Official Journal L 378 , 30/12/1978 P. 0002 - 0029
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 1 P. 0032
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 1 P. 0032
Greek special edition: Chapter 04 Volume 1 P. 0122
Spanish special edition: Chapter 04 Volume 1 P. 0074
Portuguese special edition Chapter 04 Volume 1 P. 0074
Il-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multi-laterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-atlantiku tal-majjistral IL-PARTIJIET KONTRAENTI, Filwaqt li jinnotaw illi l-Istati fuq il-kosta ta' l-Oċean Atlantiku tal-Majjistral kabbru, skond il-prinċipji rilevanti tal-liġijiet internazzjonali, il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ir-riżorsi ħajjin ta' l-ibħra li jmissu magħhom għal-limitu ta' 200 mil nawtiku mil-linji-bażi li minnhom il-wisgha tal-baħar territorjali jiġi mkejjel, u jeżerċitaw ġewwa dawn iż-żoni drittijiet sovrani bil-għan li jesploraw u jisfruttaw, jikkonservaw u jimmaniġġjaw dawn ir-riżorsi; Filwaqt li jqisu x-xogħol tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fil-qasam tas-sajd; Xewqana li jmexxu 'l quddiem il-konservazzjoni u l-użu ottimu tar-riżorsi tas-sajd taż-żona ta' l-Atlantiku tal-Majjistral fil-qafas xieraq tar-reġim tal-ġurisdizzjoni estiża tas-sajd ta' l-Istati ta' fuq il-kosta, u b'hekk jinkoraġġixxu kif xieraq il-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni internazzjonali rigward dawn ir-riżorsi, FTIEHMU DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 1. Iż-żona tal-baħar li għaliha tapplika din il-Konvenzjoni, minn issa 'l quddiem imsejħa "iż-Żona tal-Konvenzjoni", għandha tkun l-ibħra ta' l-Oċjan Atlantiku tal-Majjistral fit-tramuntana tal-latitudni 35° 00' N u fil-punent ta' linja li tinfirex lejn it-tramuntana mill-latitudni 35° 00' N u l-lonġitudni 42° 00' W sal-latitudni 59° 00' N, imbagħad minn hemm lejn il-punent għal-lonġitudni 44° 00' W, u minn hemm lejn it-tramuntana sal-kosta tal-Grenlandja, u l-ibħra tal-Golf ta' San Lawrenz, l-Istrett Davis u l-Bajja Baffin fin-nofs-in-nhar tal-latitudni 78° 10' N. 2. Il-firxa riferita f'din il-Konvenzjoni bħala "iż-Żona Regolatorja" hija dik il-parti taż-Żona tal-Konvenzjoni li tiġi lil hemm miż-żoni li fihom l-Istati ta' fuq il-kosta jeżerċitaw ġurisdizzjoni fuq is-sajd. 3. Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, "Stat fuq il-kosta (kostali)" għandu minn issa 'l quddiem ifisser Parti Kontraenti li teżerċita ġurisdizzjoni fuq is-sajd fl-ibħra li jiffurmaw parti miż-Żona tal-Konvenzjoni. 4. Din il-Konvenzjoni tapplika għar-riżorsi kollha tas-sajd taż-żona tal-Konvenzjoni, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: is-salamur, it-tonn/tuna u l-marlin, ħażniet taċ-ċetaċi (balieni) maniġġjati mill-Kummissjoni Internazzjonali tas-Sajd tal-Balieni jew kull organizzazzjoni suċċessur, u l-ispeċi li ma jpassux fuq il-Blata Kontinentali, jiġifieri, l-organiżmi li, fl-istadju ta' l-istagun tas-sajd u meta jinqabad il-ħut, jew ikunu immobbli fuq jew taħt il-qiegħ tal-baħar jew ma jkunux jistgħtu jiċċaqalqu għajr f'kuntatt kontinwu fiżiku mal-qiegħ tal-baħar jew mas-sub-swol. 5. Xejn f'din il-Konvenzjoni ma għandu jitqies li jaffettwa jew jippreġudika l-posizzjonijiet jew il-pretensjonijiet ta' kull Parti Kontraenti rigward l-ibħra interni, il-baħar territorjali, jew il-limiti jew iż-żona taħt il-ġurisdizzjoni ta' kull parti fuq is-sajd; jew li taffettwa jew tippreġudika l-veduti jew il-posizzjonijiet ta' kull Parti Kontraenti rigward il-liġi tal-baħar. Artikolu II 1. Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jistabblixxu u jżommu organizzazzjoni internazzjonali li l-għan tagħha għandu jkun li tikkontribwixxi permezz tal-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni għall-utilizzazzjoni ottima, l-immaniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taż-żona tal-Konvenzjoni. Din l-organizzazzjoni għandha tkun magħrufa bħala l-Organizzazzjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Majjistral, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Organizzazzjoni", u għandha twettaq il-funzjonijiet iddikjarati f'din il-Konvenzjoni. 2. L-Organizzazzjoni għandha tikkonsisti minn: (a) Kunsill Ġenerali, (b) Kunsill Xjentifiku, (ċ) Kummissjoni tas-Sajd, u (d) Segretarjat. 3. L-Organizzazzjoni għandha jkollha personalità legali u għandha tgawdi fir-relazzjonijiet tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti dik il-kapaċità legali li tista' tkun meħtieġa biex twettaq il-funzjonjiet tagħha u tikseb l-iskopijiet tagħha.L-immunitajiet u l-privileġġi li l-Organizzazzjoni u l-uffiċjali tagħha għandhom igawdu fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti u għandom ikunu bla ħsara għal ftehim bejn l-Organizzazzjoni u l-Parti Kontraenti interessata. 4. Il-kwartier ġenerali ta' l-Organizzazzjoni għandu jkun f'Dartmouth, fin-Nova Scotia, gewwa l-Kanada, jew f'kull post ieħor bħal dan li jista' jiġi deċiż mill-Kunsill Ġenerali. Artikolu III Il-funzjonijiet tal-Kunsill Ġenerali għandhom ikunu: (a) li jissorvelja u jikkoordina l-affarijiet dwar l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni, il-finanzi u materji oħra interni ta' l-Organizzazzjoni, inklużi r-relazzjonijiet fost il-korpi kostitwenti tagħha; (b) li tikkoordina r-relazzjonijiet esterni ta' l-Organizzazzjoni; (ċ) li tirrevedi u tistabbilixxi s-sħubija tal-Kummissjoni tas-Sajd skond l-artikolu XIII; u (d) li tezerċita kull awtorità oħra minn dawn ikkonferita fuqha b'din il-Konvenzjoni. Artikolu IV 1. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tkun membru tal-Kunsill Ġenerali u għandha taħtar għall-Kunsill mhux iktar minn tliet rappreżentanti li jistgħu jkunu akkumpanjati f'kull waħda mil-laqgħat tiegħu minn sostituri, esperti u konsulenti. 2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jeleġġi President u Viċi-President, li kull wieħed minnhom għandu jservi għal skond ta' sentejn u għandu jkun eliġibbli li jerġa' jiġi elett imma ma għandhomx iservu għal iktar minn erba' snin wara xulxin. Il-President għandu jkun rappreżenant ta' Parti Kontraenti li tkun membru tal-Kummissjoni tas-Sajd u l-President u l-Viċi-President għandhom ikunu rappreżentanti ta' Partijiet Kontraenti differenti. 3. Il-President għandu jippresiedi l-Organizzazzjoni u għandu jkun ir-rappreżentant ewlieni tagħha. 