12008E207

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IL-ĦAMES PARTI L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - TITOLU II: IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI - Artikolu 207 (ex Artikolu 133 TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0140 - 0141


Artikolu 207

(ex Artikolu 133 TKE)

1. Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta' bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta' ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta' merkanzija u ta' servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta' l-uniformità fil-miżuri ta' liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta' dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3. Fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizzaha sabiex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex jassiguraw li l-ftehim negozjati jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill sabiex jgħin lill-Kummissjoni f'din il-ħidma u fil-qafas ta' direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress tan-negozjati.

4. Għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Għan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u ta' l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll ta' l-investiment barrani dirett, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fejn tali ftehim jinkludu dispożizzjonijiet li għalihom tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' regoli interni.

Il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b'mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehim:

a) fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika ta' l-Unjoni;

b) fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi soċjali, ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jikkawżaw disturb serju għall-organizzazzjoni nazzjonali ta' dawn is-servizzi u jippreġudikaw ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-provvista ta' tali servizzi.

5. In-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti u għall-Artikolu 218.

6. L-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m'għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta' l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

--------------------------------------------------