21991A1123(01)



Official Journal L 321 , 23/11/1991 P. 0025 - 0027


Konvenzjoni

fuq il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Elbe

IL-GVERNIJIET TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA U TAR-REPUBBLIKA FEDERALI ĊEKA U SLOVAKKA (CSFR) U L-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-partijiet kontraenti"),

WAQT LI HUMA KKONĊERNATI dwar kif ix-xmara Elbe tinżamm ħielsa mit-tniġġiż,

WAQT LI QABLU li jkun evitat aktar tniġġiż fiha u biex jitjieb l-istat preżenti tagħha,

WAQT LI JAGĦRFU l-bżonn li jkun hemm għajnuna appoġġjata għat-tnaqqis fit-tniġġiż tal-Baħar tat-Tramuntana li jkun ġej mix-xmara Elbe,

WAQT LI HUMA KONVINTI mill-urġenza ta' dawn il-kompiti, u

WAQT LI JIXTIEQU jżidu l-kooperazzjoni li teżisti diġà bejn il-partijiet kontraenti f'dawn l-inħawi,

QABLU DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-partijiet kontraenti għandhom jaħdmu flimkien fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Elbe, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Kummissjoni", biex ikun evitat it-tniġġiż tax-xmara Elbe u ta' l-inħawi tad-dranaġġ tagħha.

2. Waqt li jagħmlu dan, dawn għandhom jaħdmu biex:

(a) isir użu mix-xmara, l-aktar billi jiskbu l-provvisti ta' ilma għax-xorb minn ilma ffiltrat u biex isir użu minn dan l-ilma u s-sedimenti tiegħu għall-agrikoltura;

(b) tinkiseb ekosistema kemm jista' jkun naturali b'biodiversità ta' speċi li tkun b'saħħitha;

(ċ) jitnaqqas b'mod sostanzjali t-tniġġiż tal-Baħar tat-Tramuntana mill-inħawi ta' l-Elbe.

3. Biex jintlħaqu dawn l-għanijiet gradatament, il-partijiet kontraenti, fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu l-ħidmiet li għandhom jitwettqu bħala prijorità fil-forma ta' programmi ta' ħidma skond skedi stabbiliti. Dawn il-programmi għandhom jipprovdu, inter alia, proposti għall-applikazzjoni ta' metodi ta' teknika ta' livell għoli ħafna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u għal miżuri biex jitnaqqas it-tniġġiż minn diversi għejjun.

4. Din il-Konvenzjoni ma tkoprix materji dwar l-industrija tas-sajd u t-trasport bil-baħar; madankollu, din ma teskludix il-kunsiderazzjoni ta' materji li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ilmijiet kontra t-tniġġiż li jiġi kkawżat b'dawn l-attivitajiet.

Artikolu 2

1. B'mod speċjali, il-Kummissjoni għandha:

(a) tħejji stħarriġ li jkun juri l-għejjun ta' punti maġġuri tar-rimi ta' materjal perikoluż (karti ta' rimi), tkejjel it-tniġġiż fl-ilma minn għejjun ta' tixrid, kif ukoll tanalizza dawn it-tnejn,

(b) tipproponi valuri ta' limitu għar-rimi ta' dranaġġ,

(ċ) tipproponi għanijiet speċifiċi ta' kwalità waqt li tqis il-kriterji dwar l-użu ta' l-ilmijiet, l-aktar il-kondizzjonijiet għall-ħarsien tal-Baħar tat-Tramuntana u l-komunitajiet naturali ta' l-ilma,

(d) tipproponi u tikkordina l-implimentazzjoni ta' programmi konġunti ta' kejl u stħarriġ biex tintwera l-kwalità ta' l-ilmijiet, is-sedimenti u d-dranaġġ ta' ħmieġ, u biex ikunu deskritti l-komunitajiet akwatiċi u kostali, waqt li tirreġistra u tagħmel valutazzjoni tas-sejbien li jkun sar,

(e) tiġbor metodi stabbiliti għall-klassifikazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma fl-Elbe,

(f) tipproponi azzjoni speċifika għat-tnaqqis ta' rimi ta' materjali perikolużi minn għejjun ta' punti kemm ta' awtoritajiet lokali kif ukoll ta' l-industrija u minn għejjun ta' ġbir, kif ukoll miżuri oħra li jinkludu skedi u stima ta' nefqa,

(g) tipproponi miżuri ta' protezzjoni biex ikunu evitati inċidenti li jwasslu għal tniġġiż fl-ilma,

