26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Artikolu 45

1.   L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, imsemmija fl-Artikolu 42(3), u li tinsab taħt l-awtorità tal-Kunsill, għandha l-missjoni li:

a)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' l-objettivi ta' kapaċità militari ta' l-Istati Membri u l-valutazzjoni tar-rispett ta' l-impenji ta' kapaċità meħuda mill-Istati Membri;

b)

tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-adozzjoni ta' metodi ta' akkwist effettivi u kompatibbli;

c)

tipproponi proġetti multilaterali sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi f'termini ta' kapaċitajiet militari, u tassigura l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-amministrazzjoni ta' programmi speċifiċi ta' koperazzjoni;

d)

issostni r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, tikkoordina u tippjana l-attivitajiet ta' riċerka konġunta u l-istudji ta' soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi futuri;

e)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, għall-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-infiq militari.

2.   L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli ta' funzjonament ta' l-Aġenzija. Din id-deċiżjoni għandha tikkunsidra l-livell ta' parteċipazzjoni effettiva fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija. Għandhom jiġu stabbiliti fl-Aġenzija gruppi speċifiċi li jiġbru flimkien Stati Membri involuti fi proġetti konġunti. L-Aġenzija għandha twettaq il-missjonijiet tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta meħtieġ.