4. Il-President tal-Kunsill Ġenerali għandu jsejjaħ laqgħa regolari ta' kull sena ta' l-Organizzazzjoni f'post li jiġi deċiż mill-Kunsill Ġenerali u li normalment ikun fl-Amerika ta' Fuq. 5. Kull laqgħa tal-Kunsill Ġenerali, għajr il-laqgħa annwali, tista' tissejjaħ mill-President fil-ħin u fil-post li jistabbilixxi l-President, fuq it-talba ta' parti Kontraenti bi ftehim ma' Parti Kontraenti oħra. 6. Il-Kunsill Ġenerali jista' jwaqqaf dawk il-kumitati u sub-kumitati li jikkunsidra mixtieqa sabiex jeżerċita d-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu. Artikolu V 1. Kull Parti Kontraenti għandu jkollha vot wieħed fil-proċeduri tal-Kunsill Ġenerali. 2. Għajr fejn provdut xorta oħra, d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ġenerali għandhom jittieħdu b'maġġoranza tal-voti tal-Partijiet Kontraenti kollha preżenti u billi jitfgħu voti fl-affermattiv jew fin-negattiv, sakemm ma għandha tittieħed l-ebda votazzjoni għajr jekk ikun hemm quorum ta' mill-inqas żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. 3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta, u jemenda skond kif teħtieġ l-okkażjoni, r-regoli tat-tmexxija tal-laqgħat tiegħu u għalbiex jeżerċizta l-funzjonijiet tiegħu. 4. Il-Kunsill Ġenerali għandu jissottometti lill-Partijiet Kontraenti rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Organizzazzjoni. Artikolu VI 1. Il-funzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu: (a) li jipprovdi forum għall-konsultazzjonijiet u l-kooperazzjoni fost il-Partijiet Kontraenti dwar l-istudju, l-valutazzjoni u l-iskambju ta' tagħrif xjentifiku u veduti li jkollhom x‘jaqsmu mas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni, inklużi l-fatturi ambjentali u ekoloġiċi li jaffettwaw dan is-sajd, u biex jinkoraġġixxi u jmexxi 'l quddiem il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fir-riċerka xjentifika mfassla biex timla l-vojt fil-għerf dwar dawn il-materji: (b) li jibni u jżomm statistika u tagħrif miġbur u materjal dwar is-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni, inklużi l-fatturi ambjentali u ekoloġiċi li jaffettwaw dan is-sajd; (ċ) li jipprovdi pariri xjentifiċi lill-Istati ta' fuq il-kosta, fejn mitlub biex jagħmel dan skond l-artikolu VII; u (d) li ji pprovdi pariri xjentifiċi lill-Kummissjoni tas-Sajd, skond l-Artikolu VIII jew minn rajh kif meħtieġ għall-għanijiet tal-Kummissjoni. 2. Il-funzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku jistgħu, fejn xieraq, jitwettqu b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra pubbliċi jew privati li jkollhom għanijiet relattati. 3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom ifornu lill-Kunsill Xjentifiku b'kull tagħrif statistiku u xjentifiku mitlub mill-Kunsill għall-għan ta' dan l-Artikolu. Artikolu VII 1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu, fuq it-talba ta' Stat ta' fuq il-kosta, jikkunsidra u jirrapporta dwar kull kwistjoni li jkollha x'taqsam mal-bażi xjentifiku għall-maniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' dan l-Istat ta' fuq il-kosta ġewwa ż-żona tal-Konvenzjoni. 2. L-Istat ta' fuq il-kosta, f'konsultazzjoni mal-Kunsill Xjentifiku, għandu jispeċifika t-termini tar-riferiment li jridu jiġu kunsidrati dwar kull kwistjoni riferita lill-Kunsill skond il-paragrafu 1. Dawn it-termini tar-riferiment għandhom jinkludu, flimkien ma' materji oħra meqjusa xierqa, dawn mill-materji li ġejjin skond kif japplikaw: (a) prospett dwar il-kwistjoni riferita, inkluża deskrizzjoni tas-sajd u taż-żona li trid tiġi kunsidrata; (b) fejn jiġu mitluba estimi jew tbassir, deskrizzjoni ta' kull fattur jew supposizzjoni rilevanti li jridu jitqiesu; u (c) meta tapplika, deskrizzjoni dwar kull għan li l-Istat ta' fuq il-kosta jkun qiegħed ifittex li jikseb u indikazzjoni dwar jekk għandhomx jiġu provduti l-parir speċifiku jew il-firxa ta' għażliet. Artikolu VIII Il-Kunsill Xjentifiku għandu jikkunsidra u jirrapporta dwar kull kwistjoni riferita lilu mill-Kummissjoni tas-Sajd li jkollha x'taqsam ma' bażi xjentifiku għall-immaniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona Regolatorja u għandu jqis it-termini tar-riferiment speċifikati mill-Kummissjoni tas-Sajd rigward din il-kwistjoni. Artikolu IX 1. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tkun membru tal-Kunsill Xjentifiku u għandha taħtar fuq il-Kunsill ir-rappreżentanti tagħha li jistgħu jkunu akkumpanjati f'kull laqgħa tiegħu minn sostituti, esperti u konsulenti. 2. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jeleġġi President u Viċi-President, li kull wieħed minnhom għandu jservi għal skond ta' sentejn u li għandhom ikunu eliġibbli li jerġgħu jiġu eletti imma ma għandhomx iservu għal aktar minn erba' snin wara xulxin. Il-President u l-Viċi-President għandhom ikunu rappreżentanti ta' Partijiet Kontraenti differenti. 3. Kull laqgħa tal-Kunsill Xjentifiku, għajr il-laqgħa annwali mlaqqa' skond l-Artikolu IV, tista' tissejjaħ mill-President f'ħin u f'post kif jiġu stabbiliti mill-President, fuq it-talba ta' Stat ta' fuq il-kosta jew fuq it-talba ta' Parti Kontraenti bi ftehim ma' Parti Kontraenti oħra. 4. Il-Kunsill Xjentifiku jista' jwaqqaf dawk il-kumitati u sotto-kumitati li jikkunsidra mixtieqa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu. Artikolu X 1. Il-pariri xjentifiċi li jridu jiġu provduti mill-Kunsill Xjentifiku skond din il-Kovenzjoni għandhom jiġu stabbiliti bil-qbil unanimu bejn il-Partijiet. Fejn dan il-qbil unanimu ma jistax jintlaħaq, il-Kunsill għandu jiddikjara fir-rapport tiegħu l-veduti kollha mressqa dwar il-materja f'konsiderazzjoni. 2. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku dwar l-elezzjoni ta' l-uffiċjali, l-adozzjoni u l-emendi tar-regoli u materji oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu għandhom jittieħdu bil-maggoranza tal-voti tal-Partijiet Kontraenti kollha preżenti u bit-tfigħ ta' voti fl-affermattiv jew fin-negattiv, u għal dan l-iskop kull Parti Kontraenti għandu jkollha vot wieħed. Ma għandha tittieħed l-ebda votazzjoni jekk ma jkunx hemm quorum ta' mill-inqas żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. 3. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jadotta, u jemenda skond kif teħtieġ l-okkażjoni, r-regoli tat-tmexxija tal-laqgħat tiegħu u għall-eżrċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Artikolu XI 1. Il-Kummissjoni tas-Sajd, minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Kummissjoni", għandha tkun responsabbili mill-immaniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taż-żona Regolatorja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. 