12007L/PRO/A/04

Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li kien iffirmat fit-13 ta' diċembru 2007 - PROTOKOLLI - A. Protokolli li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u, skond il-każ, mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika - Protokoll dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 27a tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Official Journal 306 , 17/12/2007 P. 0153 - 0155


Protokoll

DWAR IL-KOOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA MILL-ARTIKOLU 27 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 28 A(6) u l-Artikolu 28 E tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni tmexxi politika barranija u ta' sigurtà komuni msejsa fuq il-kisba ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni hija parti integrali mill-politika barranija u ta' sigurtà komuni; li din tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operazzjonali b'assi ċivili u militari; li l-Unjoni tista' tuża' dawn l-assi għall-missjonijiet previsti fl-Artikolu 28 B tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; li t-twettiq ta' dawn il-kompiti jsir billi jintużaw l-kapaċitajiet militari provduti mill-Istati Membri skond il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi";

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni tirrispetta l-obbligi taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku ta' dawk l-Istati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom tkun imwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha, u hija kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u difiża komuni stabbilita f'dak il-qafas;

KONVINTI li rwol aktar b'saħħtu ta' l-Unjoni fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża ser jikkontribwixxi għall-vitalità ta' alleanza atlantika mġedda, skond l-arranġamenti hekk imsejħa "Berlin Plus".

DETERMINATI li jassiguraw li l-Unjoni tkun kapaċi tassumi b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tista' titlob l-għajnuna ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni urġenti ta' missjonijiet meħuda skond il-Kapitoli VI u VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u difiza ser jeħtieġ sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;

KONXJI li l-avvanz għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta' sigurtà u difiża jinvolvi sforzi determinati mill-Istati Membri disposti;

FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza li r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jkun involut b'mod sħiħ fil-ħidma tal-kooperazzjoni strutturata permanenti,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-kooperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 28 A(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tkun miftuħa għal kull Stat Membru li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jintrabat li:

a) jipproċedi b'mod aktar intensiv sabiex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta' difiża tiegħu, permezz ta' l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tiegħu, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi prinċipali Ewropej tat-tagħmir, u fl-attività ta' l-aġenzija Ewropea fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (Aġenzija Ewropea tad-Difiża), u

b) jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2010, fuq livell nazzjonali jew bħala parti minn gruppi ta' forza multinazzjonali, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet pjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala grupp ta' battalja, b'elementi ta' appoġġ bħat-trasport u l-loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 28 B tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f'perijodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostnuti għal perijodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal ta' l-inqas għal 120 jum.

Artikolu 2

Sabiex jinkisbu l-objettivi previsti fl-Artikolu 1, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni strutturata permanenti għandhom jintrabtu li:

a) jikkooperaw, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi approvati dwar il-livell ta' infiq għall-investiment f'tagħmir ta' difiża, u jirrivedu dawn l-objettivi regolarment fid-dawl taċ-ċirkostanzi tas-sigurtà u tar-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

b) kemm jista' jkun jallinjaw l-apparat tad-difiża tagħhom ma' xulxin, b'mod partikolari billi jarmonizzaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet militari tagħhom, billi jiġbru flimkien u, fejn xieraq, jispeċjalizzaw il-mezzi u l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, kif ukoll billi jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fl-oqsma tat-taħriġ u l-loġistika;

c) jieħdu miżuri konkreti sabiex isaħħu d-disponibbiltà, l-interoperabbiltà, il-flessibiltà u l-kapaċità fl-insedjament tal-forzi tagħhom, b'mod partikolari billi jidentifikaw l-objettivi komuni fl-impenn ta' forzi, inkluż possibbilment ir-reviżjoni tal-proċeduri deċiżjonali nazzjonali tagħhom;

d) jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu tajjeb, inkluż permezz ta' approċċi multinazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-impenji f'dan ir-rigward fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, għan-nuqqasijiet li jidhru fil-qafas tal-"Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità";

e) jieħdu sehem, fejn ikun xieraq, fl-iżvilupp ta' programmi konġunti jew Ewropej maġġuri ta' tagħmir fil-qafas ta' l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża.

Artikolu 3

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet magħmula skond il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fost l-oħrajn, abbażi ta' l-Artikolu 2, u għandha tirrapporta dwarhom ta' l-inqas darba fis-sena. Il-valutazzjoni tista' sservi bħala bażi għar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu 28 E tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

--------------------------------------------------