7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/355


53.   Dikjarazzjoni tar-Repubblika Ċeka dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

1.

Ir-Repubblika Ċeka tfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea huma indirizzati lill-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, kif affermat mill-ġdid fid-Dikjarazzjoni (nru 18) fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta huma jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, u mhux meta jkunu qed jadottaw jew jimplimentaw liġi nazzjonali indipendentement mil-liġi ta' l-Unjoni.

2.

Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza wkoll li l-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni u ma toħloq l-ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni. Hija ma tnaqqasx il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u ma tirrestrinġi l-ebda kompetenza attwali ta' l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam.

3.

Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, safejn il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet u l-prinċipji għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet.

4.

Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza wkoll li xejn f'din il-Karta ma jista' jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi jew li jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni u minn ftehim internazzjonali li fih l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-Kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.