12008E215

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IL-ĦAMES PARTI L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - TITOLU IV: IL-MIŻURI RESTRITTIVI - Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0144 - 0144


Artikolu 215

(ex Artikolu 301 TKE)

1. Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta' l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b'dan lill-Parlament Ewropew.

2. Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista' jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

3. L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

--------------------------------------------------