2. Il-Kummissjoni tista' tadotta l-proposti għall-azzjoni konġunta tal-Partijiet Kontraenti mfassla biex tinkiseb l-utilizzazzjoni ottima tar-riżorsi tas-sajd taż-żona Regolatorja. Hija u tikkunsidra dawn il-proposti, il-Kummissjoni għandha tqis kull tagħrif jew parir rilevanti provduti lilha mill-Kunsill Xjenifiku. 3. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha skond il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura l-konsistenza bejn: (a) kull proposta li tapplika għal ħażna jew għal grupp ta' ħażniet tal-ħut li jkunu jinsabu ġewwa ż-żona Regolatroja u f'żona tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd ta' Stat ta' fuq il-kosta, jew kull proposta li jista’ jkollha effett permezz ta' relazzjonijiet reċiproċi bejn l-ispeċji tal-ħut fuq ħażna jew grupp ta' ħażniet li jkunu jinsabu fl-intier tagħhom jew f'parti minnhom ġewwa żona tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd ta' Stat Membru kostali, u (b) kull miżura jew deċiżjoni meħuda mill-Istat kostali għall-maniġġjar u l-konservazzjoni ta' din il-ħażna jew grupp ta' ħażniet rigward l-attivitajiet tas-sajd kondotti ġewwa ż-żona taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tas-sajd. L-Istat kostali xieraq u l-Kummissjoni għandhom għalhekk imexxu 'l quddiem il-kordinazzjoni ta' dawn il-proposti, miżuri u deċiżjonijiet. Kull Stat kostali għandu jżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa bil-miżuri u d-deċiżjonijiet tiegħu bil-għan ta' dan l-Artikolu. 4. Il-proposti adottati mill-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni tal-qabdiet tal-ħut fiż-żona Regolatorja għandhom iqisu l-interessi tal-membri tal-Kummissjoni li l-bastimenti tagħhom ikunu stadu skond id-drawwa ġewwa din iż-żona, u, fl-allokazzjoni tal-qabdiet tal-ħut mill-Grand Banks u l-Kap Fjamming, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jagħtu każ speċjali tal-Parti Kontraenti li l-komunitajiet kostali tagħha jkunu dipendenti primarjament mis-sajd ta' ħażniet li jkollhom x'jaqsmu ma’ dawn is-sikek u li jkunu ndaħlu għal sforzi estensivi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni ta' dawn il-ħażniet permezz ta' azzjoni internazzjonali, b'mod partikolari billi jipprovdu sorveljanza u spezzjon tas-sajd internazzjonali fuq dawn is-sikek skond skema internazzjonali ta' infurzar konġunt. 5. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta proposti għal miżuri internazzjonali ta' kontroll u ta' infurzar ġewwa ż-żona Regolatorja bil-għan li tiżgura ġewwa din iż-żona l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u l-miżuri fis-seħħ tagħha. 6. Kull waħda mill-proposti adottati mill-Kummissjoni għandha tiġi trasmessa mis-Segretarjat Eżekuttiv lill-Partijiet Kontraenti kollha, fejn jispeċifikaw id-data tat-trasmissjoni għall-għanijiet tal-paragrafu 1 ta' l-Artikolu XII. 7. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XII, kull waħda mill-proposti adottata mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu għandha ssir miżura li torbot lill-Partijiet Kontraenti kollha u li tidħol fis-seħħ f'data li trid tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. 8. Il-Kummissjoni tista' tirreferi lill-Kunsill Xjentifiku kull kwistjoni li jkollha x'taqsam mal-bażi xjentifiku dwar il-maniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd ġewwa ż-żona Regolatorja u għandha tispeċifika t-termini tar-riferiment dwar kull konsiderazzjoni rigward din il-kwistjoni. 9. Il-Kummissjoni tista' tiġbed l-attenzjoni tal-membri kollha tal-Kummissjoni jew ta' parti minnhom dwar kull materja li jkollha x'taqsam mal-għanijiet immedjati u l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni ġewwa ż-żona Regolatorja. Artikolu XII 1. Jekk membru tal-Kummissjoni jippreżenta lis-Segretarju Eżekuttiv oġġezzjoni dwar proposta fi żmien 60 jum mid-data tat-trasmissjoni tagħha speċifikata fin-notifika tal-proposta mis-Segretarju Eżekuttiv, il-proposta ma għandhiex issir miżura li torbot sakemm itemmu 40 jum mid-data tat-trasmissjoni speċifikata fin-notifika ta' din l-oġġezzjoni lill-Partijiet Kontraenti. Wara dan, kull membru ieħor tal-Kummissjoni jista' joġġezzjoni bl-istess mod qabel ma jagħlaq perjodu addizzjonali taż-żmien ta' 40 jum, jew fi żmien 30 jum mid-data tat-trasmissjoni speċifikata fin-notifika lill-Partijiet Kontraenti dwar kull oġġezzjoni preżentata ġewwa dan il-perjodu addizzjonali taż-żmien ta' 40 jum, liema minnhom tkun l-iktar waħda tard. Il-proposta għandha mbagħad issir miżura li torbot lill-Partijiet Kontraenti kollha, għajr lil dawk li jkunu preżentaw l-oġġezzjonijiet, mat-tmiem tal-perjodu jew tal-perjodi mtawwla taż-żmien għall-oġġezzjonijiet. Jekk, madankollu, mat-tmiem ta' dan il-perjodu jew dawn il-perjodi mtawla taż-żmien, ikunu ġew ippreżentati u sostenuti oġġezzjonijiet mill-maġġoranza tal-membri tal-Partijiet Kontraenti, l-proposta ma għandhiex issir miżura li torbot, għajr jekk il-membri kollha tal-Kummissjoni jew xi wħud minnhom madankollu jiftiehmu bejniethom li jintrabtu biha f'data miftiehma. 2. Kull membru tal-Kummissjoni li jkun qajjem oġġezzjoni dwar proposta jista' f'kull ħin jirtira din l-oġġezzjoni u l-proposta għandha ssir miżura li torbot fuq dan il-membru, bla ħsara għall-proċedura dwar l-oġġezzjonijiet provvduta f'dan l-Artikolu. 3. F'kull ħin wara t-tmiem ta' sena mid-data li fiha miżura tidħol fis-seħħ, kull membru tal-Kummissjoni jista' javża lis-Segretarju Eżekuttiv bl-intenzjoni tiegħu li ma jintrabatx bil-miżura, u, jekk dan l-avviż ma jiġix irtirat, il-miżura ma tibqax torbot lil dan il-membru wara li tgħaddi sena mid-data li fiha s-Segretarju Eżekuttiv ikun irċieva l-avviż. F'kull ħin wara li miżura ma tibqax torbot iktar lil membru tal-Kummissjoni skond dan il-paragrafu, l-miżura ma għandha tibqa' torbot lill-ebda membru ieħor tal-Kummissjoni mid-data li s-Segretarju Eżekuttiv jirċievi avviż minn għandu li ma jkunx beħsiebu jibqa marbut. 4. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jinnotifika fil-pront lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar: (a) l-irċevuta ta' kull oġġezzjoni u l-irtirar ta' oġġezzjoni skond il-paragafi 1 u 2; (b) id-data li fiha kull proposta ssir miżura li torbot skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1; u (ċ) l-irċevuta ta' kull avviż skond il-paragrafu 3. Artikolu XIII 1. Is-sħubija fil-Kummissjoni għandha tiġi rivista u stabbilita mill-Kunsill Ġenerali fil-laqgħa annwali tiegħu u għandha tikkonsisti minn: (a) kull waħda mill-Partijiet Kontraenti li tipparteċipa fis-sajd fiż-żona Regolatorja, u (b) kull waħda mill-Partijiet Kontraenti li tkun ipprovvdiet xhieda sodisfaċenti lill-Kunsill Ġenerali illi tistenna li tipparteċipa fis-sajd fiż-żona Regolatorja matul is-sena ta' dik il-laqgħa annwali jew matul is-sena kalendarja ta' wara. 2. Kull wieħed mill-membri tal-Kummissjoni għandu jaħtar fil-Kummissjoni mhux iktar minn tliet rappreżentanti li jistgħu jiġu akkumpanjati f'kull laqgħa minn sostituti, esperti u konsulenti. 