Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - Titolu VI - Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni - Artikolu 34
Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0026 - 0027
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0024 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0164 - Consolidated version
Official Journal C 191 , 29/07/1992 P. 0062
Artikolu 34 [3] 1. Fl-oqsma msemmija f’dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill bl-iskop li jikoordinaw l-azzjoni tagħhom. Għal dak l-iskop, huma għandhom jistabbilixxu kollaborazzjoni bejn id-dipartiment relevanti ta' l-amministrazzjonijiet tagħhom. 2. Il-Kunsill għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni, juża l-forma xierqa u l-proċeduri kif stabbiliti f’dan it-Titolu, li jikontribwixxu biex jintlaħħqu l-miri ta' l-Unjoni. B'dak l-iskop, billi jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Kunsill jista': (a) jadotta pożizzjoni komuni li tiddiffenixxi l-atteġġament ta' l-Unjoni għal xi materja partikolari; (b) jadotta deċiżjonijiet ta' qafas bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta' qafas għandhom jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi. M’għandhomx ikollhom effett dirett; (ċ) jadotta deċiżjonijiet għal xi skop ieħor konsistenti ma' l-iskopijiet ta’ dan it-Titolu, barra minn approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu jorbtu u m’għandux ikollhom effett dirett; il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fil-livell ta' l-Unjoni; (d) jistabbilixxi konvenzjonijiet li hu jirrakomanda lill-Istati Membri għal adozzjoni skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jibdew il-proċeduri applikabbli f'terminu ta' żmien li jiġi stabbilit mill-Kunsill. Sakemm ma jipprovdux mod ieħor, il-konvenzjonijiet għandhom, ladarba adottati mill-anqas minn nofs l-Istati Membri, jidħlu fis-seħħ għal dawk l-Istati Membri. Il-Miżuri li jimplimentaw il-konvenzjonijiet għandhom ikunu adottati fil-Kunsill b’maġġoranza ta’ żewġ-terzi tal-Partijiet Kontraenti. 3. Meta l-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, il-voti tal-membri għandhom ikunu peżati kif stipulat fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u sabiex jiġu adottati l-atti tal-Kunsill għandhom jinħtieġu mill-inqas 232 vot favur, espress minn mill-inqas żewġ-terzi tal-membri. Fejn deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista' jitlob verifika li l-Istati Membri li jifformaw il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-anqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jekk jintwera li dik il-kondizzjoni ma ġietx sodisfatta, id-deċiżjoni msemmija ma għandhiex tiġi adottata. 4. Għar-rigward tal-kwistjonijiet ta' proċedura, il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu. [3] Artikolu emendat bl-Att ta' Adeżjoni 2003. Ara l-Appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb. --------------------------------------------------