MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/279


PROTOKOLL (Nru 12)

DWAR IL-PROĊEDURA TA' DEFIĊIT EĊĊESSIV

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

XEWQANA li jistabbilixxu d-dettalji dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv imsemmija fl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-valuri ta' referenza msemmija fl-Artikolu 126(2) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea huma:

3 % għall-proporzjon ta' defiċit ippjanat jew attwali tal-gvern mal-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq;

60 % għall-proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 126 tat-Trattat imsemmi u f'dan il-Protokoll:

gvern ifisser il-gvern in ġenerali, jiġifieri l-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali u l-fondi ta' serviżżi soċjali, ħlief għall-attivitajiet kummerċjali, kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

defiċit ifisser is-self nett kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

investiment ifisser il-formazzjoni grossa ta' kapital fiss kif definita fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

dejn ifisser dejn gross totali f'valur nominali rimanenti fl-aħħar tas-sena u konsolidat bejn u fis-setturi tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż.

Artikolu 3

Biex jiżguraw l-effettività tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri jkunu responsabbli taħt din il-proċedura għal kull defiċit tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam ta' l-estimi jirrenduhom kapaċi li jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward kif jirriżultaw mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-pront u regolarment lill-Kummissjoni dwar kull defiċit ippjanat u attwali u l-livell ta' dejn tagħhom.

Artikolu 4

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun mogħtija mill-Kummissjoni.