3. Kull Parti Kontraenti li mhix membru tal-Kummissjoni tista' tattendi l-laqgħat tal-Kummisjoni bħala osservatur. 4. Il-Kummissjoni għandha teleġġi President u Viċi-President, li kull wieħed minnhom għandu jservi għal skond ta' sentejn u għandu jkun eliġibbli li jerġa' jiġi elett imma ma għandux iservi għal iktar minn erba' snin wara xulxin. Il-President u l-Viċi-President għandhom ikunu rappreżentanti ta' membri differenti tal-Kummissjoni. 5. Kull laqgħa tal-Kummissjoni, għajr il-laqgħa annwali mlaqqa' skond l-Artikolu IV, tista' tissejjaħ mill-President f'kull ħin u post li jista' jistabbilixxi l-President, fuq it-talba ta' kull membru tal-Kummissjoni. 6. Il-Kummissjoni tista' titbbilixxi dawk il-kumitati u sub-kumitati li tikkunsidra mixtieqa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha. Artikolu XIV 1. Kull wieħed mill-membri tal-Kummissjoni għandu jkollu vot wieħed fil-proċedimenti tal-Kummissjoni. 2. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti tal-membri kollha tal-Kummissjoni u billi jitfgħu voti fl-affermattiv jew fin-negattiv, sakemm l-ebda votazzjoni ma għandha tittieħed għajr jekk ikun hemm quorum ta' mill-inqas żewġ terzi tal-membri tal-Kummissjoni. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta, u fejn ikun meħtieġ temenda, r-regoli tat-tmexxija tal-laqgħat tagħha u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Artikolu XV 1. Is-Segretarjat għandu jipprovdi servizzi lill-Organizzazzjoni fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha. 2. L-uffiċjal ewlieni amministrattiv tas-Segretarjat għandu jkun is-Segretarju Eżekuttiv, li għandu jiġi maħtur mill-Kunsill Ġenerali skond dawk il-proċeduri u b'dawk it-termini li l-Kunsill jista' jistabbilixxi. 3. Il-personal tas-Segretarjat għandu jiġi maħtur mis-Segretarju Eżekuttiv skond dawk ir-regoli u l-proċeduri li jista' jistabbilixxi l-Kunsill Ġenerali. 4. Is-Segretarju Ġenerali għandu, bla ħsara għas-sorveljanza ġenerali tal-Kunsill Ġenerali, ikollu l-poteri u l-awtorità kollha fuq il-personal tas-Segretarjat u għandu jwettaq dawk il-funzjonijiet li għandu jistabbilixi l-Kunsill Ġenerali. Artikolu XVI 1. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tħallas l-ispejjeż tad-delegazzjoni tagħha għal-laqgħat kollha miżuma skond din il-Konvenzjoni. 2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta l-estimi annwali ta' l-Orgnizzazzjoni. 3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet mistħoqqa minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti skond l-estimi annwali fuq il-bażi li ġej: (a) 10 % mill-estimi għandhom jiġu maqsuma fost l-Istati kostali skond il-proporzjon tal-qabdiet nominali tagħhom flż-żona tal-Konvenzjoni fis-sena li tagħlaq sentejn qabel il-bidu tas-sena ta' l-estimi; (b) 30 % mill-estimi għandhom jiġu maqsuma daqs insew fost il-Partijiet Kontraenti kollha; u (ċ) 60 % mill-estimi għandhom jiġu maqsuma fost il-Partijiet Kontraenti fil-proporzjon tal-qabdiet nominali fiż-żona tal-Kovenzjoni fis-sena li tagħlaq sentejn qabel il-bidu tas-sena ta' l-estimi. Il-qabdiet nominali riferiti hawn fuq għandhom ikunu l-qabdiet irrappurtati ta' l-ispeċi tal-ħut elenkat fl-Anness I, li jagħmlu parti integrali minn din il-Konvenzjoni. 4. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jgħarraf lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar il-kontribuzzjoni minn din il-Parti kalkolata skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, u malajr kemm jista' jkun wara dan, kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha lill-Organizzazzjoni. 5. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fil-flus korrenti tal-pajjiż li fih ikunu lokati l-kwartieri ġenerali ta' l-Organizzazzjoni, għajr jekk awtorizzat xorta oħra mill-Kunsill Ġenerali. 6. Bla ħsara għall-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill Ġenerali għandu, fl-ewwel laqgħa tiegħu, japprova estimi finanzjarji rigward il-bilanċ ta' l-ewwel sena finanzjarja li fiha l-Organizzazzjoni tibda tiffunzjona u s-Segretarju Eżekuttiv għandu jittrasmetti lill-Partijiet Kontraenti kopji ta' dawn l-estimi finanzjarji bl-avviżi dwar il-kontribuzzjonijiet tagħhom rispettivi. 7. Għas-snin finanzjarji ta' wara, l-abbozzi ta' l-estimi finanzjarji għandhom jiġu sottomesssi lil kull Parti Kontraenti flimkien ma' skeda tal-kontribuzzjonijiet, mhux inqas minn 60 jum qabel il-laqgħa annwali ta' l-Organizzazzjoni li fiha jiġu kunsidrati l-estimi finanzarji. 8. Parti Kontraenti li tissieħeb f'din il-Konvenzjoni matul il-kors ta' sena finanzjarja għandha tikkontribwixxi rigward din is-sena parti kalkolata skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, li tkun ipproporzjonata man-numru tax-xhur sħaħ li jkun jifdal mis-sena. 9. Parti Kontraenti li ma tkunx ħallset il-kontribuzzjonijiet tagħha għal sentejn wara xulxin ma għandha tgawdi l-ebda dritt dwar it-tfigħ tal-vot u l-preżentazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet skond din il-Konvenzjoni sakemm twettaq l-obbligi tagħha, għajr jekk il-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi xorta oħra. 10. L-affarijiet finanzjarji ta' l-Organizzazzjoni għandhom jiġu rivisti kull sena minn awdituri barranin li jridu jiġu magħżula mill-Kunsill Ġenerali. 11. Jekk il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Anness II, li jagħmel parti integrali minn din il-Konvenzjoni, minflok id-disposizjonijiet tal-paragrafu 6. Artikolu XVII Il-Partijiet Kontraenti jaqblu bejniethom li jieħdu din l-azzjoni, inkluża l-imposizzjoni ta' sanzjonijiet adegwati fil-konfront ta' abbuzi kif ikun meħtieġ biex idaħħlu fis-seħħ id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni u biex jimplimentaw kull miżura li ssir torbot skond il-paragrafu 7 ta' l-Artikolu XI u kull miżura li tkun fis-seħħ skond l-Artikolu XXIII. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tibgħat lill-Kummissjoni prospett annwali ta' l-azzjonijiet meħuda minnha skond dawn il-għanijiet. Artikolu XVIII Il-Partijiet Kontraenti jaqblu bejniethom li jżommu fis-seħħ u jimplimentaw ġewwa ż-żona Regolatorja skema konġunta ta' infurzar internazzjonali kif tapplika skond l-Artikolu XXIII jew kif immodifikata bil-miżuri riferiti fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu XI. Din l-iskema għandha tinkludi dispożizzjoni għad-drittijiet reċiproċi tat-tlugħ abbord u ta' l-ispezzjoni mill-Partijiet Kontraenti u għall-prosekuzzjoni u s-sanzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera fuq il-bażi tax-xiehda li tirriżulta minn dan it-tlugħ abbord u dawn l-ispezzjonijiet. Għandu jkun inkluż rapport dwar dawn il-prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet fil-prospett annwali riferit fl-Artikolu XVII. Artikolu XIX Il-Partijiet Kontraenti jaqblu bejniethom li jiġbdu l-attenzjoni ta' kull Stat li mhux parti minn din il-Konvenzjoni dwar kull materja li jkollha x'taqsam ma' l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona Regolatorja minn ċittadini jew bastimenti ta' dan l-Istat li jidhru li jaffettwaw avversament il-kisba tal-għanijieti ta' din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet Kontraenti jaqblu barra minhekk li meta jkun xieraq jiddiskutu bejniethom dwar il-passi li jridu jittieħdu biex ma jħallux li jiġru dawn l-effetti negattivi. Artikolu XX 1. Iz-żona tal-Konvenzjoni għandha tiġi maqsuma f'sub-żoni xjentifiċi u statistiċi, taqsimiet u sub-taqsimiet, li l-limiti tagħhom għandhom ikunu dawk iddefiniti fl-Anness III ma' din il-Konvenzjoni. 2. Fuq it-talba tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kunsill Ġenerali jista' bil-maġġoranza tal-voti ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti kollha, jekk jidhirlu hekk meħtieġ għal għanijiet xjentifiċi u statistiċi, jimmodifika l-limiti tas-sub-żoni xjentifiċi u statistiċi, t-taqsimiet u s-sub-taqsimiet iddikjarati fl-Anness III, sakemm kull Stat kostali li jeżerċita ġurisdizzjoni fuq is-sajd f'kull parti taż-żona affettwata jaqbel ma din l-azzjoni. 3. Fuq it-talba tal-Kummissjoni tas-Sajd u wara li jkun ikkonsulta l-Kunsill Xjentifiku, il-Kunsill Ġenerali jista' bil-vot tal-maġġoranza taż-żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti kollha, jekk jidhirlu hekk meħtieġ għall-għanijiet ta‘l-immaniġġjar, jaqsam iż-żona Regolatorja f'taqsimiet u sub-taqsimiet regolatorji xierqa. Dawn jistgħu iktar tard jiġu modifikati skond l-istess proċedura. Il-limiti ta' dawn it-taqsimiet u sub-taqsimiet għandhom jiġu definiti fl-Anness III. 4. L-Anness III ma' din il-Konvenzjoni, jew skond it-termini preżenti jew kif immodifikat minn żmien għal żmien skond dan l-Artikolu, jifforma parti integrali minn din il-Konvenzjoni. Artikolu XXI 1. Kull Parti Kontraenti tista' tipproponi emendi għal din il-Konvenzjoni biex jiġu kunsidrati u tittieħed azzjoni fuqhom mill-Kunsill f'laqgħa annwali jew f'laqgħa speċjali. Kull emenda minn dawn proposta għandha tintbagħat lis-Segretarju Eżekuttiv mill-inqas 90 jum qabel il-laqgħa li fiha tiġi diskussa l-proposta li tkun sejra tittieħed azzjoni fuqha, u s-Segretarju Ġenerali għandu jittrasmetti fil-pront il-proposta lill-Partijiet Kontraenti kollha. 2. L-adozzjoni ta' emenda proposta għall-Konvenzjoni mill-Kunsill Ġenerali għandha teħtieġ maġġoranza ta' tliet kwarti tal-voti tal-Partijiet Kontraenti kollha. It-test ta' kull emenda proposta hekk adottata għandu jiġi trasmess mid-Depożitarju lill-Partijiet Kontraenti kollha. 3. Emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha 120 jum wara d-data tat-trasmissjoni tagħha speċifikata fin-notifika mid-Depożitarju li jkun irċieva n-notifika miktuba ta' l-approvazzjoni minn tliet kwarti tal-Partijiet kollha Kontraenti għajr jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti tinnotifika lid-Depożitarju illi toġġezzjona għall-emenda fi żmien 90 jum mid-data tat-trasmissjoni lilha kif speċifikat fin-notifika mid-Depożitarju dwar li jkun irċieva din in-notifika, li fil-każ tagħha l-emenda ma għandha tidħol fis-seħħ għall-ebda waħda mill-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti li tkun qajmet oġġezzjoni għal emenda tista' tirtira din l-oġġezzjoni f'kull ħin. Jekk jiġu rtirati l-oġġezzjonijiet kollha għal emenda, l-emenda għandha tidhol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha fi żmien 120 jum mid-data tat-trasmissjoni speċifikata fin-notifika mid-Depożitarju li jkun irċieva l-aħħar irtitrar. 4. Kull parti li ssir Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni wara li tkun ġiet adottata emenda skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha titqies li tkun approvat l-emenda msemmija. 5. Id-Depożitarju għandu jinnotifika minnufih lill-Partijiet Kontraenti kollha li jkun irċieva n-notifika ta' l-approvazzjoni għall-emendi, li jkun irċieva n-notifiki ta' l-oġġezzjoni jew l-irtirar ta' l-oġġezzjonijiet, u bid-dħul fis-seħħ ta' l-emendi. Artikolu XXII 1. Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firem f'Ottawa sal-31 ta' Diċembru 1978, mill-Partijiet irrappreżentati fil-Konferenza Diplomatika dwar il-Ġejjieni tal-Koperazzjoni Multi-laterali fis-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, miżmuma f'Ottawa mill-11 sal 21 ta' Ottubru 1977. Wara dan għandha tinfetaħ għas-sħubija. 2. Din il-Konvenzjoni għandha tkun bla ħsara għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Firmatarji u l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu depożitati għand il-Gvern tal-Kanada, imsejjaħ f'din il-Konvenzjoni "id-Depożitarju". 3. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' Jannar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni minn mhux inqas minn sitt Firmatarji li mill-inqas wieħed minnhom jeżerċita ġurisdizzjoni fuq is-sajd fl-ibħra li jiffurnaw parti miż-żona tal-Konvenzjoni. 4. Kull Parti li ma tkunx iffirmat din il-Konvenzjoni tkun tista' tidħol fiha b'notifika bil-miktub lid-Depożitarju. Is-sħubiji rċevuti mid-Depożitarju qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għandhom isiru effettivi fid-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ. Is-sħubiji rċevuti mid-Depożitarju wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għandhom isiru effettivi fid-data li fiha d-Depożitarju jkun irċevihom. 5. Id-Depożitarju għandu jgħarraf lill-Firmatarji kollha u lill-Partijiet kollha li jissieħbu bir-ratifiki, l-aċċettazzzjonijiet jew l-approvazzjonijiet kollha depożitati u s-sħubiji rċevuti. 