24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/6


ATT

dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IR-RABA’ PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET TEMPORANJI

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 37

1.   Jekk, sa tmiem ta’ perijodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-adeżjoni, jinqalgħu diffikultajiet li huma serji u li x’aktarx jippersistu fi kwalunkwe settur tal-ekonomija jew li jistgħu jikkawżaw deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ xi żona partikolari, il-Kroazja tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni sabiex tieħu miżuri protettivi sabiex tiġi rettifikata s-sitwazzjoni u jiġi aġġustat is-settur ikkonċernat għall-ekonomija tas-suq intern.

Fl-istess ċirkostanzi, kwalunkwe Stat Membru attwali jista’ japplika għal awtorizzazzjoni sabiex jieħu miżuri protettivi fir-rigward tal-Kroazja.

2.   Fuq talba tal-Istat ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ proċedura ta’ emerġenza, tiddetermina l-miżuri protettivi li hija tikkunsidra meħtieġa, filwaqt li tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-arranġamenti applikabbli għalihom.

F’każ ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji fuq talba espressa mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha taġixxi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta taslilha t-talba flimkien mal-informazzjoni ta’ sfond rilevanti meħtieġa. Il-miżuri hekk deċiżi għandhom ikunu applikabbli minnufih, għandhom jieħdu kont tal-interess tal-partijiet kollha kkonċernati u m’għandhomx jinvolvu kontrolli fuq il-fruntieri.

3.   Il-miżuri awtorizzati taħt dan l-Artikolu jistgħu jinvolvu derogi mir-regoli tat-TUE, it-TFUE u dan l-Att safejn u għal tali perijodi li huma strettament meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ din is-salvagwardja. Għandha tingħata prijorità lil tali miżuri li jfixklu l-anqas il-funzjonament tas-suq intern.