02023L0959 — MT — 16.05.2023 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2023/959 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 130 16.5.2023, p. 134)


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 90176, 22.3.2024, p.  1 ((UE) 2023/959)




▼B

DIRETTIVA (UE) 2023/959 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Din id-Direttiva tipprevedi wkoll li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiżdied sabiex jikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis li huma kkunsidrati xjentifikament meħtieġa biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u l-miri klimatiċi tagħha kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) u b'hekk biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi ( *2 ).

(2) 

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“1.  
Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet elenkati fl-Annessi I u III, u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II. Meta installazzjoni li tkun inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS minħabba t-tħaddim tal-unitajiet ta' kombustjoni b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW tbiddel il-proċessi ta' produzzjoni tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha u ma tibqax tissodisfa dak il-livell limitu, l-Istat Membru li fih tinsab l-installazzjoni għandu jipprovdi lill-operatur bl-għażliet biex jibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sa tmiem il-perjodu attwali u dak tal-ħames snin li jmiss imsemmi fl-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, wara l-bidla fil-proċessi tal-produzzjoni tagħha. L-operatur ta' dik l-installazzjoni jista' jiddeċiedi li l-installazzjoni għandha tibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EU ETS sa tmiem il-perjodu attwali ta' ħames snin biss jew anki tal-perjodu ta' ħames snin li jmiss, wara l-bidla fil-proċessi tal-produzzjoni tagħha. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-bidliet meta mqabbla mal-lista ppreżentata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1).
2.  
Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ).
(3) 

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) 

“emissjonijiet” tfisser ir-rilaxx ta’ gassijiet serra minn sorsi f’installazzjoni jew ir-rilaxx minn inġenju tal-ajru waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I jew minn bastimenti waqt li jkunu qed iwettqu attività marbuta mat-trasport marittimu elenkata fl-Anness I tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività, jew ir-rilaxx ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-attività msemmija fl-Anness III;”;

(b) 

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) 

“permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser il-permess maħruġ f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 30b;”;

(c) 

il-punt (u) huwa mħassar;

(d) 

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(w) 

“kumpanija tat-tbaħħir” tfisser is-sid tal-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew in-noleġġatur tal-bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu ħadu r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mingħand is-sid tal-bastiment u li, meta jassumu tali responsabbiltà, ikunu qablu li jieħdu f’idejhom id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis, kif stabbilit fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 );

(x) 

“vjaġġ” tfisser vjaġġ kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *5 );

(y) 

“awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir” tfisser l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-EU ETS fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir f’konformità mal-Artikolu 3gf;

(z) 

“port ta’ waqfa” tfisser il-port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott merkanzija jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri, jew il-port fejn bastiment offshore jieqaf biex jissostitwixxi l-ekwipaġġ; waqfiet għall-finijiet uniċi ta’ riforniment tal-fjuwil, akkwist ta’ provvisti, bdili tal-ekwipaġġ ta’ bastiment għajr bastiment offshore, dħul f’baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet fil-port minħabba li l-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew ikun f’diffikultà, trasferimenti minn bastiment għal ieħor imwettqa barra mill-portijiet, waqfiet għall-fini unika li bastiment jistkenn minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, u waqfiet ta’ bastimenti tal-kontejners f’port ġar tat-trażbord tal-kontejners elenkat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3ga(2) huma esklużi;

(aa) 

“bastiment tal-kruċieri” tfisser bastiment tal-passiġġieri li ma għandux gverta tal-merkanzija u li huwa ddisinjat esklużivament għat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri f’akkomodazzjoni matul il-lejl fuq vjaġġ bil-baħar;

(ab) 

“kuntratt għad-differenza” jew “CD” tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta’ mekkaniżmu ta’ offerti kompetittivi bħal irkant, ta’ prodott b’livell baxx jew żero ta’ karbonju, ’’ u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni li jkopri d-differenza bejn il-prezz rebbieħ, magħruf ukoll bħala l-prezz tal-eżerċitar, minn naħa waħda, u prezz ta' referenza derivat mill-prezz tal-prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju prodott, il-prezz tas-suq ta' sostitut mill-qrib, jew taħlita ta' dawk iż-żewġ prezzjiet min-naħa l-oħra;

(ac) 

