MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/298


PROTOKOLL (Nru 22)

DWAR IL-POŻIZZJONI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JFAKKRU id-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew f’Edinburgu fit-12 ta’ Diċembru 1992, rigward ċerti problemi mqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI NNOTTAW il-pożizzjoni tad-Danimarka f’dak li jirrigwarda iċ-Cittadinanza, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Politika tad-Difiża u l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Edinburgu,

KONXJI mill-fatt li l-kontinwazzjoni taħt it-Trattati tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta' Edinburgu ser tillimita b'mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f'oqsma importanti ta' koperazzjoni ta' l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta' l-Unjoni li tiġi assigurata l-integrità ta' l-acquis fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

XEWQANA għaldaqstant li jistabbilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibbiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta' miżuri proposti msejsa fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha,

FILWAQT LI JINNUTAW li d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward ta' miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka,

WAQT LI JIKKONSIDRAW l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen imdaħħal fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta' ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta' kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m'għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b'xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b' xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta' l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B'mod partikolari, atti ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li huma emendati għandhom ikomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.

Artikolu 2a

L-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw data ta' tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat.

Artikolu 3

Id-Danimarka m’għanda terfa' l-ebda konsegwenza finanzjarja tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, barra l-ispejjeż amministrattivi konnessi ma' l-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

1.   Id-Danimarka għandha tiddeċiedi f' perjodu ta’ 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda fuq proposta jew inizjattiva li jiżviluppa fuq l-Acquis ta’ Schengen u li joħorġu minn din il-Parti, jekk timplimentax din il-miżura fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din il-miżura toħloq obbligu skond il-ligi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra marbuta b'din il-miżura.

2.   Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax xi deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri marbuta b'din il-miżura u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

PARTI II

Artikolu 5

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri adottati mill-Kunsill fil-qasam ta' l-Artikolu 26(1), ta' l-Artikolu 42 u ta' l-Artikoli 43 sa 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Għalhekk id-Danimarka m’għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jiżviluppaw iżjed il-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam. Id-Danimarka m’għandhiex tkun obbligata tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispiża operattiva li toriġina minn dawk il-miżuri, u lanqas li tpoġġi kapaċitajiet militari għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PARTI III

Artikolu 6

L-Artikoli 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għal miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom visa meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ format uniformi għall-visi.

PARTI IV

Artikolu 7

Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinforma lill-Istati Membri l-oħra li hi ma tkunx tixtieq aktar tagħmel użu minn dan il-Protokoll kollu jew parti minnu. F’dak il-każ, id-Danimarka għandha tapplika għal kollox il-miżuri kollha relevanti li f’dak iż-żmien ikunu fis-seħħ fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

1.   Fi kwalunkwe ħin u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, id-Danimarka tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li b'effett mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara n-notifika, l-Parti I għandha tkun komposta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. F'dan il-każ u b'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 5 sa 8 għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid.

2.   Sitt xhur wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ in-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-acquis kollu ta' Schengen kif ukoll il-miżuri adottati sabiex jiġi żviluppat fuq dan l-acquis, li sa dak iż-żmien kienu jorbtu lid-Danimarka bħala obbligi taħt id-dritt internazzjonali, għandhom jorbtu lid-Danimarka bħala dritt ta' l-Unjoni.


ANNESS

Artikolu 1

Suġġett għall-Artikolu 3, id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Skond l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 8, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda waħda mill-miżuri adottati mill-Unjoni f'applikazzjoni ta' l-imsemmi Titolu u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet jew miżuri, ma għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot l-acquis communautaire jew dak ta' l-Unjoni u m' għandiex tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif japplika għad-Danimarka.

Artikolu 3

1.   Id-Danimarka tista' tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet preżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali miżura proposta, u minn dak il-ħin id-Danimarka jkollha d-dritt li tagħmel hekk.

2.   Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tad-Danimarka, il-Kunsill jista' jadotta l-miżura prevista fil-paragrafu 1 skond l-Artikolu 1, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-Danimarka. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Wara l-adozzjoni ta' miżura b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka tista' tinnotifika f'kull ħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li taċċetta l-miżura msemmija. F'dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) ta' l-imsemmi Trattat għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw għad-Danimarka anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha tkun marbuta.

2.   Madankollu, f'każijiet fejn il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina li n-non-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-verżjoni emendata ta' miżura eżistenti tagħmel mod li l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tkun inprattikabbli għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni, huwa jista' jħeġġiġha tagħmel notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, perijodu ulterjuri ta' xahrejn jibda jgħodd mid-data ta' tali determinazzjoni mill-Kunsill.

Jekk, ma' l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn mid-determinazzjoni tal-Kunsill, id-Danimarka ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-miżura eżistenti ma tibqax torbot jew tkun applikabbli għaliha, sakemm ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 4 qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja. Dan għandu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja jew ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' xahrejn, skond liema tkun l-aktar tard.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu, wara diskussjoni sħiħa tal-kwistjoni, jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tal-miżura emendatorja. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddetermina li d-Danimarka għandha tkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħha fil-miżura eżistenti.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4.

Artikolu 6

1.   Notifika skond l-Artikolu 4 għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni finali ta' miżura jekk din il-miżura tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Fil-każ li d-Danimarka ma tippreżentax notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4 dwar miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri marbuta minnha u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2.   Notifika skond l-Artikoli 3 fir-rigward ta' miżuri li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi kkunsidrata irrevokabbilment bħala notifika skond l-Artikolu 3 fir-rigward ta' kwalunkwe proposta jew inizjattiva ulterjuri li timmira sabiex tibni fuq dik il-miżura, dment li tali proposta jew inizjattiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 7

Id-Danimarka m'għandhiex tkun marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trattament ta' data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat, meta d-Danimarka ma tkunx marbuta b'regoli ta' l-Unjoni li jirregolaw forom ta' koperazzjoni ġudizzjarja fil-kamp kriminali jew ta' koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tiegħu għandhom jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 8

Fejn, fil-każijiet imsemmija f'din il-Parti, id-Danimarka tkun marbuta b'miżura adottata mill-Kunsill b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati għandhom japplikaw għad-Danimarka għal dak li jikkonċerna l-miżura in kwistjoni.

Artikolu 9

Fejn id-Danimarka ma tkunx marbuta b'miżura adottata skond il-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, din m'għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjari ta' dik il-miżura ħlief għall-ispejjeż amministrattivi li jġarrbu l-istituzzjonijiet sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor, bl-unanimita' tal-membri kollha tiegħu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.