7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/143 |
Artikolu 214
1. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba sabiex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal popolazzjonijiet f'pajjiżi terzi li jkunu vittma ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u sabiex jipproteġuhom, sabiex jaffrontaw il-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.
2. L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u n-non diskriminazzjoni.
3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih għandhom jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni.
4. L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.
5. Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament ta' dan il-korp.
6. Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex issaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarità tal-miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.
7. L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha jkunu koordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.