"kuntratt għad-differenza għall-karbonju" jew "CCD" tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi bħal irkant, ta' prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju, u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni li jkopri d-differenza bejn il-prezz rebbieħ, magħruf ukoll bħala l-prezz tal-eżerċitar, minn naħa waħda, u prezz ta' referenza, derivat mill-prezz medju tal-kwoti, min-naħa l-oħra;

(ad) 

"kuntratt bi primjum fiss" tfisser kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-produttur, magħżul permezz ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi bħal irkant, ta' prodott b'livell baxx jew żero ta' karbonju, u taħt liema l-produttur jingħata appoġġ fil-forma ta' ammont fiss għal kull unità tal-prodott manifatturat;

(ae) 

"entità regolata" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief għal kwalunkwe konsumatur finali tal-fjuwils, li tinvolvi ruħha fl-attività msemmija fl-Anness III u li taqa' f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i) 

meta l-fjuwil jgħaddi minn maħżen tat-taxxa kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (11), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 ( *6 ), il-magazzinier awtorizzat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), ta' dik id-Direttiva, responsabbli biex iħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut skont l-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva;

(ii) 

jekk il-punt (i) ta' dan il-punt ma jkunx applikabbli, kwalunkwe persuna oħra responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2020/262 jew l-Artikolu 21(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE ( *7 ) fir-rigward tal-fjuwils koperti mill-Kapitolu IVa ta’ din id-Direttiva;

(iii) 

jekk il-punti (i) u (ii) ta' dan il-punt ma jkunux applikabbli, kwalunkwe persuna oħra li trid tiġi rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru bil-għan li tkun responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa, inkluża kwalunkwe persuna eżentata mill-ħlas tad-dazju tas-sisa, kif imsemmi fl-Artikolu 21(5), ir-raba' subparagrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE;

(iv) 

jekk il-punti (i), (ii) u (iii) ma jkunux applikabbli, jew jekk diversi persuni jkunu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-istess dazju tas-sisa, kwalunkwe persuna oħra maħtura minn Stat Membru;

(af) 

"fjuwil" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa ta' din id-Direttiva tfisser kwalunkwe prodott tal-enerġija msemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, inklużi l-fjuwils elenkati fit-Tabella A u fit-Tabella C tal-Anness I ta' dik id-Direttiva, kif ukoll kwalunkwe prodott ieħor maħsub għall-użu, offrut għall-bejgħ jew użat bħala fjuwil tal-magni jew fjuwil tat-tisħin kif speċifikat fl-Artikolu 2(3) ta' dik id-Direttiva, inkluż għall-produzzjoni tal-elettriku;

(ag) 

"rilaxx għall-konsum" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa ta' din id-Direttiva tfisser rilaxx għall-konsum kif definit fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva (UE) 2020/262;

(ah) 

"prezz tal-gass TTF" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser il-prezz tal-kuntratt tal-futuri tal-gass b'xahar bil-quddiem innegozjat fil-Punt ta' Negozjar Virtwali tal-Faċilità ta' Trasferiment ta' Titoli (TTF), operat minn Gasunie Transport Services B.V.;

(ai) 

"prezz taż-żejt mhux raffinat Brent" għall-finijiet tal-Kapitolu IVa tfisser il-prezz tal-futuri b'xahar bil-quddiem għaż-żejt mhux raffinat, użat bħala prezz ta' referenza għax-xiri taż-żejt.

(4) 

it-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-avjazzjoni u t-Trasport Marittimu";

(5) 

l-Artikolu 3a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3a

Kamp ta' applikazzjoni

L-Artikoli 3b sa 3g għandhom japplikaw għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I. L-Artikoli 3ga sa 3gg għandhom japplikaw fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu elenkati fl-Anness I."

;
(6) 

l-Artikolu 3g huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3g

Pjanijiet ta' monitoraġġ u rapportar

L-Istat Membru li jkun qed jamministra għandu jiżgura li kull operatur tal-inġenji tal-ajru jippreżenta lill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru pjan ta' monitoraġġ li jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u li tali pjanijiet ikunu approvati mill-awtorità kompetenti skont l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14."

;
(7) 

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 3ga

Il-kamp ta' applikazzjoni għall-attivitajiet tat-trasport marittimu

1.  
L-allokazzjoni tal-kwoti u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' ċediment fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu għandhom japplikaw fir-rigward ta' ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jaslu f'port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jasal f'port ta’waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, mija fil-mija (100 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi li jitilqu minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u li jaslu f'port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, u mija fil-mija (100 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti ġewwa port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru.
2.  
Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2023, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien u taġġorna dik il-lista sal-31 ta' Diċembru kull sentejn minn hemm 'il quddiem.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jelenkaw port bħala il-port tat-trażbord tal-kontejners ġirien fejn is-sehem tat-trażbord tal-kontejners, imkejjel f'unitajiet ekwivalenti għal għoxrin pied, jaqbeż il-65 % tat-traffiku totali tal-kontejners ta' dak il-port matul il-perjodu ta' tnax-il xahar l-aktar reċenti li għalih tkun disponibbli data rilevanti u fejn tak il-port jkun jinsab barra mill-Unjoni iżda inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-kontejners għandhom jitqiesu li huma ttrażbordati meta jinħattu minn bastiment għall-port għall-fini unika biex jitgħabbew fuq bastiment ieħor. Il-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ma għandhiex tinkludi portijiet li jinsabu f'pajjiż terz għal liema dak il-pajjiż terz effettivament japplika miżuri ekwivalenti għal din id-Direttiva.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

3.  
L-Artikoli 9, 9a u 10 għandhom japplikaw għall-attivitajiet tat-trasport marittimu bl-istess mod kif japplikaw għal attivitajiet oħrajn koperti mill-EU ETS bl-eċċezzjoni li ġejja fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10.

Sal-31 ta' Diċembru 2030, sehem mill-kwoti għandu jiġi attribwit lill-Istati Membri bi proporzjon ta' kumpaniji tat-tbaħħir li kienu jkunu taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 3gf meta mqabbla mal-popolazzjoni rispettiva tagħhom fl-2020 u abbażi tad-data disponibbli għall-perjodu mill-2018 sal-2020, b'aktar minn 15-il kumpanija tat-tbaħħir għal kull miljun abitant. Il-kwantità tal-kwoti għandha tikkorrispondi għal 3,5 % tal-kwantità addizzjonali tal-kwoti minħabba ż-żieda fil-limitu massimu għat-trasport marittimu msemmi fl-Artikolu 9, it-tielet paragrafu, fis-sena rilevanti. Għas-snin 2024 u 2025, il-kwantità ftal-kwoti għandha, barra minn hekk, tiġi mmultiplikata bil-perċentwali applikabbli għas-sena rilevanti skont l-Artikolu 3gb, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b). Id-dħul ġenerat mill-irkantar ta' dak is-sehem ta' kwoti għandu jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (g), fir-rigward tas-settur marittimu, u l-punti (f) u (i). 50 % tal-kwantità tal-kwoti għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri rilevanti abbażi tas-sehem tal-kumpaniji tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħhom u l-bqija mqassma f'ishma indaqs bejniethom.

Artikolu 3gb

L-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti għat-trasport marittimu

Il-kumpaniji tat-tbaħħir għandhom ikunu responsabbli biex iċedu l-kwoti skont l-iskeda li ġejja:

(a) 

40 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2024 li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' ċediment f'konformità mal-Artikolu 12;

(b) 

70 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2025 li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' ċediment f'konformità mal-Artikolu 12;

(c) 

100 % tal-emissjonijiet ivverifikati rrapportati għall-2026 u kull sena wara din f'konformità mal-Artikolu 12.

Fejn jiġu ċeduti inqas kwoti meta mqabbla mal-emissjonijiet ivverifikati mit-trasport marittimu għas-snin 2024 u 2025, ladarba tkun ġiet stabbilita d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati u l-kwoti ċeduti fir-rigward ta' kull sena, ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għal dik id-differenza għandha tiġi kkanċellata minflok irkantata skont l-Artikolu 10.

Artikolu 3gc

Dispożizzjonijiet għat-trasferiment tal-kostijiet tal-EU ETS mill-kumpanija tat-tbaħħir għal entità oħra

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta r-responsabbiltà aħħarija għax-xiri tal-fjuwil jew l-operat tal-bastiment, jew it-tnejn, tittieħed minn entità għajr il-kumpanija tat-tbaħħir skont l-arranġament kuntrattwali, il-kumpanija tat-tbaħħir tkun intitolata għal rimborż minn dik l-entità għall-kostijiet li jirriżultaw miċ-ċediment tal-kwoti.

