Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU IV - ŻONA TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA - Sezzjoni 4 - Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali - Artikolu III-271
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0119 - 0120
Artikolu III-271 1. Liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fiż-żoni ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjonijiet trans-konfini li jirriżultaw minn natura jew mill-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu kumbattuti fuq bażi komuni. Dawn l-oqsma ta' kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, t-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali ta' nisa u tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, t-traffiku illeċitu ta' armi, l-money laundering, il-korruzzjoni, l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u kriminalità organizzata. Fuq bażi ta' l-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità li jissodisfaw il-kriterji indikati f'dan il-paragrafu. Għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew. 2. Jekk jidher li l-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet leġislattivi u regolatorji ta' l-Istat Membru fil-qasam kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika ta' l-Unjoni f'qasam li kien soġġett għall-miżuri ta' armonizzazzjoni, liġi kwadru Ewropea tista' tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward tad-definizjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fil-qasam konċernat. Din il-liġi kwadru għandha tiġi adottata bl-istess proċedura li kienet użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta' armonizzazzjoni in kwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-264. 3. Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' liġi kwadru Ewropea kif previst fil-paragrafu 2 jolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tal-liġi kwadru jiġi mressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, l-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien 4 xhur minn din is-suspensjoni: a) jirreferi lura l-abbozz lill-Kunsill, li għandu jwaqqaf is-sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu III-396 jekk applikabbli, jew b) jitlob lill-Kummissjoni jew lill-grupp ta' Stati Membri li jkunu taw bidu għall-abbozz, biex iressqu wieħed ġdid; f'dak il-każ, l-att li kien propost oriġinarjament għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat. 4. Jekk, sa l-aħħar tal-perijodu previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill Ewropew ma jkunx aġixxa jew ma tkunx ittieħdet azzjoni mill-Kunsill Ewropew jew inkella jekk, fi żmien 12-il xahar wara li jkun ġie mressaq abbozz ġdid taħt il-paragrafu 3(b), il-liġi kwadru Ewropea ma tkunx ġiet adottata, u mill-inqas terz ta' l-Istati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa fuq bażi ta' l-abbozz tal-liġi kwadru konċernat, huma għandhom jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni biex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikoli I-44(2) u III-419(1) għandha titqies li ngħatat u d-disposizzjonijiet dwar koperazzjoni msaħħa għandhom japplikaw. --------------------------------------------------