02023R0444 — MT — 02.03.2023 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/444

tas-16 ta’ Diċembru 2022

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 065 2.3.2023, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 068, 6.3.2023, p.  182 ((UE) 2023/444 tas-16 ta’ Diċembru 2022)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/444

tas-16 ta’ Diċembru 2022

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU 1

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata, aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà u rotot għall-aktar PSAP xieraq.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“komunikazzjoni effettiva ta’ emerġenza” tfisser komunikazzjoni ta’ emerġenza kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (38) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 li tiżgura:

(a) 

komunikazzjoni f’waqtha bejn l-utent finali u l-aktar PSAP xieraq, u

(b) 

it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod f’waqtu ta’ informazzjoni kuntestwali, inkluża informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata;

(2) 

“informazzjoni kuntestwali” tfisser l-informazzjoni mogħtija permezz ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza mill-utent finali jew derivata u trażmessa awtomatikament mill-apparat tal-utent finali jew min-network rilevanti sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riżorsi ta’ intervent tas-servizzi ta’ emerġenza u l-wasla rapida tas-servizzi tal-emerġenza fix-xena tal-intervent.



KAPITOLU 2

INFORMAZZJONI DWAR IL-POST MINN FEJN TORIĠINA T-TELEFONATA

Artikolu 3

1.  
Meta jistabbilixxu kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata skont l-Artikolu 109(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jiżguraw, fil-limiti tal-fattibbiltà teknika, li l-pożizzjoni tal-utent finali tkun tinsab b’mod affidabbli u akkurat kif ikun meħtieġ biex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jassistu lill-utent finali. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji filwaqt li jqisu l-parametri speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
2.  

Fir-rigward tan-networks fissi:

(a) 

il-kriterju tal-preċiżjoni għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala informazzjoni relatata mal-indirizz fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network;

(b) 

il-kriterju tal-affidabbiltà għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala r-rata ta’ suċċess, f’perċentwal, tas-soluzzjoni teknika jew tat-taħlita ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi stabbilita u trażmessa lill-aktar PSAP xieraq informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata li tikkorrispondi għall-kriterju tal-preċiżjoni.

3.  

Fir-rigward tan-networks mobbli:

(a) 

il-kriterju tal-preċiżjoni għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress f’metri. Jekk applikabbli, il-kriterju tal-akkuratezza tal-elevazzjoni jew ta’ dik vertikali għandu jiġi espress f’metri wkoll;

(b) 

il-kriterju tal-affidabbiltà għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata għandu jiġi espress bħala r-rata ta’ suċċess, f’perċentwal, tas-soluzzjoni teknika jew tat-taħlita ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex tiġi stabbilita u trażmessa lill-aktar PSAP xieraq żona ta’ tiftix li tikkorrispondi għall-kriterju tal-preċiżjoni.



KAPITOLU 3

AĊĊESS GĦAL SERVIZZI TA’ EMERĠENZA GĦALL-UTENTI FINALI B’DIŻABBILTÀ

Artikolu 4

Meta jimplimentaw mezzi ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġett għall-fattibbiltà teknika, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza funzjonali li ġejjin:

(a) 

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tippermetti komunikazzjoni interattiva bidirezzjonali bejn l-utent finali b’diżabbiltà u l-PSAP;

(b) 

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza hija disponibbli mingħajr xkiel, mingħajr prereġistrazzjoni, għall-utenti finali b’diżabbiltà li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor;

(c) 

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tiġi pprovduta lill-utenti finali b’diżabbiltà mingħajr ħlas;

(d) 

il-komunikazzjoni ta’ emerġenza tiġi diretta mingħajr dewmien lejn l-aktar PSAP xieraq li jkun kwalifikat u mgħammar biex iwieġeb u jipproċessa b’mod xieraq il-komunikazzjoni ta’ emerġenza mill-utenti finali b’diżabbiltà;

(e) 

livelli ekwivalenti ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata huma żgurati għall-komunikazzjoni ta’ emerġenza għall-utenti finali b’diżabbiltà bħal fil-każ ta’ telefonati ta’ emerġenza minn utenti finali oħrajn;

(f) 

l-utenti finali b’diżabbiltà jistgħu jilħqu tal-anqas l-istess livell ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza bħal utenti finali oħrajn dwar telefonati ta’ emerġenza lil “112”, jew bit-tfassil tal-mezzi ta’ aċċess jew permezz ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni.



KAPITOLU 4

IR-ROTTA LEJN L-AKTAR ĊENTRU LI JIRĊIEVI T-TELEFONATI TA’ EMERĠENZA XIERAQ

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata jgħaddu mingħajr dewmien lill-aktar PSAP xieraq li jkun teknikament kapaċi jwassal l-informazzjoni kuntestwali lis-servizzi ta’ emerġenza meta javża lil dawk is-servizzi.

Artikolu 6

Għall-fini li tiġi żgurata l-fattibbiltà teknika tal-aċċess mingħajr xkiel għas-servizzi ta’ emerġenza kif previst fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jidentifikaw rekwiżiti komuni ta’ interoperabbiltà li jippermettu l-komunikazzjoni ta’ emerġenza lill-aktar PSAP xieraq permezz ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli fi kwalunkwe post fl-Unjoni.



KAPITOLU 5

RAPPORTAR

Artikolu 7

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni l-prestazzjoni tar-rotta lill-aktar PSAP xieraq skont l-Artikolu 5, implimentata għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata.
2.  
►C1  L-Istati Membri għandhom iħejju u jirrapportaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2023 pjan direzzjonali għall-aġġornament tas-sistema tal-PSAP nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jirċievu, iwieġbu u jipproċessaw komunikazzjonijiet ta’ emerġenza permezz ta’ teknoloġija packet-switched. ◄ Il-pjan direzzjonali għandu jindika d-data tal-implimentazzjoni mistennija ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza bbażati fuq il-vuċi, it-test jew il-vidjo permezz ta’ teknoloġiji packet-switched. Il-pjan direzzjonali għandu jinkludi wkoll id-data indikattiva sa meta l-PSAPs ikunu lesti li jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-istadji importanti intermedjarji tal-pjan direzzjonali f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Marzu 2024:

(a) 

il-kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata espressa skont il-parametri msemmija fl-Artikolu 3,

(b) 

il-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza li għandhom jintużaw mill-utenti finali b’diżabbiltà, inklużi dawk li jużaw is-servizzi tar-roaming, u l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza funzjonali fl-Artikolu 5.

2.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija f’dan l-artikolu u fl-Artikolu 7 mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi inizjali provduti fih, fil-kuntest ta’ kull ġbir ta’ data li l-Kummissjoni tibda għall-finijiet li tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 109(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.



KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.