6. Id-Depożitarju għandu jsejjaħ il-laqgħa tal-bidu ta' l-Organizzazzjoni li trid issir mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, u għandu jikkomunika l-aġenda proviżorja lill kull waħda mill-Partijiet Kontraenti mhux inqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa. Artikolu XXIII Mad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, kull proposta li tkun ġiet trasmessa jew tkun fis-seħħ f'dan iż-żmien skond l-Artikolu VIII tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral ta' l-1949, ("il-Konvenzjoni ICNAF") għandha, bla ħsara għad-dispossizzjonijiet tal-Konvenzjoni ICNAF issir miżura li torbot immedjatament lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti rigward iż-żona Regolatorja, jekk il-proposta tkun daħlet fis-seħħ skond il-Konvenzjoni ICNAF, jew f'dak il-waqt li tidħol fis-seħħ. Bla ħsara għall-paragrafu 3 ta' l-Artikolu XII, kull waħda minn dawn il-miżuri għandha tibqa' torbot lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti, sakemm ittemm jew tiġi mibdula b'miżura li tkun saret torbot skond l-Artikolu XI ta' din il-Konvenzjoni, sakemm l-ebda bdil ma għandu jsir qabel ma din il-Konvenzjoni tkun ilha li daħlet fis-seħħ għal sena. Artikolu XXIV 1. Kull Parti Kontraenti tista' tirtira mill-Konvenzjoni fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena billi tagħti avviż fit-30 ta' Ġunju jew qabel din id-data lid-Depożitarju, li għandu jikkomunika kopji ta' dan l-avviż lill-Partijiet Kontraenti. 2. Kull Parti Kontraenti oħra tista', għal daqshekk, tirtira mill-Konvenzjoni fl-istess 31 ta' Diċembru billi tagħti lid-Depożitarju fi żmien xahar mill-irċevuta kopja ta' l-avviż ta' l-irtirar mogħti skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Artikolu XXV 1. Il-kopja oriġinali tal-Konvenzjoni għandu jiġi depożitat għand il-Gvern tal-Kanada, li għandu jikkomunika kopji attestati tagħhom lill-Firmatarji kollha u lill-Partijiet kollha li jkunu sejrin jissieħbu. 2. Id-Depożitarju għandu jirreġistra l-Konvenzjoni mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti. B'xiehda ta' dan, dawn hawn taħt iffirmati, awtorizzati kif mistħoqq, iffirmaw din il-Konvenzjoni. Magħmulha f'Ottawa, f'dan il-24 jum ta' Ottubru 1978, f'oriġinali waħda, fl-ilsien Ingliż u Franċiż, b'kull test awtentiku indaqs, -------------------------------------------------- L-ANNESS I MAL-KONVENZJONI Il-lista ta' l-ispeċi biex jiġu stabbiliti l-qabdiet nominali tal-ħut li jridu jiġu wżati fil-kalkolu ta' l-estimi finanzarji annwali skond l-Artikolu XVI Il-Merluzz ta' l-Atlantiku … | Gadus morrhua | Il-Bakkaljaw żgħir … | Melanogrammus aeglefinus | Ir-'redfish ta' l-Atlantiku … | Sebastes marinus | Il-Marlozz fiddien … | Merluccius bilinearis | Il-Marlozz aħmar … | Urophycis chuss | Il-Pollakkju … | Pollachius virens | Il-Barbun tat-tbajja' Amerikan … | Hippoglossoides platessoides | Il-Barbun tal-għajnejn imbiegħda saħħar … | Glyptocephalus cynoglossus | Il-Barbun tal-għajnejn imbiegħda ta' denbu isfar … | Limanda ferruginea | L-Alibatt tal-Grenlandja … | Reinhardtius hippoglossoides | Il-Grenadier ta' mneħirha tond … | Macrourus rupestris | L-Aringi ta' l-Atlantiku … | Clupea harengus | Il-Kavalli ta' l-Atlantiku … | Scomber scombrus | Il-Budakkra tal-għajn ta' l-Atlantiku … | Peprilus triacanthus | L-Aringi tax-xmajjar ("alewife") … | Alosa pseudoharengus | L-Arġentina ta' l-Atlantiku … | Argentina silus | Il-Kapelin … | Mallotus villosus | Il-Klamar ta' denbu twil … | Loligo pealei | Il-Klamar ta' denbu qasir… | Illex illecebrosus | Il-Gambli … | Pandalus sp. | -------------------------------------------------- L-ANNESS II MAL-KONVENZJONI L-arranġamenti finanzjarji transitorji 1. Parti Kontraenti li kienet ukoll Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni Internazzjonali tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral matul is-sena 1979 kollha ma għandhiex tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' l-Organizzazzjoni għal matul din is-sena. Il-Partijiet Kontraenti l-oħra li jkunu depożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jew li jkunu sieħbu fil-Konvenzjoni qabel il-31 ta' Diċembru 1979 għandhom jikkontribwixxu l-ammont indikat fl-Appendiċi ta' ma’ hawn. Il-kontribuzzjoni ta' kull Parti Kontraenti mhux inkluża fl-Appendiċi għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill Ġenerali. 2. Il-kontribuzzjonijiet mistħoqqa skond il-paragrafu 1 għandhom jitħallsu minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti malajr kemm jista’ jkun wara l-1 ta' Jannar 1979 jew wara li jissieħbu fil-Konvenzjoni, liema waħda minnhom tiġi l-aħħar. -------------------------------------------------- L-ANNESS III MAL-KONVENZJONI Is-sub-żoni, it-taqsimiet u s-sub-taqsimiet xjentifiċi u statistiċi Is-sub-żoni, it-taqsimiet u s-sub-taqsimiet xjentifiċi u statistiċi provvduti fl-Artikolu XX ta' din il-Konvenzjoni għandhom ikunu kif ġej: 1. (a) Is-sub-żona Dak il-porzjon tal-żona tal-Konvenzjoni li jiġi fit-tramuntana tal-linja tal-latitudni 61° 00' N; imdawwar fil-lvant b'linja li testendi lejn it-tramuntana minn punt tal-latitudni 61° 00' N u l-lonġitudni 59° 00' W sal-linja parallela tal-latitudni 69° 00' N, minn hemm f'direzzjoni lejn il-majjistral matul linja ta' rombu sal-punt tal-latitudni 75° 00' N u tal-lonġitudni 73° 30' W u minn hemm lejn it-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 78° 10' N; u mdawwar fuq in-naħa tal-punent b'linja li tibda mill-latutudni 61° 00' N u l-lonġitudni 65° 00' W u jestendi f'direzzjoni lejn il-grigal matul linja tar-rombu sal-kosta tal-Gżira Baffin fl-Irdum tal-Lvant (East Bluff) (latitudni 61° 55' N u lonġitudni 66° 20' W), u minn hemm fid-direzzjoni lejn it-tramuntana matul il-kosta tal-Gżira Baffin, il-Gżira Bylot, il-Gżira Devon u l-Gżira Ellesmere u jsegwi l-meridjan tal-loġitudni 80° W fl-ibħra bejn dawn il-gżejjer u l-parallel tal-latitudni 78° 10' N. 1. (b) Is-Sub-żona 0 hija komposta minn żewġ taqsimiet: It-Taqsima 0A Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fit-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 66° 15' N; It-Taqsima 0B Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 65° 15' N. 2. (a) Is-Sub-żona 1 Dak il-porzjon tal-żona tal-Konvenzjoni li jiġi lejn il-lvant tas-sub-żona 0 u lejn it-tramuntana u l-lvant ta' linja ta' rombu li tgħaqqad ponta fil-latitudni 61° 00' N u l-lonġitudni 59° 00' W ma' ponta fil-latitudni 52° 15' N u l-lonġitudni 42° 00' W. 2. (b) Is-sub-żona 1 hija komposta minn sitt taqsimiet: It-Taqsima 1A Dak il-porzjoni tas-sub-żona li jiġi fit-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 68° 50' N (Christianshaab); It-Taqsima 1B Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-parallel tal-latitudni 66° 15' N (ħames mili nawtiċi fit-tramuntana ta' Umanarsugssuak) u l-parallel tal-latitudni 68° 50' N (Christianshaab); It-Taqsima 1C Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-parallel tal-latitudni 64° 15' N (erba' mili nawtiċi fit-tramuntana ta' Godthaab) u l-parallel tal-latitudni 66° 15' N (ħames mili nawtiċi fit-tramuntana ta' Umanarsugssuak); It-Taqsima 1D Dak il-prozjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-parallel tal-latitudni 62° 30' N (il-Glaċjiera Frederikshaab) u l-parallel tal-latitudni 64° 15' N (erba' mili nawtiċi fit-tramuntana ta' Godthaab); It-Taqsima 1E Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-parallel tal-latitudni 60° 45' N (Kap Deżolazzjoni) u l-parallel tal-latitudni 62° 30' N (il-Glaċjiera Frederikshaab); It-Taqsima 1F Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 60° 45' N (Kap Deżolazzjoni). 