12008E/PRO/06

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - PROTOKOLLI - Protokoll (nru 6) dwar il-lokalità tas-sede ta' l-istituzzjonijiet u ta' ċerti organi, korpi u dipartimenti ta' l-Unjoni Ewropea

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0265 - 0265


PROTOKOLL (Nru 6)

DWAR IL-LOKALITÀ TAS-SEDE TA' L-ISTITUZZJONIJIET U TA' ĊERTI ORGANI, KORPI U DIPARTIMENTI TA' L-UNJONI EWROPEA

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 341 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

WAQT LI JFAKKRU U JIKKONFERMAW id-Deċiżjoni tat- 8 ta' April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sede ta' istituzzjonijiet, organi, korpi u dipartimenti futuri,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu Uniku

a) Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta' kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.

b) Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell. Matul ix-xhur ta' April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu.

c) Il-Kummissjoni għandha jkollha s-sede tagħha fi Brussell. Id-dipartimenti elenkati fl-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Deċiżjoni tat- 8 ta' April 1965 għandhom ikunu stabbiliti fil-Lussemburgu.

d) Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

e) Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

f) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

g) l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

h) l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

i) l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu is-sede tagħhom fi Frankfurt.

j) L-Uffiċju tal-Pulizija Ewropea (Europol) għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja.

--------------------------------------------------