26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)
TITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 4
1. Skond l-Artikolu 5, il-kompetenzi kollha li m'humiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri.
2. L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta' l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta' l-Istat, iż-żamma ta' l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru.
3. Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.
L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jitwettqu.
L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed f' periklu l-kisba ta' l-objettivi ta' l-Unjoni.