12006M/PRO/03

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - B. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea u t-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea - Il-Protokoll (no 3) dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda (1997)

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0196 - 0197


Il-Protokoll (no 3)

dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet li jirrelataw mar-Renju Unit u l-Irlanda,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' l-arranġementi speċjali għall-ivjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, independentament mill-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u kull disposizzjoniji oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull miżura addottata skond dawk it-Trattati, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità jew mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' wieħed jew aktar Stati terzi, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħra dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit bħalma huwa jikkonsidra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan:

(a) li jivverifika id-dritt għad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta’ Stati li huma Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tad-dipendenti tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet tal-Komunità, kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li lilhom ingħataw drittijiet bħal dawn bi ftehim li bih huwa marbut ir-Renju Unit, u

(b) li jiddetermina jekk jagħtix jew le lil persuni oħra il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew f' xi disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f' xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandu jippreġudika id-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jibqgħu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta’ persuni bejn it-territorji tagħhom ("Iż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar"), waqt li jirrispettaw bi sħieħ id-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) ta’ dan il-Protokoll. Għalhekk, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Irlanda skond l-istess termini u kondizzjonijiet bħal dawk għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, fl-ebda disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottati permezz tagħhom, m’għandu jaffetwa dawn l-arranġamenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew f’xi post ieħor tad-dħul fir-territorju tagħhom dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn xi territorji li r-relazzjonijiet barranin tagħhom ikunu taħt ir-reponsabbiltà tiegħu għall-istess għanijiet kif jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll japplikaw għall-Irlanda.

Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew f' xi disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’ xi miżura adottata permezz tagħhom m’għanda tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri l-oħra li jadottaw jew jeżerċitaw kontrolli bħal dawn.

--------------------------------------------------