Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni ewropea - PROTOKOLLI - Protokoll (nru 12) dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0279 - 0280
PROTOKOLL (Nru 12) DWAR IL-PROĊEDURA TA' ŻBILANĊ EĊĊESSIV IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, XEWQANA li jistabbilixxu d-dettalji dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv imsemmija fl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea: Artikolu 1 Il-valuri ta' referenza msemmija fl-Artikolu 126(2) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea huma: - 3 % għall-proporzjon ta' żbilanċ ippjanat jew attwali tal-gvern mal-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq; - 60 % għall-proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq. Artikolu 2 Fl-Artikolu 126 tat-Trattat imsemmi u f'dan il-Protokoll: - gvern ifisser il-gvern in ġenerali, jiġifieri l-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali u l-fondi ta' serviżżi soċjali, ħlief għall-attivitajiet kummerċjali, kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati; - żbilanċ ifisser is-self nett kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati; - investiment ifisser il-formazzjoni grossa ta' kapital fiss kif definita fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati; - dejn ifisser dejn gross totali f'valur nominali rimanenti fl-aħħar tas-sena u konsolidat bejn u fis-setturi tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż. Artikolu 3 Biex jiżguraw l-effettività tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri jkunu responsabbli taħt din il-proċedura għal kull żbilanċ tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam ta' l-estimi jirrenduhom kapaċi li jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward kif jirriżultaw mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-pront u regolarment lill-Kummissjoni dwar kull żbilanċ ippjanat u attwali u l-livell ta' dejn tagħhom. Artikolu 4 L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun mogħtija mill-Kummissjoni. --------------------------------------------------