(h) tipproponi twissija uniformi u sistema ta' sejħa għall-emerġenza għall-inħawi tad-dranaġġ, u biex dawn ikunu aġġornati skond l-esperjenza li tinkiseb,

(i) tiddeskrivi s-sitwazzjoni idrawlika fl-inħawi ta' l-Elbe u tirreġistra l-fatturi ewlenin ta' influwenza (il-monografu Elbe),

(j) tipprovdi xiehda miktuba dwar l-importanza ekoloġika tad-diversi elementi ta' biotopija ta' l-ilmijiet u proposti dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-komunitajiet akwatiċi u kostali,

(k) tiddiskuti użi mħejjija u, fuq talba minn xi delegazzjoni, dawk eżistenti li huma marbuta ma' l-użu ta' l-ilmijiet, liema użi jista' jkollhom effetti internazzjonali serji, inklużi strutturi idrawliċi u regolamenti dwar l-ilma,

(l) tnexxi 'l quddiem il-koperazzjoni, l-aktar fuq proġetti ta' riċerka xjentifika u dwar il-bdil ta' tagħrif, l-aktar fuq l-istat tat-teknoloġija,

(m) tħejji l-bażi għal kull regolament bejn il-partijiet kontraenti dwar il-ħarsien ta' l-Elbe u l-inħawi tad-dranaġġ tagħha.

2. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-materji l-oħra kollha mogħtija lilha mill-partijiet kontraenti bi ftehim konġunt.

Artikolu 3

Din il-Konvenzjoni għandha tkun tgħodd fit-territorji li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea huwa applikabbli u taħt it-termini ta' dak it-Trattat, min-naħa waħda, u fit-territorju tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka (CSFR), min-naħa l-oħra.

Artikolu 4

Il-partijiet kontraenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-materji bażiċi kollha meħtieġa għall-Kummissjoni biex din twettaq il-ħidmiet tagħha, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda u r-riżorsi kollha użati għal dan. Il-Kummissjoni tista' tagħti proposti lill-partijiet kontraenti dwar xi titjib li jista' jsir.

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tkun magħmula mid-delegazzjonijiet tal-partijiet kontraenti. Kull parti kontraenti għandha taħtar sa massimu ta' ħames delegati u d-deputati tagħhom, inkluż il-kap tad-delegazzjoni u d-deputat tiegħu.

2. Kull delegazzjoni tista' ssejjaħ esperti li hija taħtar biex tkun tista' tikkunsidra ċerti materji.

Artikolu 6

1. Il-Presidenza tal-Kummissjoni għandha tinżamm mid-delegazzjonijiet tal-partijiet kontraenti, skond min ikun imissu. Id-dettalji dwar id-disposizzjoni ta' President għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni u jiddaħħlu fir-regoli tagħha tal-proċedura; id-delegazzjoni li jkollha l-Presidenza tal-Kummissjoni għandha taħtar wieħed mill-membri tagħha bħala President. Din id-delegazzjoni tista' taħtar delegat ieħor għaż-żmien tal-Presidenza tagħha.

2. il-President m'għandux, bħala regola, jitkellem f'isem id-delgazzjoni tiegħu fil-laqgħat tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha tiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, meta tkun mistiedna mill-President għal laqgħa regolari, u f'post li għandu jiġi stabbilit minnu.

2. Il-laqgħat straordinarji għandhom jissejħu mill-President jekk ikun hemm talba minn xi delegazzjoni.

3. Il-mexxejja tad-delegazzjonijiet jistgħu jikkonsultaw ruħhom bejn il-laqgħat tal-Kummissjoni.

4. Il-President għandu jħejji l-aġenda. Kull delegazzjoni għandha tkun intitolata biex tinkludi dawk il-punt fl-aġenda li hija tkun tixtieq li jiġu diskussi. L-ordni għandha tkun deċiża b'deċiżjoni ta' maġġoranza mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

1. Kull delegat għandu jkollu vot wieħed.

2. In-negozjati u d-deċiżjonijiet fi ħdan il-qafas ta' din il-Konvenzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha għandhom isiru mill-Komunità Ekonomika Ewropea u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-oqsma ta' ħiliet rispettivi tagħhom. Il-Komunità Ekonomika Ewropea m'għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha f'każijiet li fihom tkun kompetenti r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u vice versa.

3. Id-deċiżjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom, kemm-il darba ma jkunx stabbilit mod ieħor f'din il-Konvenzjoni, ikunu addottati unanimament; tista' ssir proċedura bil-miktub fi qbil mal-kondizzjonijiet li għandhom ikunu speċifikati fir-regoli tal-proċedura.

4. Id-deċiżjonijiet nem. con. għandhom jitqiesu bħala unanimi, sakemm id-delegazzonijiet kollha jkunu preżenti.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf gruppi ta' ħidma biex dawn jagħmlu ċerti ħidmiet.

2. Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu magħmula mid-delegati jew l-esperti maħtura minn kull delegazzjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kompitu u n-numru ta' membri ta' kull grupp ta' ħidma u għandha taħtar il-President ta' kull grupp ta' ħidma.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi segretarjat għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-appoġġ tax-xogħol tagħha. Il-kwartieri tas-segretarjat għandhom ikun f'Magdeburg. Aktar dettalji għandhom ikunu rregolati bir-regoli tal-proċedura.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni tista' ssejjaħ is-servizzi ta' persuni jew stabbilimenti xierqa biex jeżaminaw materji speċjali.

Artikolu 12

Il-Kummissjoni għandha taddotta d-deċiżjonijiet dwar il-koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra li huma kkonċernati mal-kontroll tat-tniġġiż.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-partijiet kontraenti b'rapport ta' ħidma mill-inqas kull sentejn, kif meħtieġ, b'rapporti oħra li jistabbilixxu b'mod partikolari r-riżultati ta' l-istħarriġ u l-valutazzjoni tagħhom.

Artikolu 14

1. Kull parti kontraenti għandha ġġorr il-piż tan-nefqa tar-rappreżentanza tagħha fil-Kummissjoni u fil-gruppi ta' ħidma, kif ukoll tan-nefqa ta' l-istħarriġ li jkun qed isir bħalissa fit-territorju tagħha.

2. L-ispejjeż l-oħra kollha li jkunu ġejjin mix-xogħol tal-Kummissjoni, inklużi l-ispejjeż tas-segretarjat, għandhom jinqasmu bejn il-partijiet kontraenti kif ġej:

Ir-Repubblika Federal tal-ġermanja | 65,0 % |

Kommunità Ekonomika Ewropea | 2,0 % |

Repubblika Federali ċeka u Slovakka | 32,5 % |

Total | 100 % |

F'ċerti każi, il-Kummissjoni tista' wkoll tispeċifika komposizzjoni differenti.

Artikolu 15

Il-Kummissjoni għandha taddotta regoli tal-proċedura.

Artikolu 16

1. Il-ftehim u t-trattati eżistenti għandhom jibqgħu bla mittiefsa.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina kemm jista' jkun malajr sa fejn ikun meħtieġ li jiġu emendati, supplimentati jew imħassra l-ftehim u t-trattati msemmija fil-paragrafu 1 minħabba l-kontenut tagħhom jew għal xi raġunijiet oħrajn; din għandha tfassal rakkomandazzjonijiet dwar l-emenda jew it-tħassir ta' dawn u dwar il-konklużjoni ta' ftehim jew trattati ġodda.

Artikolu 17

Il-lingwi tal-Kummissjoni li għandhom jintużaw għandhom ikunu l-Ġermaniż u dik Ċeka.

Artikolu 18

Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih il-firmatarji kollha jkunu għarrfu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala d-depożitarja, li l-prekondizzjonijiet kollha għad-dħul fis-seħħ meħtieġa bil-liġijiet nazzjonali jkunu ntlaħqu.

Il-Konvenzjoni għandha tkun mitmuma għal perjodu illimitat. Din tista' tiġi ddenunzjata b'avviż ta' ħames snin. L-avviż tad-denunzja għandu jsir bil-miktub lid-depożitarju, li dan għandu jgħarraf lill-partijiet kontraenti l-oħra. L-avviż tad-denunzja għandu jidħol fis-seħħ mill-jum li fih id-depożitarju jkun irċevieh.

Artikolu 19

Din il-Konvenzjoni, li saret f'kopji oriġinali bil-Ġermaniż u l-lingwa Ċeka, waqt li kull test huwa vinkolanti indaqs, għandha tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja; dan ta' l-aħħar għandu jibgħat kopja awtentikata lil kull parti kontraenti.

Magħmula f'Magdeburg,

fit-tmien jum ta' Ottubru elf disa' mija u disgħin

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Għall-Komunità Ekonomika Ewropea

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka (CSFR)

--------------------------------------------------