21994A1231(39)



Official Journal L 366 , 31/12/1994 P. 0025 - 0027
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0275
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0275


It-tieni protokoll addizzjonali

tal-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u affarijiet relatati miegħu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, min-naħa l-waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra

IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR, hawnhekk iżjed "il quddiem imsejħa" il-Komunità',

min-naħa waħda, u

IR-RUMANIJA,

min-naħa l-oħra,

BILLI l-Ftehim ta' l-Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Rumanija (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' l-Ewropa") kien iffirmat fi Brussel fl-1 ta' Frar 1993, u għadu ma daħalx fis-seħħ;

BILLI, sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta' l-Ewropa, disposizzjonijiet minnu dwar il-kummerċ u affarijiet relatati miegħu daħlu fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 1993 bil-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u affarijiet relatati miegħu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, min-naħa l-waħda, u r-Rumanija min-naħa l-oħra, (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Temporanju"), iffirmat fi Brussel fl-1 ta' Frar 1993;

BILLI l-Ftehim ta' l-Ewropa u l-Ftehim Temporanju kienu emendati bil-Protokoll Addizzjonali iffirmat fil-21 ta' Diċembru 1993, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi bħala l-Ewwel Protokoll Addizzjonali,

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza kruċjali tal-kummerċ fit-transizzjoni għal ekonomija tas-suq,

WAQT LI JŻOMMU F'RASHOM ir-rieda tal-Komunità li tallinja l-orarju ta' ħinijiet tar-Rumanija dwar id-disposizzjonijiet ta' kummerċ inklużi fil-Ftehimiet ta' l-Ewropa u dawk Temporanji ma' dik tal-pajjiżi assoċjati ma' Visegrad,

WAQT LI JŻOMMU F'RASHOM l-għanijiet tal-Ftehim ta' l-Ewropa u, b'mod partikolari, dawk imsemmijin fl-Artikolu 1 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim Temporanju,

WARA LI DDEĊIDEW li jikkonkludu dan il-Protokoll u għal dan il-għan innominaw il-plenipotenzarji tagħhom:

IL-KOMUNITÀ EWROPEA:

IR-RUMANIJA:

ILLI, wara li bidlu l-poteri sħaħ tagħhom f'forma tajba u kif għandha tkun,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(3) tal-Ftehim Temporanju u l-Artikolu 10(3) tal-Ftehim ta' l-Ewropa kif emendat bl-Ewwel Protokoll Addizzjonali għandu jinbidel bit-test li ġej:

"3. Il-prodotti ta' oriġini Rumena elenkati fl-Anness III għandhom jibbenefikaw minn sospensjoni ta' dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet fil-limiti ta' kwoti jew l-ogħla livelli ta' tariffi annwali tal-Komunità progressivament skond il-kondizzjonijiet imfissra f'dak l-Anness sakemm iwasslu għal abolizzjoni sħiħa ta' dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet tal-prodotti konċernati sa l-aħħar tat-tieni sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Fl-istess ħin dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet li għandhom jiġu applikati meta l-kwoti jkunu intużaw jew meta l-imposizzjoni ta' dazji tad-dwana tkun reġgħet ġiet stabbilita fir-rigward ta' prodotti koperti bl-ogħla limitu ta' tariffi, għandhom jitneħħew progressivament mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bi tnaqqis ta' 15 % mid-dazju bażiku kull sena. Sa l-aħħar tat-tieni sena, id-dazji li jkunu baqgħu iridu jitneħħew."

Artikolu 2

In-noti f'qiegħ il-paġna ta' l-Anness III tal-Ftehim Temporanju u ta' l-Anness III tal-Ftehim ta' l-Ewropa ma għadhomx japplikaw iżjed.

Artikolu 3

It-test li ġej għandu jissostitwixxi l-punt 1(b) tal-paragrafu introduttorju introdott fl-Annessi XIa, XIIIa u XIIIb tal-Ftehim Temporanju u fl-Annessi XIa, XIIa u XIIb tal-Ftehim ta' l-Ewropa bl-Ewwel Protokoll Addizzjonali:

"1. (b) Il-kwantitajiet f'tunnellati metriċi stabbiliti għar-raba' sena m'għandhomx japplikaw u l-kwantitajiet stabbiliti għall-ħames sena għandhom japplikaw għar-raba' sena li tibda fl-1 ta' Lulju 1995."

