Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea - Anness VII:Lista msemmija fl-Artikolu 20 tal-Protokoll: disposizzjonijiet transitorji, Rumanija - 3.Moviment liberu tal-kapital
Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0142 - 0142
3. MOVIMENT LIBERU TAL-KAPITAL Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa 1. Minkejja l-obbligi taħt it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, ir-Rumanija tista' żżomm fis-seħħ għal ħames snin mid-data ta' l-adeżjoni r-restrizzjonijiet stabbiliti fil-liġi attwali tagħha, fil-mument ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni, dwar l-akkwist ta' proprjetà immobbli għal residenzi sekondarji minn ċittadini, ta' l-Istati Membri jew ta' l-Istati li huma parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (FŻEE), li mhumiex residenti fir-Rumanija u minn kumpanniji ffurmati skond il-liġijiet ta' Stat Membru ieħor jew ta' Stat FŻEE u li la huma stabbiliti u lanqas għandhom fergħa jew aġenzija rappreżentattiva fit-territorju tar-Rumanija. Iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u ċ-ċittadini ta' l-Istati li huma parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li huma legalment residenti fir-Rumanija ma għandhomx ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti jew għal kwalunkwe regola u proċedura barra minn dawk li għalihom huma soġġetti ċ-ċittadini tar-Rumanija. 2. Minkejja l-obbligi taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa, ir-Rumanija tista' żżomm fis-seħħ għal seba' snin mid-data ta' l-adeżjoni r-restrizzjonijiet stabbiliti fil-liġi attwali tagħha, fil-mument ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni, dwar l-akkwist ta' art agrikola, foresti jew art imsaġġra minn ċittadini ta' l-Istati Membri, minn ċittadini ta' l-Istati li huma parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u minn kumpanniji ffurmati skond il-liġijiet ta' Stat Membru ieħor jew ta' Stat FŻEE li la huma stabbiliti u lanqas huma reġistrati fir-Rumanija. Fl-ebda każ ma jista' ċittadin ta' Stat Membru jiġi trattat b'mod inqas favorevoli fir-rigward ta' l-akkwist ta' art agrikola, foresti u art imsaġġra milli fid-data ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni jew jiġi trattat b'mod iżjed restrittiv minn kif jiġi trattat ċittadin ta' pajjiż terz. Il-bdiewa li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom u jirrisjedu fir-Rumanija ma għandhomx ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti jew għal kwalunkwe proċeduri li mhumiex soġġetti għalihom ċittadini tar-Rumanija. Għandha ssir reviżjoni ġenerali ta' dawn il-miżuri transitorji fit-tielet sena wara d-data ta' l-adeżjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill. Il-Kunsill jista', waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jqassar jew itemm il-perjodu transitorju indikat fl-ewwel subparagrafu. --------------------------------------------------