26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU IX

L-IMPJIEG

Artikolu 148

(ex Artikolu 128 TKE)

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu kull sena jikkonsidra il-qagħda ta' l-impjieg fl-Unjoni u jadotta konklużjonijiet dwarhom, fuq il-bażi ta’ rapport konġunt annwali mill-Kunsill u l-Kummissjoni.

2.   Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat ta' l-Impjieg imsemmi fl-Artikolu 150, għandu kull sena jħejji linji ta’ gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi. Dawn il-linji ta’ gwida għandhom ikunu konsistenti mal-linji ta’ gwida ġenerali adottati skond l-Artikolu 121(2).

3.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapport annwali fuq il-miżuri prinċipali meħudha għall-implementazzjoni tal-politika tiegħu għall-impjiegi fid-dawl ta’ linji ta’ gwida għall-impjiegi imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti imsemmija fil-paragrafu 3 u wara li jkun irċieva il-kummenti mill-Kumitat ta' l-Impjieg, għandu kull sena iwettaq eżami dwar l-implementazzjoni tal-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri fid-dawl tal-linji ta’ gwida għall-impjieg. Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista, jekk jikkunsidra li jkun xieraq fid-dawl ta’ dak l-eżami, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

5.   Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dak l-eżami, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu rapport konġunt annwali lill-Kunsill Ewropew dwar il-qagħda ta' l-Impjieg fl-Unjoni u dwar l-implementazzjoni tal-linji ta’ gwida għall-impjieg.