L-“operat tal-bastiment” għall-finijiet ta' dan l-Artikolu tfisser id-determinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr jew ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment. Il-kumpanija tat-tbaħħir għandha tibqa' l-entità responsabbli għaċ-ċediment tal-kwoti kif meħtieġ skont l-Artikoli 3gb u 12 u għall-konformità ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħhom jikkonformaw mal-obbligi li jċedu l-kwoti skont l-Artikoli 3gb u 12, minkejja l-intitolament ta’ tali kumpaniji ta’ tbaħħir li jiġu rimborżati mill-operaturi kummerċjali għall-kostijiet li jirriżultaw miċ-ċediment.

Artikolu 3gd

Il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu

Fir-rigward tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tat-trasport marittimu elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, l-awtorità amministrattiva, fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir, għandha tiżgura li kumpanija tat-tbaħħir taħt ir-responsabbiltà tagħha timmonitorja u tirrapporta l-parametri rilevanti matul perjodu ta' rapportar, u tippreżentalha data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji f'konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 3ge

Ir-regoli tal-verifika u l-akkreditazzjoni għall-emissjonijiet mit-trasport marittimu

L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandha tiżgura li r-rapportar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji tat-tbaħħir preżentata minn kumpanija tat-tbaħħir skont l-Artikolu 3gd ta’ din id-Direttiva jiġi vverifikat f'konformità mar-regoli ta' verifika u akkreditazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 3gf

Awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir

1.  

L-awtorità amministrattiva fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandha tkun:

(a) 

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir irreġistrata fi Stat Membru, l-Istat Membru li fih hija rreġistrata l-kumpanija tat-tbaħħir;

(b) 

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li mhijiex irreġistrata fi Stat Membru, l-Istat Membru bl-akbar għadd stmat ta' waqfiet f'port minn vjaġġi mwettqa minn dik il-kumpanija tat-tbaħħir fl-erba' snin ta’ qabel ta' monitoraġġ u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga;

(c) 

fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li mhijiex irreġistrata fi Stat Membru u li ma wettqet l-ebda vjaġġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga fl-erba' snin ta' monitoraġġ preċedenti, l-Istat Membru fejn bastiment tal-kumpanija tat-tbaħħir ikun beda jew temm l-ewwel vjaġġ tiegħu li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit f'dak l-Artikolu.

2.  

Abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni:

(a) 

qabel l-1 ta' Frar 2024, lista ta' kumpaniji tat-tbaħħir li wettqu attività ta’ trasport marittimu elenkata fl-Anness I li kienet taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga fl-1 ta' Jannar 2024, jew b'effett minn dik id-data, li tispeċifika l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kull kumpanija tat-tbaħħir f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b) 

qabel l-1 ta' Frar 2026 u kull sentejn minn hemm 'il quddiem, lista aġġornata biex tagħti lura l-kumpaniji tat-tbaħħir irreġistrati fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva oħra fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir jekk ikunu bidlu l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni fl-Unjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu, jew biex tinkludi kumpaniji tat-tbaħħir li sussegwentement ikunu wettqu attività ta’ trasport marittimu elenkata fl-Anness I li tkun waqgħet fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3ga, f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu; u

(c) 

qabel l-1 ta' Frar 2028 u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem, lista aġġornata biex tagħti lura l-kumpaniji tat-tbaħħir li mhumiex irreġistrati fi Stat Membru lil awtorità amministrattiva oħra fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir f'konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu.

3.  
Awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir li, skont il-lista stabbilita skont il-paragrafu 2, hija responsabbli għal kumpanija tat-tbaħħir għandha żżomm dik ir-responsabbiltà irrispettivament mill-bidliet sussegwenti fl-attivitajiet jew ir-reġistrazzjoni tal-kumpanija tat-tbaħħir sakemm dawk il-bidliet jiġu riflessi f'lista aġġornata.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati relatati mal-amministrazzjoni tal-kumpaniji tat-tbaħħir mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ kumpanija ta’ tbaħħir skont din id-Direttiva. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

Artikolu 3gg

Rapportar u rieżami

1.  
Fil-każ tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) ta' miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid din id-Direttiva fid-dawl ta' dik il-miżura adottata.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta' tali miżura globali bbażata fuq is-suq u qabel ma ssir operattiva. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina l-miżura globali bbażata fuq is-suq fir-rigward ta':

(a) 

l-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

(b) 

l-integrità ambjentali ġenerali tagħha, inkluż meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jkopru t-trasport marittimu; u

(c) 

kwalunkwe kwistjoni relatata mal-koerenza bejn l-EU ETS u dik il-miżura.

Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni tista' takkumpanja r-rapport msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu bi proposta leġiżlattiva li temenda din id-Direttiva b'mod li jkun konsistenti mal-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, u bl-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-implimentazzjoni tal- miżura globali bbażata fuq is-suq u l-EU ETS, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż doppju sinifikanti.

2.  
Fil-każ li sal-2028 l-OMI ma tadottax miżura globali bbażata fuq is-suq biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mill-inqas għal livell komparabbli ma' dak li jirriżulta mill-miżuri tal-Unjoni meħuda skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-ħtieġa li tiġi applikata l-allokazzjoni tal-kwoti u r-rekwiżiti ta' ċediment fir-rigward ta' aktar minn ħamsin fil-mija (50 %) tal-emissjonijiet minn bastimenti li jwettqu vjaġġi bejn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru u port ta’ waqfa barra mill-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tikkunsidra l-progress fil-livell tal-OMI u teżamina jekk kwalunkwe pajjiż terz għandux miżura bbażata fuq is-suq ekwivalenti għal din id-Direttiva u tivvaluta r-riskju ta' żieda fil-prattiki evażivi, inkluż permezz ta' bidla għal modi oħra ta' trasport jew ċaqliq ta' ċentri portwarji lejn portijiet barra mill-Unjoni.

Meta jkun xieraq, ir-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex tiġi emendata din id-Direttiva.

3.  
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu fir-rigward tat-trasport marittimu, b'mod partikolari biex tidentifika mġiba evażiva sabiex tipprevjeni tali mġiba fi stadju bikri, inkluż b’kunsiderazzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi, u tirrapporta kull sentejn mill-2024, dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ trasport marittimu u x-xejriet possibbli fir-rigward tal-kumpaniji ta’ tbaħħir li jfittxu li jevadu r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja wkoll l-impatti fir-rigward, fost oħrajn, ta' żidiet possibbli fil-kostijiet tat-trasport, distorsjonijiet tas-suq u bidliet fit-traffiku tal-portijiet, bħall-evażjoni tal-portijiet u ċ-ċaqliq taċ-ċentri tat-trażbord, il-kompetittività ġenerali tas-settur marittimu fl-Istati Membri, u b'mod partikolari l-impatti fuq dawk is-servizzi tat-tbaħħir li jikkostitwixxu servizzi essenzjali ta' kontinwità territorjali. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ trasport marittimu, b'mod partikolari miżuri biex jiġu indirizzati ix-xejriet fir-rigward ta' kumpaniji ta’ tbaħħir li jfittxu li jevadu r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.
4.  
Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3ga(3), it-tieni subparagrafu, lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2030 u, jekk xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva għal dak il-għan.
5.  
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-inklużjoni f'din id-Direttiva tal-emissjonijiet minn bastimenti, inklużi bastimenti offshore, b'tunnellaġġ gross ta' inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400, li jibni, b'mod partikolari, fuq l-analiżi li takkumpanja r-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757 mistennija sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dak ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll l-interkonnessjonijiet bejn din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2015/757 u jibni fuq l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tiegħu. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll kif din id-Direttiva tista' tagħti kont bl-aħjar mod tal-użu ta' fjuwils marittimi rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fuq bażi ta' ċiklu tal-ħajja. Meta jkun xieraq, ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva."

;

(8) 

l-Artikolu 3h huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3h

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Anness I minbarra l-attivitajiet tal-avjazzjoni u l-attivitajiet tat-trasport marittimu."

;
(9) 

fl-Artikolu 6(2), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e) 

obbligu li ċċedi kwoti ekwivalenti għat-total ta’ emissjonijiet tal-installazzjoni f'kull sena kalendarja, kif ivverifikati f'konformità mal-Artikolu 15, sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 12(3).";

(10) 

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 8

Koordinazzjoni mad-Direttiva 2010/75/UE

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta l-installazzjonijiet iwettqu attivitajiet li huma inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta' permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu kkoordinati ma' dawk għall-ħruġ ta’ permess previst f'dik id-Direttiva. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu integrati fil-proċeduri previsti fid-Direttiva 2010/75/UE.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-effettività tas-sinerġiji mad-Direttiva 2010/75/UE. Il-permessi ambjentali u rilevanti għall-klima għandhom jiġu kkoordinati biex tiġi żgurata eżekuzzjoni effiċjenti u rapida tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija. Il-Kummissjoni tista' tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kwalunkwe rieżami futur ta' din id-Direttiva."

