12006M007

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - Titolu I - Disposizzjonijiet komuni - Artikolu 7

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0012 - 0013
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0012 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0154 - Consolidated version


Artikolu 7

1. Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’ maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 6(1), u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lil dak l-Istat. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u, skond l-istess proċedura, jista’ jqabbad persuni indipendenti biex jissottomettu fi żmien raġonevoli rapport dwar is-sitwazzjoni fl-Istat Membru in kwistjoni.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2. Il-Kunsill, f’laqgħa fil-livell tal-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern, u waqt li jkun jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6(1), wara li jkunu stieden lill-Gvern ta’ l-Istat Membru in kwistjoni biex iressaq is-sottomissjonijiet tiegħu.

3. Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni legali u naturali.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu minn dan it-Trattat jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat

4. Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet biex dawn ikunu ttieħdu.

5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru inkwistjoni. L-astensjoni tal-membri preżenti jew rappreżentati ma twaqqafx l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Maġġoranza kwalifikata tfisser dak l-istess proporzjon tal-voti peżati tal-membri tal-Kunsill relattivi kif stabbilit fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Dan il-paragrafu jkun jgħodd ukoll fil-każ li d-dritt tal-vot jiġi sospiż b’mod konformi mal-paragrafu 3.

6. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li tkun tirrappreżenta l-maġġoranza tal-Membri tiegħu.

--------------------------------------------------