonali li għamlet it-talba għat-twaqqif tat-tribunal ta' arbitraġġ, tagħti l-isem tal-parti l-oħra fit-tilwima u l-Artikolu ta' din il-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni li dwarha, fl-opinjoni tagħha, hemm it-tilwima. Min jagħmel it-talba kif ukoll il-parti tad-difiża tista' tikkonsisti fi pluralità ta' Partijiet Kontraenti. Il-Kummissjoni Internazzjonali għandha tibgħat l-informazzjoni li tkun hekk irċeviet lill-Partijiet Kontraenti kollha ta' din il-Konvenzjoni. 3. It-tribunal ta' arbitraġġ għandu jikkonsisti fi tliet membri: Kemm il-parti jew partijiet u l-parti l-oħra jew partijiet fit-tilwima għandhom jaħtru arbitru fi żmien xahrejn; iż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom jinnominaw bi ftehim komuni fi żmien xahrejn it-tielet arbitru li għandu jkun il-president tat-tribunal. Dan ta' l-aħħar ma għandux ikun ċittadin ta' wieħed mill-partijiet fit-tilwima, l-anqas ma għandu jkollu l-post tar-residenza ordinarja tiegħu fit-territorju ta' wieħed minn dawn il-partijiet, l-anqas ma għandu jkun impjegat minn xi wieħed minnhom, l-anqas ma jkun ittratta l-każ f'xi kapacità oħra. 4. (a) Jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn minn meta tkun irċeviet t-talba, il-parti l-oħra tista' tinforma l-president tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, li għandha tinnomina l-president ta' l-arbitraġġ tat-tribunal fi żmien il-perjodu ta' xahrejn oħra. Fuq nomina, il-president tat-tribunal ta' arbitraġġ għandu jitlob il-parti li ma tkunx ħatret arbitru biex jagħmel hekk fi żmien xahrejn. Wara dan il-perjodu, jekk l-arbitraġġ ma jkunx approvat, il-president tat-tribunal ta' arbitraġġ għandu jinforma lill-president tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li għandu jagħmel din il-ħatra fi żmien il-perjodu ta' xahrejn oħra. (b) Jekk il-president tat-tribunal ta' arbitraġġ ma jkunx nominat fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni arbitru, il-president tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandu, fuq it-talba ta' xi parti minnhom, jinnominah f'perjodu ta' xahrejn oħra. 5. (a) It-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jiddeċiedi skond ir-regoli tal-liġi internazzjonali u, partikolarment, dawk ta' din il-Konvenzjoni; (b) kull tribunal ta' arbitraġġ kostitwit skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness għandu jagħmel lista tar-regoli ta' proċedura tiegħu; (ċ) fil-każ ta' kwistjoni dwar jekk it-tribunal ta' arbitraġġ għandux ġurisdizzjoni, il-kwistjoni għandha tiġi deċiża bid-deċiżjoni tat-tribunal ta' arbitraġġ 6. (a) Id-deċiżjonijiet tat-tribunal ta' arbritraġġ, kemm dwar il-proċedura kif ukoll dwar is-sustanza, għandhom jittieħdu b'vot ta' maġġoranza tal-membri tiegħu; (b) it-tribunal ta' arbitraġġ jista' juża' il-mezzi kollha xierqa biex jistabbilixxi l-fatti. Jista' fuq talba ta' waħda mill-partijiet jippreskrivi l-miżuri essenzali proviżorji ta' protezzjoni; (ċ) jekk tnejn jew iktar tribunali ta' arbitraġġ kostitwiti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness huma aditi b'talbiet b'suġġetti identiċi jew li jixxiebħu, huma għandhom jinfurmaw lilhom infushom bil-proċeduri biex jistabbilixxi l-fatti u jagħtu każ tagħhom sakemm huwa possibbli; (d) il-partijiet fit-tilwima għandhom jipprovdu l-faċilitajiet kollha meħtieġa għat-tmexxija effettiva tal-proċeduri; (e) l-assenza ta' parti fit-tilwima ma għandhiex tikkostitwixxi impediment għall-proċeduri. 7. Kemm-il darba t-tribunal ta' arbitraġġ jistabbilixxi mod ieħor minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, l-ispejjeż tat-tribunal, inklużi il-ħlas tal-membri tiegħu, għandhom jitħallsu mill-partijiet fit-tilwima f'ishma ndaqs. It-tribunal għandu jżomm registru ta' l-ispejjeż kollha tiegħu, u għandu jipprepara prospett finali ta' dan lill-partijiet. 