;
(11) 

fl-Artikolu 9 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'90 miljun kwota. Fl-2026, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'27 miljun kwota. Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha tiżdied bi 78,4 miljun kwota għat-trasport marittimu. Il-fattur lineari għandu jkun 4,3 % mill-2024 sal-2027 u 4,4 % mill-2028. Il-fattur lineari għandu japplika wkoll għall-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet medji mit-trasport marittimu rrapportati f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 għall-2018 u l-2019 li huma indirizzati fl-Artikolu 3ga ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha sas-6 ta’ Settembru 2023.

Mill-1 ta' Jannar 2026 u l-1 ta' Jannar 2027 rispettivament, il-kwantità ta' kwoti għandha tiżdied biex titqies il-kopertura ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra għajr l-emissjonijiet tas-CO2 mill-attivitajiet tat--trasport marittimu u l-kopertura tal-emissjonijiet ta' bastimenti offshore, abbażi tal-emissjonijiet tagħhom għall-aktar sena reċenti li għaliha tkun disponibbli d-data. Minkejja l-Artikolu 10(1), il-kwoti li irriżultaw minn dik iż-żieda għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8).";

(12) 

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2 % tal-kwantità totali tal-kwoti bejn l-2021 u l-2030 għandhom jiġu rkantati biex jiġi stabbilit fond għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija ta' ċerti Stati Membri (l-“Istati Membri benefiċjarji”) kif stabbilit fl-Artikolu 10d (il-“Fond għall-Modernizzazzjoni”). L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'PDG per capita bi prezzijiet tas-suq taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti A tal-Anness IIb.

Barra minn hekk, 2,5 % tal-kwantità totali ta' kwoti bejn l-2024 u l-2030 għandhom jiġu rkantati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'PDG per capita bi prezzijiet tas-suq taħt il-75 % tal-medja tal-Unjoni matul il-perjodu mill-2016 sal-2018. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti B tal-Anness IIb.";

(b) 

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

"3.  
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw dak id-dħul, bl-eċċezzjoni tad-dħul użat għall-kumpens tal-kostijiet indiretti tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10a(6) ta’ din id-Direttiva, jew l-ekwivalenti f'valur finanzjarju ta' dak id-dħul, għal wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:"

;

(c) 

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) sa (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(b) 

għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u grilji għat-trażmissjoni tal-elettriku biex jitwettqu l-impenn tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u l-għanijiet tal-Unjoni dwar l-interkonnettività, kif ukoll biex jiġu żviluppati teknoloġiji oħra li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni għal ekonomija sikura u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u bħala għajnuna fit-twettiq tal-impenn tal-Unjoni li tiżdied l-effiċjenza enerġetika għal-livelli maqbula f'atti leġiżlattivi rilevanti, inkluż il-produzzjoni tal-elettriku minn awtokonsumaturi ta' sorsi rinnovabbli u komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli;

(c) 

għal miżuri mmirati biex jevitaw id-deforestazzjoni u jappoġġaw il-protezzjoni u r-restawr tat-torbiera, tal-foresti u ta’ ekosistemi oħra tal-art jew ekosistemi tal-baħar, inklużi miżuri li jikkontribwixxu għall-protezzjoni, ir-restawr u ġestjoni aħjar tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni protetti tal-baħar, u jżidu l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni favur il-bijodiversità, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li rratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi, u miżuri biex jiġu ttrasferiti t-teknoloġiji u jiġi ffaċilitat l-adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima f'dawk il-pajjiżi;

(d) 

għas-sekwestrazzjoni tal-forestrija u fil-ħamrija fl-Unjoni;

(e) 

għall-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 b'mod ambjentalment sikur, b'mod partikolari minn impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili solidi u numru ta' setturi u subsetturi industrijali, inkluż f'pajjiżi terzi, u metodi innovattivi u teknoloġiċi tal-assorbiment tal-karbonju, bħall-qbid dirett mill-arja u l-ħżin;

(f) 

għall-investiment u l-aċċelerazzjoni fil-bidla lejn forom ta' trasport li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur, inkluż l-iżvilupp ta' trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija u servizzi u teknoloġiji tal-karozzi tal-linja li ma jagħmlux ħsara lill-klima, miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, inkluż it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, il-portijiet, it-teknoloġiji u l-infrastruttura innovattivi, u fjuwils alternattivi sostenibbli, bħall-idroġenu u l-ammonijaka li huma prodotti minn sorsi rinnovabbli, u teknoloġiji ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero, u għall-finanzjament ta' miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-ajruporti f'konformità ma' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' infrastruttura ta' fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal trasport bl-ajru sostenibbli;";