Artikolu 4

1. Fil-paragrafu introduttorju ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll 1 dwar prodotti ta' tessuti u ħwejjeġ tal-Ftehim Temporanju u l-Protokoll 1 dwar prodotti ta' tessuti u ħwejjeġ tal-Ftehim ta' l-Ewropa kif emendat bl-Ewwel Protokoll Addizzjonali, "eliminazzjoni fl-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin" għandhom jinbidlu għal "eliminazzjoni fl-aħħar tal-perjodu ta' erbgħa snin".

2. L-aħħar żewġ inċiżi ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll 1 dwar prodotti ta' tessuti u ħwejjeġ tal-Ftehim Temporanju u tal-Protokoll 1 dwar prodotti ta' tessuti u ħwejjeġ tal-Ftehim ta' l-Ewropa kif emendat bl-Ewwel Protokoll Addizzjonali, għandhom jiġu mibdula bit-test li ġej:

"fil-bidu tal-ħames sena id-dazji li jkun baqa' għandhom jiġu eliminati'."

Artikolu 5

L-Artikolu 2 (2) tal-Protokoll 2 dwar prodotti ta' l-ECSC tal-Ftehim Temporanju u tal-Protokoll 2 dwar prodotti ta' l-ECSC tal-Ftehim ta' l-Ewropa kif emendat bl-Ewwel Protokoll Addizzjonali għandu jinbidel bit-test li ġej:

"2. Tnaqqis ieħor ta' 60, 40 u 0 % mid-dazju bażiku għandu jsir fil-bidu tat-tieni, tat-tielet u tar-raba' sena rispettivament wara li l-Ftehim ikun daħal fis-seħħ.'"

Artikolu 6

Fl-Anness A tal-Protokoll 3 dwar prodotti agrikoli proċessati tal-Ftehim Temporanju dwar prodotti agrikoli proċessati tal-Ftehim ta' l-Ewropa, in-numru ta' snin li warajhom ir-rata finali tad-dazju tkun applikabbli, kif jidher fil-kolonna 7, għandu jinbidel minn erbgħa għal tliet snin għal dawk il-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet 1803, 18040000 u 18050000 u 18061010 oħrajn.

Fl-Anness B tal-Protokoll 3 dwar prodotti agrikoli proċessati tal-Ftehim Temporanju u tal-Protokoll 3 dwar prodotti agrikoli proċessati tal-Ftehim ta' l-Ewropa, il-kwantitajiet f'tunnellati metriċi stabbiliti għas-sena 1996 għandhom jitneħħew u l-kwantitajiet f'tunnellati metriċi stabbiliti għas-sena 1997 'il quddiem għandhom ikunu applikabbli mill-1966 'il quddiem.

Artikolu 7

Fl-Anness II u fl-Anness ta' l-Appendiċi B tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta' l-Ewropa dwar prodotti tat-tessuti bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Rumanija, il-limiti kwantitattivi stabbiliti għall-1998 għandhom jitneħħew.

Fil-Minuta Aċċettata Numru 5 "perjodu ta' ħames snin li jibda mill-1 ta' Jannar 1994" għandhom jinbidlu bi "perjodu ta' erbgħa snin li jibda mill-1 ta' Jannar 1994".

Artikolu 8

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim Temporanju u mill-Ftehim ta' l-Ewropa.

Artikolu 9

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ wara l-ewwel jum tax-xahar ta' wara d-data li l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin bit-tmiem tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.. Dan il-Protokoll għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1995.

Jekk dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ wara l-1 ta' Jannar 1995, kull dazji mħallsa li ma kellhomx jiġu mħallsa kieku l-Protokoll kien daħal fis-seħħ u d-disposizzjonijiet tiegħu kienu implimentati f'dik id-data għandhom jiġu mħallsa lura u dan il-ħlas għandu jkun ikkunsidrat li jikkostitwixxi ħarsien sħiħ ta' l-obbligu li dawn id-dazji m'għandhomx jitħallsu.

Artikolu 10

Dan il-Protokoll għandu jitħejja f'żewġ kopji bid-Daniż, Olandiż, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Taljan, Portugiż, Spanjol u Rumen b'kull wieħed minn dawn it-testi jkun awtentiku.

F'isem il-Komunità

Għar-Rumanija

--------------------------------------------------