28.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 400/1


Rettifika tal-verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 202 tas-7 ta' Ġunju 2016 )

(2016/C 400/01)

1.

Fil-paġna 2 tal-paġni ta' quddiem, l-avviż lill-qarrej huwa sostitwit mit-test li ġej:

“AVVIŻ LILL-QARREJ

Din il-pubblikazzjoni fiha l-verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll il-Protokolli u l-Annessi tagħhom hekk kif jirriżultaw wara l-modifiki li saru permezz tat-Trattat ta' Lisbona li ġie ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007 f'Lisbona u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Din il-pubblikazzjoni fiha wkoll id-Dikjarazzjonijiet annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona.

Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni fiha l-emenda introdotta permezz tal-Protokoll li jemenda l-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-emenda introdotta permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Awwissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu, kif ukoll l-emendi introdotti permezz tad-Deċiżjonijiet 2010/718/UE u 2012/419/UE tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2010 u tal-11 ta’ Lulju 2012 li jemendaw rispettivament l-istatus fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy u tal-Majott. Addizzjonalment, din il-pubblikazzjoni tinkorpora ż-żieda tal-paragrafu 3 fl-Artikolu 136 tat-TFUE, introdott permezz tad-Deċiżjoni 2011/199/UE tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala konsegwenza tat-tlestija tal-proċeduri ta' ratifika mill-Istati Membri. Din il-pubblikazzjoni fiha wkoll l-emendi introdotti permezz tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, kif ukoll il-Protokoll dwar it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona li ġie ratifikat mill-Istati Membri u l-emendi introdotti permezz tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Din il-pubblikazzjoni tinkorpora wkoll ir-rettifiki li ġew approvati sal-aħħar ta' Marzu 2016.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, proklamata fi Strasburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1). Dan it-test jirriproduċi, b’adattamenti, il-Karta proklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000, u jissostitwixxiha mill-1 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta proklamata fl-2007 għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxi strument ta' dokumentazzjoni li għalih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma jassumu l-ebda responsabbiltà.”

2.

Fil-paġna 9, fil-Werrej, wara t-titolu tal-Protokoll Nru 37 jiżdied it-titolu tal-Protokoll li ġej:

“Protokoll (Nru 38)

dwar it-tħassib tal-poplu irlandiż dwar it-trattat ta’ Lisbona 328

3.

fil-paġna 328 jiżdied il-Protokoll li ġej:

“PROTOKOLL (Nru 38)

DWAR IT-TĦASSIB TAL-POPLU IRLANDIŻ DWAR IT-TRATTAT TA’ LISBONA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU fid-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, dwar it-tħassib tal-poplu Irlandiż dwar it-Trattat ta’ Lisbona;

FILWAQT LI JFAKKRU fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew, fit-18 u d- 19 ta’ Ġunju 2009 li, waqt il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni li jmiss, jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ta’ dik id- Deċiżjoni fi Protokoll li jinhemeż, f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JINNOTAW l-iffirmar mill-Partijiet Kontraenti Għolja tat-Trattat bejn il-Partijiet Kontraenti Għolja u r- Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea;

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

TITOLU I

ID-DRITT GĦALL-ĦAJJA, IL-FAMILJA U L-EDUKAZZJONI

Artikolu 1

Xejn fit-Trattat ta’ Lisbona li jattribwixxi status legali lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew fid-dispożizzjonijiet ta’ dak it-Trattat fl-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ma jaffettwa bi kwalunkwe mod l-ambitu u l- applikabbiltà tal-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja fl-Artikolu 40.3.1, 40.3.2 u 40.3.3, il-protezzjoni tal-familja fl-Artikolu 41 u l-protezzjoni tad-drittijiet fir-rigward tal-edukazzjoni fl-Artikoli 42 u 44.2.4 u 44.2.5 previsti mill-Kostituzzjoni tal- Irlanda.