(d) 

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h) 

miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza enerġetika, is-sistemi tat-tisħin distrettwali u l-iżolazzjoni, biex jappoġġjaw is-sistemi ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti u rinnovabbli, jew biex jappoġġaw ir-rinnovazzjoni profonda u profonda fi stadji tal-bini f'konformità mad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *8 ), li tibda mir-rinnovazzjoni tal-bini bl-agħar prestazzjoni;

(e) 

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

"(ha) 

għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju biex jiġu indirizzati aspetti soċjali f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx u medju, inkluż billi jitnaqqsu t-taxxi distortivi, u tnaqqis mmirat ta' dazji u spejjeż għall-elettriku rinnovabbli;

(hb) 

għall-finanzjament ta' skemi ta' dividendi klimatiċi nazzjonali b'impatt ambjentali pożittiv ipprovat kif iddokumentat fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *9 ).

(f) 

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (k) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(k) 

għall-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema sabiex isir kontribut għal transizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima, b'mod partikolari f'reġjuni milquta l-agħar mit-transizzjoni tal-impjiegi, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, u biex isir investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li potenzjalment huma affettwati mit-transizzjoni, inklużi l-ħaddiema fit-trasport marittimu;

(l) 

għall-indirizzar ta' kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi koperti mill-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *10 ), li jappoġġa t-transizzjoni u jippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tagħhom f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(g) 

fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

"Meta jiġi ddeterminat l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jibqa' jiżdied il-finanzjament internazzjonali għall-klima fil-pajjiżi terzi vulnerabbli msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (j).";

(h) 

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jitqiesu li ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu jekk ikollhom fis-seħħ u jimplimentaw politiki ta' appoġġ fiskali jew finanzjarju, inkluż b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew politiki regolatorji nazzjonali, li jimmassimizzaw l-appoġġ finanzjarju, stipulati għall-finijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu u li jkollhom valur ekwivalenti għad-dħul imsemmi fl-ewwel subparagrafu.";

(i) 

fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul u l-azzjonijiet meħuda skont dan il-paragrafu fir-rapporti tagħhom imressqa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li jispeċifikaw, meta jkun rilevanti u kif xieraq, liema dħul jintuża u l-azzjonijiet li jittieħdu biex jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima mressaq f'konformità ma’ dak ir-Regolament, u l-pjanijiet territorjali tagħhom għal transizzjoni ġusta mħejjija f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *11 ).

Ir-rapportar għandu jkun dettaljat biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mal-ewwel subparagrafu.

(j) 

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva biex tissupplementa din id-Direttiva fir-rigward tal-għażla taż-żmiene, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar, inklużi modalitajiet għall-irkantar li huma meħtieġa għat-trasferiment ta' sehem mid-dħul għall-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 30d(4) ta' din id-Direttiva jew bħala riżorsi proprji skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE, sabiex jiġi żgurat li dan jitwettaq b'mod miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju. Għal dak il-għan, il-proċess għandu jkun prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla taż-żmien u s-sekwenzjar tal-irkanti u l-ammont stmat ta' kwoti li għandhom isiru disponibbli.";

(k) 

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.  
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju. Kull sena, għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju u dwar politiki rilevanti oħra dwar il-klima u l-enerġija, inklużi t-tħaddim tal-irkanti, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri dwar il-miżuri finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10a(6). Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni rilevanti titressaq lill-Kummissjoni mill-inqas xahrejn qabel ma l-Kummissjoni tadotta r-rapport."

