26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)
IT-TIELET PARTI
POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI
TITOLU X
POLITIKA SOĊJALI
Artikolu 151
(ex Artikolu 136 TKE)
L-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta' l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta' l-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.
B'dan l-għan l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jieħdu kont tad-diversi forom ta’ prattiċi nazzjonali, partikolarment fil-qasam ta’ relazzjonijiet kontrattwalli, u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività fl-ekonomija ta' l-Unjoni.
Huma jemmnu li żvilupp bħal dan għandu jirriżulta mhux biss mill-funzjonament tas-suq intern, li għandu jiffavorixxi l-armonizzazzjoni ta’ sistemi soċjali, imma wkoll mill-proċeduri previsti fit-Trattati u mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva.