|
7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 203/11 |
Artikolu 16
1. Malli applikazzjoni għall-patenti jew mudell ta' utilità li għandhom x'jaqsmu ma' suġġett speċifikament nukleari tkun giet ippreżentata lill-Istat Membru, dan ta' l-aħħar għandu jitlob lill-applikant biex jagħti l-kunsens tiegħu ħalli l-kontentut ta' l-applikazzjoni jkun immedjatament ikkomunikat lill-Kummissjoni.
Jekk l-applikant hekk jaċċetta, din il-komunikazjoni għandha ssir fit-terminu ta' tlett xhur mid-data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni. Jekk l-applikant ma jagħtix il-kunsens tiegħu, l-Istat Membru għandu, fi żmien l-istess terminu, jinnotifika lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' l-applikazzjoni.
Il-Kummissjoni tista' teħtieġ li l-Istat Membru jikkomunika lilha il-kontenut ta' l-applikazzjoni li dwar l-eżistenza tagħha tkun ġiet innotifikata.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel din it-talba fit-terminu ta' xahrejn mid-data tan-notifika. Kwalunkwe estensjoni għal dan it-terminu għandha tfisser li t-terminu msemmi fis-sitt sub-paragrafu ikun similment imtawwal.
L-Istat Membru għandu, malli jirċievi t-talba tal-Kummissjoni, jerġa' jitlob lill-applikant sabiex jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi kkomunikat il-kontentut ta' l-applikazzjoni tiegħu. Jekk l-applikant hekk jaċċetta, il-komunikazzjoni għandha ssir minnufih.
Jekk l-applikant ma jagħtix il-kunsens tiegħu, l-Istat Membru għandu b'dana kollu jagħmel il-kommunikazzjoni lill-Kummissjoni wara terminu ta' tmintax-il xahar mid-data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fit-terminu ta' tmintax-il xahar mid-data tal-preżentazzjoni tagħha, bl-eżistenza ta' kwalunkwe applikazzjoni mhux ippublikata għall-patenti jew mudell ta' utilità li għalihom jidher prima facie li jittratta materja li, mingħajr ma tkun ta' natura speċifikament nukleari, tkun direttament konnessa ma' u essenzjali għall-iżvilupp ta' enerġija nukleari fil-Komunità.
Il-kontenut ta' l-applikazzjoni għandu, fuq talba mill-Kummissjoni, ikun ikkomunikat lilha fi żmien terminu ta' xahrejn.
3. L-Istati Membri għandhom inaqqsu għall-anqas żmien possibbli dak iż-żmien li jittieħed għall-proċess ta' l-applikazzjoni għall-patenti jew mudelli ta' utilità li għandhom x'jaqsmu mas-suġġetti li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 u li għar-rigward tagħhom il-Kummissjoni tkun għamlet talba, sabiex dik il-publikazzjoni isseħħ malajr kemm jista' jkun.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra il-komunikazjonijiet imsemmija hawn fuq bħala kunfidenzjali. M'għandhomx iservu għall-ebda skop ieħor ħlief dak ta' dokumentazzjoni. Il-Kummissjoni tista', b'dana kollu, tagħmel użu mill-invenzjonijiet ikkomunikati lilha bil-kunsens ta' l-applikant jew bi qbil ma' l- Artikoli 17 sa 23 inklużivament.
5. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw jekk ftehim konkluż ma' pajjiż terz jew ma' l-organizzazzjoni internazzjonali jipprekludu l-komunikazzjoni.