Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU V: L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA - Kapitolu 4: Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali - Artikolu 85 (ex Artikolu 31 TUE)
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0081 - 0082
Artikolu 85 (ex Artikolu 31 TUE) 1. Il-missjoni tal-Eurojust għandha tkun li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażi komuni, abbażi ta' operazzjonijiet immexxija u informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mill-Europol. F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Eurojust. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu: a) il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali kif ukoll proposti għall-bidu ta' prosekuzzjonijiet, immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari dawk relatati ma' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni; b) il-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet previsti fil-punt a); ċ) it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja, inkluża bir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni u b'koperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Eurojust. 2. Fil-prosekuzzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 86, l-atti formali ta' proċedura ġudizzjarja għandhom jitwettqu mill-uffiċjali nazzjonali kompetenti. --------------------------------------------------