Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IS-SITT PARTI DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI - TITOLU I: DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET - Kapitolu 1: L-istituzzjonijiet - Taqsima 6: Il-Bank Ċentrali Ewropew - Artikolu 282
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0167 - 0167
Artikolu 282 1. Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali(SEBĊ). Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Ewrosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja ta' l-Unjoni. 2. Is-SEBĊ għandha tkun immexxija mill-organi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-objettiv prinċipali tas-SEBĊ għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan l-objettiv, għandha tagħti l-appoġġ tagħha lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet tagħha. 3. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu personalità ġuridika. Hu biss jista' jawtorizza l-ħruġ ta' l-euro. Dan għandu jkun indipendenti fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din l-indipendenza. 4. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skond l-Artikoli 127 sa 133 u 138 u skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Skond dawn l-istess Artikoli, dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, u l-banek ċentrali tagħhom, għandhom iżommu l-kompetenza tagħhom fil-kamp monetarju. 5. Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti ta' l-Unjoni, kif ukoll fuq kull proposta ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali, u jista' jagħti l-opinjoni tiegħu. --------------------------------------------------