7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/32 |
Artikolu 28
(ex Artikolu 14 TUE)
1. Meta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa. Huma għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, l-ambitu, il-meżżi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni, jekk meħtieġ it-tul ta' żmien tagħhom, u l-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom.
Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li jkollha effett sostanzjali fuq kwistjoni suġġetta għal deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jirrieżamina l-prinċipji u l-għanijiet ta' dik id-deċiżjoni u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
2. Id-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jikkommettu lill-Istati Membri fil-pożizzjonijiet li jadottaw u fit-tmexxija ta' l-attività tagħhom.
3. Kull meta jkun hemm pjan sabiex tiġi adottata pożizzjoni nazzjonali jew sabiex tittieħed azzjoni nazzjonali fuq deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1, l-informazzjoni mill-Istati Membru konċernat għandha tingħata fi żmien li jippermetti, jekk ikun hemm bżonn konsultazzjoni minn qabel fi ħdan il-Kunsill. L-obbligu li tingħata informazzjoni bil-quddiem m’għandux japplika għal miżuri li huma sempliċement traspożizzjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.
4. F'każijiet ta' bzonnijiet imperattivi li joriġinaw minn tibdil fis-sitwazzjoni u fin-nuqqas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa bħala materja ta' urġenza wara li jikkunsidraw l-għanijiet ġenerali tad-deċiżjoni msemmija. L-Istati Membri involuti għandhom jinformaw lill-Kunsill immedjatament dwar miżuri bħal dawn.
5. Jekk jinħolqu diffikultajiet maġġuri fl-implimentazzjoni ta' deċiżjoni prevista f'dan l-Artikolu, Stat Membru għandu jirriferihom lill-Kunsill li għandu jiddiskutihom u jfittex soluzzjonijiet xierqa. Dawn is-soluzzjonijiet ma għandhomx imorru kontra l-għanijiet tad-deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1 jew ifixklu l-effettività tagħha.