8. It-tribunal ta arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ħames xhur mid-data minn meta jkun ġie stabbilit, kemm-il darba ma jidhirlux meħtieġ li jestendi t-terminu ta' żmien għal perjodu li ma jeċċediex l-ħames xhur. 9. Kull Parti Kontraenti li għandha interess ta' natura legali fis-suġġett li jista' jiġi effettwat bid-deċiżjoni fil-każ, jista' jidħol fil-proċeduri bil-consensus tat-tribunal. Id-deċiżjoni tat-tribunal ta' arbitraġġ għandha tkun vinkolanti għall-parti li tidħol bl-istess mod bħal tal-partijiet fit-tilwima. 10. (a) Id-deċiżjoni tat-tribunal ta' arbitraġġ għandha tkun akkumpanjata minn prospett ta' raġunijiet. Għandha tkun finali u vinkolanti għall-partijiet fil-kwistjoni. The award will be transmitted by the arbitral tribunal to the parties to the dispute and to the International Commission.Id-deċiżjoni għandha tiġi trasmessa mit-tribunal ta'arbitraġġ lill-partijiet fil-kwistjoni u lill-Kummissjoni Internazzjonali Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni li tkun irċeviet lill-Partijiet ta' din il-Konvenzjoni; (b) kull kwistjoni li tista' tinqala' bejn il-Partijiet li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni tista' tingħata mill-wieħed u l-ieħor mill-partijiet lit-tribunal ta' arbitraġġ li jkun ta d-deċiżjoni, jew, jekk dan ta' l-aħħar ma jistax ikun adit b'dan, lil tribunal ta' arbitraġġ ieħor kostitut għal dan l-għan fl-istess mod bħal l-ewwel wieħed. -------------------------------------------------- Att finali Il-konferenza għal iffirmar tal-Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tax-xmara Danubju saret f'Sofia fid-29 ta' Ġunju, 1994. Il-Gvernijiet ta' l-Istati li ġejjin kienu rappreżentati fil-Konferenza: l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Moldova, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja u l-Ukranja. Rappreżentant tal-Komunità Ewropea ħa sehem fil-Konferenza. It-Taqsima tal-Programm ta' kordinazzjoni – programm dwar l-ambjent tal-baċin tax-xmara Danubju attendew il-konferenza bħala osservaturi. Il-lista tad-delegazzjonijiet hija mehmuża. Il-laqgħa tal-ftuħ tal-Konferfenza kien preżenti għaliha l-Eċċellenza Tiegħu Evgeni Matinchev, id-Deputat Prim Ministri tar-Repubblika tal-Bulgarija, li indirizza l-parteċipanti. Il-Konferenza ħatret lil Dr Valentin Bossevsky, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Bulgarija, bħala l-President. Saru dikjarazzjonijiet mill-kapijiet tad-delegazzjoni ta' l-Awstrija, il-Buglarija, il-Kroazja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Moldova, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ukranja u l-Komunità Ewropea. Il-Konferenza kkonsidrat u adottat fid-29 ta' Ġunju, 1994 il-Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu sostenibbli tax-xmara Danubju. Fl-istess jum il-Konvenzjoni kienet miftuħa għall-firem u ġiet iffirmata mill-Awstrija, mill-Bulgarija, mill-Kroazja, mill-Ġermanja, mill-Ungerija, mill-Moldova, mir-Rumanija, u mir-Repubblika tas-Slovakkja, mill-Ukranja u mill-Komunità Ewropea. Il-Konferenza ġiet infurmata li l-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tas-Slovenja għadhom ma lestewx il-proċedura tagħhom għall-iffirmar tal-Konvenzjoni kif ukoll bix-xewqa tagħhom li jiffirmaw il-Konvenzjoni malajr kemm jista' jkun. Il-Konferenza adottat dikjarazzjoni dwar xi kwistjonijiet ta' l-implimentazzjoni proviżorja tal-Konvenzjoni, li t-test tagħha huwa mehmuż ma' dan l-Att Finali. B'xhieda ta' dan 'l hawn taħt iffirmati iffirmaw dan l-Att Finali. Magħmul f'Sofia, fid-disa' u għoxrin jum 29 ta' Ġunju, 1994, f'kopja waħda oriġinali, bl-Ingliż u l-Ġermaniż, li t-testi tagħhom huma ugwalment awtentiċi, li għandha tkun iddepożitat mal-Gvern tar-Rumanija. --------------------------------------------------