7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/39 |
Artikolu 43
1. Il-missjonijiet previsti fl-Artikolu 42, li matulhom l-Unjoni tista' tuża mezzi ċivili u militari, għandhom jinkludu operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, missjonijiet ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza fi kwistjonijiet militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, missjonijiet ta' forzi ta' kumbattiment fl-immaniġġar ta' kriżijiet, inklużi l-missjonijiet għall-istabbiliment tal-paċi u għall-istabbilizzazzjoni wara l-konflitti. Dawn il-missjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom.
2. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet relatati mal-missjonijiet previsti fil-paragrafu 1, li jiddefinixxu l-objettivi u l-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill u f'kuntatt mill-qrib u kostanti mal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, għandu jassigura l-koordinazzjoni ta' l-aspetti ċivili u militari ta' dawn il-missjonijiet.