|
26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)
TITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PRINĊIPJI DEMOKRATIĊI
Artikolu 10
1. Il-funzjonament ta' l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.
2. Fil-livell ta' l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.
L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap ta' l-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom.
3. Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.
4. Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.