7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 203/43 |
Artikolu 171
1. L-Estimi għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja tad-dħul u ta' l-infiq kollu tal-Komunità, barra minn dawk ta' tal-Aġenzija u l-Intrapriżi Konġunti, u għandhom jidhru jew fil-budget operattiv jew fil-budget ta' riċerka u nvestiment.
Id-dħul u l-infiq tal-budget għandhom jibbilanċjaw.
2. L-Estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija, li topera skond l-użu normali tan-negozju, għandhom jidhru f'dikjarazzjoni separata.
Il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-estimi, l-implementazzjoni u l-verifika tad-dħul u l-infiq għandhom ikunu iffissati, wara li jkunu ġew ikkonsidrati l-istatuti ta' l-Aġenzija, fir-regolamenti finanzjarji adottati bis-saħħa ta' l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.
3. L-Estimi tad-dħul u l-infiq, flimkien ma' l-kontijiet ta' l-attivitajiet u l-balance-sheet ta' l-Intrapriżi Konġunti għal kull sena finanzjarja, għandhom ikunu trasmessi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-istatuti ta' dawk l-Intrapriżi.