26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
PROTOKOLL (Nru 2)
DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJI TA' SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,
BILLI JIXTIEQU li jaraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini ta' l-Unjoni,
DETERMINATI li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll li jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji,
QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:
Artikolu 1
Kull istituzzjoni għandha tassigura r-rispett kontinwu tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Qabel ma tipproponi att leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu d-dimensjoni reġjonali u lokali ta' l-azzjoni maħsuba. F'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, l-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet. Din għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-proposta tagħha.
Artikolu 3
Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozz ta' att leġislattiv”, għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew it-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.
Artikolu 4
Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-Parlamenti nazzjonali fl-istess ħin li tibgħathom lil-leġislatur ta' l-Unjoni.
Il-Parlament Ewropew għandu jibgħat l-abbozzi tiegħu ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tiegħu lill-Parlamenti nazzjonali.
Il-Kunsill għandu jibgħat l-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, kif ukoll abbozzi emendati, lill-Parlamenti nazzjonali.
Ir-riżoluzzjonijiet leġislattivi tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjonijiet tal-Kunsill għandhom, meta jiġu adottati, jintbagħtu mill-Kunsill lill-Parlamenti nazzjonali.
Artikolu 5
L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom jiġu ġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġislattiv għandu jinkludi fih dikjarazzjoni bl-elementi dettaljati li tippermetti l-valutazzjoni tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi elementi li jippermettu l-valutazzjoni ta' l-impatt finanzjarju ta' l-abbozz u, fil-każ ta' direttiva, ta' l-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-leġislazzjoni reġjonali. Ir-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li objettiv ta' l-Unjoni jista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi. L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista' jkun u jkun proporzjonat ma' l-objettiv li jrid jintlaħaq.
Artikolu 6
Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta' att leġislattiv fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali u kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-Parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġislattivi.
Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.
Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.
Artikolu 7
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll, fejn huwa xieraq, il-grupp ta' Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali jew ta' kamra ta' parlament nazzjonali.
Kull parlament nazzjonali għandu jkollu żewġ voti, imqassma fuq il-bażi tas-sistema parlamentari nazzjonali. Fil-każ ta' sistema Parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandha jkollha vot wieħed.
2. Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-abbozz għandu jiġi rivedut. Dan il-proporzjoni għandu jkun ta' kwart fil-każ ta' abbozz ta' att leġislattiv preżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.
Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni jew, skond il-każ, il-grupp ta' Stati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minnhom, jistgħu jiddeċiedu li jżommu, jemendaw jew jirtiraw l-abbozz. Għandhom jingħataw raġunijiet għal din id-deċiżjoni.
3. Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja, meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' proposta ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-proposta għandha tiġi riveduta. Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, li temenda jew li tirtira l-proposta.
Jekk tagħżel li żżommha, il-Kummissjoni jkollha tiġġustifika għaliex tqis li l-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, permezz ta' opinjoni motivata. Din l-opinjoni motivata kif ukoll l-opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali, iridu jintbagħtu lil-leġislatur ta' l-Unjoni għall-konsiderazzjoni fil-proċedura:
a) |
qabel jiġi konkluż l-ewwel qari, il-leġislatur (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) għandu jeżamina l-kompatibbiltà tal-proposta leġislattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'kont partikolari meħud tar-raġunijiet espressi u kondiviżi mill-maġġoranza tal-Parlamenti nazzjonali kif ukoll ta' l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni; |
b) |
Jekk, permezz ta' maġġoranza ta' 55 % tal-membri tal-Kunsill jew ta' maġġoranza tal-voti espressi fil-Parlament Ewropew, il-leġislatur huwa ta' l-opinjoni li l-proposta ma' tkunx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta leġislattiva m'għandhiex tiġi kkunsidrata aktar. |
Artikolu 8
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi fuq ksur tal-prinċipji tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv, li jitressqu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew li jiġu notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem parlament nazzjonali jew kamra minnu.
Skond ir-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu, il-Kumitat tar-Reġjuni jista' wkoll jagħmel rikors bħal dan kontra l-atti leġislattivi li għalihom t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 9
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport annwali għandu jiġi mgħoddi wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.