26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU V

L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

KAPITOLU 4

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI KRIMINALI

Artikolu 85

(ex Artikolu 31 TUE)

1.   Il-missjoni tal-Eurojust għandha tkun li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażi komuni, abbażi ta' operazzjonijiet immexxija u informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mill-Europol.

F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Eurojust. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a)

il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali kif ukoll proposti għall-bidu ta' prosekuzzjonijiet, immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari dawk relatati ma' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni;

b)

il-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet previsti fil-punt a);

c)

it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja, inkluża bir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni u b'koperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Eurojust.

2.   Fil-prosekuzzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 86, l-atti formali ta' proċedura ġudizzjarja għandhom jitwettqu mill-uffiċjali nazzjonali kompetenti.