12005SP006

Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea - L-EWWEL PARTI: PRINĊIPJI - Artikolu 6

Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0030 - 0031


Artikolu 6

1. Il-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi jew applikati b'mod provviżorju mill-Unjoni ma' Stat terz wieħed jew aktar, ma' organizzazzjoni internazzjonali jew ma' ċittadin ta' Stat terz, għandhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni u f'dan il-Protokoll, jorbtu lill-Bulgarija u r-Rumanija.

2. Il-Bulgarija u r-Rumanija jimpenjaw ruħhom li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, għall-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi jew iffirmati mill-Unjoni u l-Istati Membri attwali, b'mod konġunt.

L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-ftehim jew mal-konvenzjonijiet konklużi jew iffirmati mill-Unjoni u l-Istati Membri attwali b'mod konġunt ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew pajjiżi terzi partikolari għandha tiġi miftiehma bil-konklużjoni ta' protokoll għal tali ftehim jew konvenzjonijiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu f'isem l-Istati Membri, u l-organizzazzjoni internazzjonali jew pajjiż jew pajjiżi terzi konċernati. Il-Kummissjoni għandha tinnegozja dawn il-protokolli f'isem l-Istati Membri abbażi ta' Direttivi dwar in-negozjati approvati mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, u b'konsultazzjoni ma' kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri. Hija għandha tippreżenta abbozz tal-protokolli għal konklużjoni lill-Kunsill.

Din il-proċedura hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni nnifisha u ma taffettwax l-allokazzjoni tas-setgħat bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' tali ftehim fil-ġejjieni jew ta' kwalunkwe emenda oħra li mhijiex relatata ma' l-adeżjoni.

3. Hekk kif jaderixxu għall-ftehim u l-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiksbu l-istess drittijiet u obbligi taħt dawk il-ftehim u konvenzjonijiet bħall-Istati Membri attwali.

4. Mid-data ta' l-adeżjoni, u sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli meħtieġa msemmija fil-paragrafu 2, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi b'mod konġunt mill-Unjoni u l-Istati Membri attwali qabel l-adeżjoni, bl-eċċezzjoni tal-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni konkluż ma' l-Isvizzera. Dan l-obbligu japplika wkoll għal dawk il-ftehim jew konvenzjonijiet li l-Unjoni u l-Istati Membri attwali qablu li japplikaw b'mod provviżorju.

Sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli msemmija fil-paragrafu 2, l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxu b'mod konġunt kif ikun opportun fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kwalunkwe miżura adatta.

5. Il-Bulgarija u r-Rumanija jaderixxu għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra [1], iffirmat f'Cotonou fit- 23 ta' Ġunju 2000.

6. Il-Bulgarija u r-Rumanija jimpenjaw ruħhom li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [2], skond l-Artikolu 128 ta' dak il-Ftehim.

7. Mid-data ta' l-adeżjoni, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw il-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessili konklużi mill-Unjoni ma' pajjiżi terzi.

Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tat-tessuti u ta' lbies għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-Unjoni tista' tinnegozja emendi għall-ftehim bilaterali u l-arranġamenti msemmija hawn fuq mal-pajjiżi terzi konċernati qabel id-data ta' l-adeżjoni.

Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessili ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, l-Unjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni ta' prodotti tat-tessuti u ta' lbies minn pajjiżi terzi sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

8. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' azzar u ta' prodotti ta' l-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi ta' l-importazzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul is-snin reċenti ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi fornituri konċernati.

Għal dak il-għan, l-emendi meħtieġa għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar l-azzar konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu nnegozjati qabel id-data ta' l-adeżjoni.

Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu.

9. Ftehim dwar is-sajd konklużi qabel l-adeżjoni mill-Bulgarija u r-Rumanija ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu amministrati mill-Unjoni.

Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-Bulgarija u r-Rumanija minn dawk il-ftehim ma għandhomx ikunu milquta matul il-perjodu li fih id-disposizzjonijiet ta ' dawk il-ftehim jinżammu provviżorjament fis-seħħ.

Kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-ftehim imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu adottati f'kull każ deċiżjonijiet adatti għall-kontinwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sajd li jirriżultaw minn dawk il-ftehim mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, inkluża l-possibbiltà li ċerti ftehim jiġu estiżi għal perijodi ta' mhux aktar minn sena.

10. B'effett mid-data ta' l-adeżjoni, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jirtiraw minn kull ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali.

Safejn ftehim bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija jew dawk iż-żewġ Stati minn naħa waħda, u pajjiż terz wieħed jew iktar min-naħa l-oħra, m' humiex kompatibbli ma' l-obbligi li joriġinaw minn dan il-Protokoll, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet stabbiliti. Jekk il-Bulgarija jew ir-Rumanija tiltaqa' ma' diffikultajiet fl-aġġustament ta' ftehim konkluż ma' pajjiż terz wieħed jew aktar qabel l-adeżjoni, hija għandha, skond it-termini tal-ftehim, tirtira minn dak il-ftehim.

11. Il-Bulgarija u r-Rumanija jaderixxu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll għall-ftehim interni konklużi mill-Istati Membri attwali għall-fini ta' l-implimentazzjoni tal-ftehim jew il-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 5 u 6.

12. Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jieħdu miżuri xierqa, fejn meħtieġ, sabiex jaġġustaw il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonjiet internazzjonali, u ta' dawk il-ftehim internazzjonali li l-Unjoni jew Stati Membri oħra huma wkoll partijiet fihom, għad-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mill-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni.

B'mod partikolari fid-data ta' l-adeżjoni jew malajr kemm jista' jkun wara huma għandhom jirtiraw minn dawk l-organizzazzjonijiet u ftehim internazzjonali dwar is-sajd li tagħhom l-Unjoni wkoll hija parti, sakemm is-sħubija tagħhom ma tirrigwardax kwistjonijiet li mhumiex relatati mas-sajd.

13. Fejn dan l-Artikolu jirreferi għal konvenzjonijiet u ftehim konklużi jew iffirmati mill-Unjoni, dawn jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu IV-438 tal-Kostituzzjoni.

[1] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[2] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

--------------------------------------------------