Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - ATT FINALI - A.Dikjarazzjonijiet dwar disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni - 5.Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-25
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0421 - 0422
5. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu I-25 Il-Konferenza tiddikjara li d-deċiżjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu I-25 ser tiġi adottata mill-Kunsill fil-jum meta jidħol fis-seħħ it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. L-abbozz tad-deċiżjoni jidher hawn taħt: ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI EWROPEA TAL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ARTIKOLU I-25 IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Billi: (1) Huwa kkunsidrat xieraq li jiġu adottati disposizzjonijiet li jippermettu transizzjoni bla xkiel mis-sistema ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill - kif imfisser fit-Trattat ta' Nizza u stabbilit fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 tal-Protokoll dwar id-disposizzjonijiet transitorji rigward l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni mehmuż mal-Kostituzzjoni, li se tibqa' tapplika sal- 31 ta' Ottubru 2009 - għas-sistema ta' votazzjoni prevista mill-Artikolu I-25 tal-Kostituzzjoni, li se tapplika b'effett mill- 1 ta' Novembru 2009. (2) Huwa mfakkar li hi l-prattika tal-Kunsill li jiddedika kull sforz biex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta' l-atti adottati b'maġġoranza kwalifikata. (3) Huwa meqjus xieraq li d-Deċiżjoni preżenti tinżamm fis-seħħ sakemm hu meħtieġ biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel għas-sistema ta' votazzjoni ġdida prevista fil-Kostituzzjoni, DDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Jekk membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw: a) mill-inqas tliet kwarti tal-popolazzjoni, jew b) mill-inqas tliet kwarti ta' l-għadd ta' Stati Membri meħtieġa biex jikkostitwixxu minoranza li timblokka bħala riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu I-25, l-ewwel subparagrafu, jew it-tieni subparagrafu, jindikaw l-opposizzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' att mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, l-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni. Artikolu 2 Il-Kunsill għandu, matul dawn id-diskussjonijiet, jagħmel kull ma jista' biex jilħaq, fi żmien raġonevoli u mingħajr ħsara għat-termini perentorji stabbiliti mid-dritt ta' l-Unjoni, soluzzjoni sodisfaċenti biex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membri tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 1. Artikolu 3 Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u filwaqt li jirrispetta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa biex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom. Artikolu 4 Id-Deċiżjoni preżenti għandha tidħol fis-seħħ fl- 1 ta' Novembru 2009. Għandha tibqa' fis-seħħ mill-inqas sa l-2014. Wara dan, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tirrevokaha. --------------------------------------------------