3. (a) Is-Sub-żona 2 Dak il-porzjon tal-żona tal-Konvenzjoni li jiġi lejn il-lvant tal-meridjan tal-lonġitudni 64° 30' W fil-firxa baħar ta' l-Istrett ta' Hudson, lejn in-nofs in-nhar tas-Sub-żona 0, lejn in-nofs in-nhar u l-punent tas-Sub-żona 1 u lejn it-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 52° 15' N. 3. (b) Is-Sub-żona 2 fiha tliet taqsimiet: It-Taqsima 2G Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fit-tramuntana tal-parallel tal-latutudni 57° 40' N (Kap Mugford); It-Taqsima 2H Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-parallel tal-latitudni 55° 20' N (Hopedale) u l-parallel tal-latitudni 57° 40' N (Kap Mugford); It-Taqsima 2J Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn in-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 55° 20' N (Hopedale). 4. (a) Is-Sub-żona 3 Dak il-porzjon taz-żona tal-Konvenzjoni li qiegħed fin-nofsinhar tal-parallel tal-latitudni 52° 15' N; u lejn il-lvant ta' linja li testendi lejn it-tramuntana minn Kap Bauld fuq il-kosta tat-tramuntana ta' Newfoundland sal-latitudni 52° 15' N; lejn it-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 39° 00' N; u lejn il-lvant u t-tramuntana ta' linja ta' rombu li tibda mil-latitudni 39° 00' N, lonġitudni 50° 00' W u li testendi fid-direzzjoni lejn il-majjistral biex tgħaddi minn ġo ponta fil-latitudni 43° 30' N, lonġitudni 55° 00' W fid-direzzjoni lejn ponta fil-latitudni 47° 50' N, lonġitudni 60° 00' W sakemm taqsam linja dritta li tgħaqqad lil Kap Ray, fuq il-kosta ta' Newfoundland, mal-Kap Nord fuq il-Gżira Cape Breton; minn hemm f'direzzjoni lejn il-grigal matul il-linja msemmija sal-Kap Ray. 4. (b) Is-Sub-żona 3 fija sitt taqsimiet: It-Taqsima 3K Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fit-tramuntana tal-parallel tal-latutudni 49° 15' N (Kap Freels, fi Newfoundland); It-Taqsima 3L Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-kosta ta' Newfoundland minn Kap Freels sa Kap Sta Marija u linja deskritta kif ġej: Tibda minn Kap Freels, imbagħad lejn il-lvant sal-meridjan tal-lonġitudni 46° 30' W, minn hemm lejn in-nofs in-nhar sal-parallel tal-latitudni 46° 00' N, imbagħad lejn il-punent sal-meridjan tal-lonġitudni 54° 30' W, u minn hemm matul linja ta' rombu sal-Kap Sta Marija, fi Newfoundland; It-Taqsima 3M Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 49° 15' N u fil-lvant tal-meridjan tal-lonġitudni 46° 30' W; It-Taqsima 3N Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 46° 00' N u bejn il-meridjan tal-lonġitudni 46° 30' W u l-meridjan tal-lonġitudni 51° 00' W; It-Taqsima 3 O Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 46° 00' N u bejn il-meridjan tal-lonġitudni 51° 00' W u l-meridjan tal-lonġitudni 54° 30' W; It-Taqsima 3P Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fin-nofs in-nhar tal-kosta ta' Newfoundland u fil-punent ta' linja minn Kap Sta Marija, fi Newfoundland, sa ponta fil-latitudni 46° 00' N u l-lonġitudni 54° 30' W, u minn hemm lejn in-nofs in-nhar sa tarf is-sub-żona; It-Taqsima 3P hija maqsuma f'żewġ sotto-taqsimiet: 3Pn - Is-Sub-taqsima tal-Majjistral Dak il-porzjon tat-Taqsima 3P li qiegħda fil-majjistral ta' linja li testendi mill-Gżira Burgeo, fi Newfoundland, bejn wieħed u ieħor fil-lbiċ ta' ponta fil-latitudni 46° 50' N u l-lonġitudni 58° 50' W; 3Ps - Is-Sub-taqsima tax-Xlokk Dak il-porzjon tat-Taqsima 3P li qiegħed fix-xlokk tal-linja ddefinita għas-Sub-taqsima 3Pn. 5. (a) Is-Sub-żona 4 Dak il-porzjon taż-żona tal-Kovenzjoni li jiġi fit-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 39° 00' N, lejn il-punent tas-Sub-żona 3, u lejn il-lvant ta' linja deskritta kif ġej: Tibda fit-tarf tal-fruntiera internazzjonali bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Kanada fil-Fliegu Gran Manan, f'ponta fil-latitudni 44° 46' 35° 346″ N; lonġitudni 66° 54' 11° 253″ W; minn hawn lejn in-nofs-inhar sal-parallel tal-latitudni 43° 50' N; minn hawn lejn il-puntent sal-meridjan tal-lonġitudni 67° 40' W; imbagħad lejn in-nofs-in-nhar sal-parallel tal-latitudni 42° 20' N; minn hawn lejn il-lvant sa ponta fil-lonġitudni 66° 00' W; minn hawn matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn ix-xlokk sa ponta fil-latitudni 42° 00' N u l-lonġitudni 65° 40' W; u minn hawn lejn in-nofs in-nhar sal-parallel tal-latitudni 39° 00' N. 5. (b) Is-Sub-żona 4 tinqasam f'sitt taqsimiet: It-Taqsima 4R Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-kosta ta' Newfoundland minn Kap Bauld sa Kap Ray u linja desktitta kif ġej: Tibda minn Kap Bauld, minn hawn lejn it-tramuntana sal-parallel tal-latitudni 52° 15' N, minn hawn lejn il-punent sal-kosta tal-Labrador, imbagħad matul il-kosta tal-Labrador sa' tarf il-fruntiera bejn il-Labrador u l-Quebec, minn hawn matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn il-lbiċ sa ponta fil-latutudni 49° 25' N, lonġitudni 60° 00' W, imbagħad lejn in-nofs in-nhar sa ponta fil-latitudni 47° 50' N, lonġitudni 60° 00' W, imbagħad matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn ix-xlokk sal-ponta fejn il-limitu tas-Sub-żona 3 taqsam il-linja dritta li tgħaqqad il-Kap Nord, fin-Nova Scotia mal-Kap Ray fi Newfoundland, imbagħad sal-Kap Ray fi Newfoundland; It-Taqsima 4S Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-kosta tan-nofs in-nhar tal-provinċja tal-Quebec mit-tarf tal-fruntiera bejn il-Labrador u l-Kanada sa Pte. des Monts u linja deskritta kif ġej: Tibda minn Pte. des Monts, minn hemm lejn il-lvant sa ponta fil-latitudni 49° 25' N, lonġitudni 64° 40' W, minn hemm matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn ix-xlokk sa ponta fil-latitudni 47° 50' N, lonġitudni 60° 00' W, imbagħad lejn it-tramuntana sa ponta fil-latitudni 49° 25' N, lonġitudni 60° 00' W, u minn hawn matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn il-grigal sat-tarf tal-fruntiera bejn il-Labrador u l-Quebec; It-Taqsima 4T Dak il-prozjon tas-sub-żona bejn il kosta ta' Nova Scotia, dik ta' New Brunswick, u dik tal-Quebec mill-Kap Nord sa Pte. des Monts u linja deskritta kif ġej: Tibda minn Pte. des Monts, imbagħad lejn il-lvant sa ponta fil-latitudni 49° 25' N, lonġitudni 64° 40' W, minn hawn matul linja ta' romblu fid-direzzjoni lejn ix-xlokk sa ponta fil-latitudni 47° 50' N, lonġitudni 60° 00' W, u minn hawn matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn in-nofs in-nhar sa Kap Nord, fin-Nova Scotia; It-Taqsima 4V Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-kosta tan-Nova Scotia bejn il-Kap Nord u Fourchu u linja deskritta kif ġej: Tibda f'Fourchu, imbagħad matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn il-lvant sa ponta fil-latitudni 45° 40' N, lonġitudni 60° 00' W, imbagħad lejn in-nofsinhar matul il-meridjan tal-lonġitudni 60° 00' W, sal-parallel tal-latitudni 44° 10' N, minn hawn lejn il-lvant sal-meridjan tal-lonġitudni 59° 00' W, minn hawn lejn in-nofsinhar sal-parallel tal-latitudni 39° 00' N, imbagħad lejn il-lvant sal-ponta fejn il-limiti fejn is-Sub-żoni 3 u 4 jiltaqgħu mal-prallel tal-latitudni 39° 00' N, imbagħad matul il-limiti tas-Sub-żonit 3 u 4 u linja li tissokta fid-direzzjoni lejn il-majjistral sa ponta fil-latitudni 47° 50' N, lonġitudni 60° 00' W, u minn hemm matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn in-nofs in-nhar sa Kap Nord fin-Nova Scotia; It-Taqsima 4V hija maqsuma f'żewġ sub-taqsimiet: 4Vn - Is-Sub-taqsima tat-Tramuntana Dak il-porzjon tat-Taqsima 4V li jinsab fit-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 45° 40' N; 4Vs - Is-Sub-taqsima tan-Nofsinhar Dak il-porzjon tat-Taqsima 4V li jinsab fin-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 45° 40' N; It-Taqsima 4W Dak il-porzjon tas-sub-żona li tinsab bejn il-kosta tan-Nova Scotia bejn Halifax u Fourchu u linja deskritta kif ġej:Tibda f'Fourchu, minn hawn matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn il-lvant sa ponta fil-latitudni 45° 40' N, lonġitudni 60° 00' W, minn hawn lejn in-nofs in-nhar matul il-meridjan tal-lonġitudni 60° 00' W sal-parallel tal-latitudni 44° 10' N, imbagħad lejn il-lvant sal-meridjan tal-lonġitudni 59° 00' W, minn hawn lejn in-nofs in-nhar sal-parallel tal-latitudni 39° 00 N, imbagħad lejn il-punenti sal-meridjan tal-lonġitudni 63° 20' W, minn hawn lejn it-tramuntana sa ponta fuq dan il-meridjan tal-lonġitudni 44° 20' N, u mbagħad matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn il-grigal sa Halifax fin-Nova Scotia; It-Taqsima 4X Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi bejn il-limiti tas-Sub-żona 4 u l-kosta ta' New Brunswick u dik tan-Nova Scotia mit-tarf tal-limiti ta' New Brunswick u tal-Maine sa Halifax, u linja deskritta kif ġej: Tibda minn Halifax, minn hemm matul linja ta' rombu fid-direzzjoni lejn ix-xlokk sa ponta fil-latitudni 44° 20' N, lonġitudni 63° 20' W, minn hemm lejn in-nofs in-nhar sal-parellel tal-latitudni 39° 00' N, u imbagħad lejn il-punent sal-meridjan tal-lonġitudni 65° 40' W. 6. (a) Is-Sub-żona 5 Dak il-porzjon taż-żona tal-Konvenzjoni li jiġi fil-punent tal-limiti tal-punent tas-Sub-żona 4, lejn it-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 39° 00' N, u lejn il-lvant tal-meridjan tal-lonġitudni 71° 40' W. 6. (b) Is-Sub-żona 5 hija komposta minn żewġ taqsimiet: It-Taqsima 5Y Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi ben il-kosta tal-Maine, dik ta' New Hampshire u dik tal-Massachusetts mill-linja bejn il-Maine u n-New Brunswick sal-lonġitudni 70° 00' W fuq Kap Cod (bejn wieħed u ieħor fil-latitudni 42° 00' N) u linja deskritta kif ġej: Tibda minn ponta fuq Kap Cod fil-lonġitudni 70° 00' W (bejn wieħed u ieħor fil-latitudni 42° 00' N), imbagħad lejn it-tramuntana sal-latitudni 42° 20' N, imbagħad lejn il-lvant sal-lonġitudni 67° 40' W mal-limiti tas-Sub-żoni 4 u 5, u minn hawn matul dawn il-limiti sal-fruntiera bejn il-Kanada u l-Istati Uniti; It-Taqsima 5Z Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn in-nofs in-nhar u l-lvant tat-Taqsima 5Y. It-Taqsima 5Z hija maqsuma f'żewġ porzjonijiet:porzjon fil-lvant u ieħor fil-punent kif ġej: 5Ze - Il-porzjon tal-lvant Dak il-porzjon tat-Taqsima 5Z li qiegħed fil-lvant tal-meridjan tal-lonġitudni 70° 00' W; 5Zw - Il-porzjon tal-punent Dak il-porzjoni tat-Taqsima 5Z li qiegħed fil-punent tal-meridjan tal-lonġitudni 70° 00' W; 7. (a) Is-Sub-żona 6 Dik il-parti taż-żona tal-Konvenzjoni mdawra b'linja li tibda fil-ponta fuq il-kosta tal-Gżira Rhode fil-lonġitudni 71° 40' W; minn hemm lejn n-nofsinhar sal-latitudni 39° 00' N; imbagħad lejn il-lvant sal-lonġitudni 42° 00' W; imbagħad lejn in-nofs in-nhar sal-latitudni 35° 00' N; imbagħad lejn il-punent sal-kosta ta' l-Amerika ta' Fuq sal-ponta tal-Gżira Rhode fil-lonġitudni 71° 40' W. 7. (b) Is-Sub-żona 6 hija magħmula minn tmien taqsimiet: It-Taqsima 6A Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn it-tramuntana tal-parallel tal-latitudni 39° 00' N u lejn il-punent tas-Sub-żona 5; It-Taqsima 6B Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fil-punent tal-lonġitudni 70° 00 W, u fin-nofsinhar tal-latitudni 39° 00' N, u lejn it-tramuntana u l-punent ta' linja li tgħaddi lejn il-punent matul il-parallel tal-latitudni 37° 00' N sal-lonġitudni 76° 00' W u minn hawn lejn in-nofs in-nhar sa Kap Henry, fil-Virginia; It-Taqsima 6C Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn il-punent tal-lonġitudni 70° 00' W u lejn in-nofs in-nhar tal-parallel tal-latitudni 35° 00 N; It-Taqsima 6D Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn il-lvant tat-Taqsimiet 6B u 6C u lejn il-punent tal-lonġitudni 65° 00' W; It-Taqsima 6E Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fil-lvant tat-Taqsima 6D lejn il-punent tal-lonġitudni 60° 00' W; It-Taqsima 6F Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi fil-lvant tat-Taqsima 6E u lejn il-punent tal-lonġitudni 55° 00' W; It-Taqsima 6G Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn il-lvant tat-Taqsima 6F u lejn il-punent tal-lonġitudni 50° 00' W; It-Taqsima 6H Dak il-porzjon tas-sub-żona li jiġi lejn il-lonġitudni. --------------------------------------------------