TITOLU II

TASSAZZJONI

Artikolu 2

Xejn fit-Trattat ta’ Lisbona ma jibdel bi kwalunkwe mod, għal kwalunkwe Stat Membru, il-firxa jew l-operat tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tassazzjoni.

TITOLU III

SIGURTÀ U DIFIŻA

Artikolu 3

L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali hija ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni hija parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni u tipprovdi lill- Unjoni b’kapaċità operattiva li twettaq missjonijiet barra mill- Unjoni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t- tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-prinċipji tal- Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Hija ma tippreġudikax il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ kull Stat Membru, inkluża l-Irlanda, jew l-obbligi ta’ kwalunkwe Stat Membru.

It-Trattat ta’ Lisbona la jaffettwa u lanqas jippreġudika l-politika tradizzjonali Irlandiża ta’ newtralità militari.

Ser ikun għall-Istati Membri - inkluża l-Irlanda, li taġixxi fi spirtu ta’ solidarjetà u mingħajr preġudizzju għall-politika tradizzjonali tagħha ta’ newtralità militari - li jiddeterminaw in-natura tal-għajnuna jew assistenza li għandha tiġi pprovduta lil Stat Membru li jkun l-oġġett ta’ attakk terroristiku jew il- vittma ta’ aggressjoni armata fit-territorju tiegħu.

Kwalunkwe deċiżjoni lejn difiża komuni ser teħtieġ deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew. Ser ikun għall-Istati Membri, inkluża l-Irlanda, li jiddeċiedu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona u mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, jekk jadottawx difiża komuni jew le.

Xejn f’dan it-Titolu ma jaffettwa jew jippreġudika l-pożizzjoni jew il-politika ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor dwar is-sigurtà u d-difiża.

Huwa wkoll għal kull Stat Membru li jiddeċiedi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona u ma’ kwalunkwe rekwiżit legali domestiku, jekk jipparteċipax f’kooperazzjoni strutturata permanenti jew fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

It-Trattat ta’ Lisbona ma jipprevedix il-ħolqien ta’ armata Ewropea jew lieva għal kwalunkwe formazzjoni militari.

Huwa ma jaffettwax id-dritt tal-Irlanda jew ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor li jiddetermina n-natura u l-volum tan-nefqa tiegħu għad-difiża u s-sigurtà u n-natura tal-kapaċitajiet ta’ difiża tiegħu.

Ser ikun għall-Irlanda jew għal kwalunkwe Stat Membru ieħor, li jiddeċiedu, f’konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit legali domestiku, jekk jipparteċipawx fi kwalunkwe operazzjoni militari jew le.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 4

Dan il-Protokoll għandu jibqa’ miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet Kontraenti Għolja sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Dan il-Protokoll għandu jiġi ratifikat mill-Partijiet Kontraenti Għolja, u mir-Repubblika tal-Kroazja, fil-każ li dan il-Protokoll ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal- Kroazja mal-Unjoni Ewropea, f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tar-Repubblika Taljana.

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ, jekk ikun possibbli, fit- 30 ta’ Ġunju 2013, bil-kondizzjoni li jkunu ġew depożitati l- istrumenti ta’ ratifika kollha, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-ewwel jum tax-xahar wara d-depożitu tal-istrument ta’ ratifika mill- aħħar Stat Membru li jieħu dan il-pass.

Artikolu 5

Dan il-Protokoll, imfassal f’oriġinal wieħed bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, bit-test ta’ kull waħda ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-Gvern tar-Repubblika Taljana, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-gvernijiet tal-Istati Membri l-oħrajn.

Ladarba r-Repubblika tal-Kroazja tkun intrabtet b’dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, it-test Kroat ta’ dan il- Protokoll, li jkun awtentiku daqs it-testi msemmija fl-ewwel paragrafu, għandu wkoll jiġi depożitat fl-arkivji tal-Gvern tar- Repubblika Taljana, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-gvernijiet tal-Istati Membri l-oħrajn.”