;

(l) 

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"6.  
L-ESMA għandha timmonitorja regolarment l-integrità u t-trasparenza tas-suq Ewropew tal-karbonju, b'mod partikolari fir-rigward tal-volatilità tas-swieq u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, it-tħaddim tal-irkanti, l-operazzjonijiet ta' skambju fis-suq għall-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, inklużi n-negozjar barra l-borża, il-likwidità u l-volumi nnegozjati, u l-kategoriji u l-imġiba tan-negozjar tal-parteċipanti fis-suq, inklużi l-pożizzjonijiet tal-intermedjarji finanzjarji. L-ESMA għandha tinkludi s-sejbiet rilevanti u, meta jkun meħtieġ, għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet fil-valutazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku f'konformità mal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *12 ). Għall-finijiet tal-kompiti msemmija fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dettaljata tat-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *13 ).
(13) 

l-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) 

wara t-tieni subparagrafu jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin:

"Jekk installazzjoni tkun koperta mill-obbligu li twettaq awditjar tal-enerġija jew li timplimenta sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *14 ) u jekk ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar jew tas-sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija ma jkunux implimentati, dment li ż-żmien tal-ħlas lura għall-investimenti rilevanti ma jaqbiżx it-tliet snin jew dment li l-kostijiet ta' dawk l-investimenti ma jkunux sproporzjonati, alllura l-ammont ta' allokazzjoni bla ħlas għandu jitnaqqas b'20 %. L-ammont ta' allokazzjoni bla ħlas ma għandux jitnaqqas jekk operatur juri li jkun implimenta miżuri oħrajn li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra ekwivalenti għal dawk irrakkomandati mir-rapport tal-awditjar jew mis-sistema ċertifikata ta' ġestjoni tal-enerġija għall-installazzjoni kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha tissupplementa din id-Direttiva billi, fl-atti delegati adottati skont dan il-paragrafu u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli fl-ambitu tad-Direttiva 2012/27/UE, tipprevedi regoli armonizzati amministrattivament sempliċi għall-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu li jiżguraw li l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità ma tipperikolax kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-integrità ambjentali jew it-trattament ugwali bejn installazzjonijiet madwar l-Unjoni. Dawk ir-regoli armonizzati għandhom, b'mod partikolari, jipprevedu skedi ta' żmien, kriterji għar-rikonoxximent tal-miżuri implimentati ta' effiċjenza enerġetika kif ukoll għal miżuri alternattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, bl-użu tal-proċedura għall-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 11(1) ta' din id-Direttiva.

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, it-tnaqqis b'20 % msemmi f'dak is-subparagrafu għandu jiġi applikat meta, sal-1 ta' Mejju 2024, l-operaturi tal-installazzjonijiet li l-livelli tagħhom ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra jkunu ogħla mit-80 perċentil tal-livell ta' emissjonijiet għall-parametri referenzjarji tal-prodotti rilevanti ma jkunux stabbilew pjan ta' newtralità klimatika għal kull waħda minn dawk l-installazzjonijiet għall-attivitajiet tagħhom koperti minn din id-Direttiva. Dak il-pjan għandu jinkludi l-elementi speċifikati fl-Artikolu 10b(4) u għandu jkun stabbilit f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni previsti f’dak l-Artikolu). L-Artikolu 10(4) għandu jitqies li jirreferi biss għal-livell ta' installazzjoni. Il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin imsemmija fl-Artikolu 10b(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), għandha tiġi vverifikata fir-rigward tal-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2025 u fir-rigward ta' kull perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, f'konformità mal-proċeduri ta' verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15. Ebda kwota bla ħlas lil hinn minn 80 % ma għandha tiġi allokata jekk il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin intermedji ma tkunx ġiet ivverifikata fir-rigward tal-perjodu sa tmiem l-2025 jew fir-rigward tal-perjodu mill-2026 sal-2030.

Il-kwoti li ma jiġux allokati minħabba tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas f'konformità mat-tielet u l-ħames subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jintużaw biex jeżentaw l-installazzjonijiet mill-aġġustament f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Meta jkun jifdal xi kwoti bħal dawn, 50 % ta' dawnk il-kwoti għandhom isiru disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu. Il-50 % l-oħra ta' dawk il-kwoti għandhom jiġu rkantati f'konformità mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva u l-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul rispettiv biex jindirizzaw kwalunkwe riskju residwu ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi koperti mill-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956, filwaqt li jappoġġaw it-transizzjoni u jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tagħhom f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas lil installazzjonijiet f'setturi jew subsetturi, sal-punt li dawn ikunu koperti minn miżuri oħrajn li jindirizzaw ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/956. Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu aġġustati kif xieraq.

(ii) 

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Għal kull settur u subsettur, fil-prinċipju, il-parametru referenzjarju għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti pjuttost milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta' produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. Sabiex jiġu pprovduti aktar inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji ġodda li parzjalment inaqqsu jew kompletament jeliminaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u installazzjonijiet li jużaw teknoloġiji eżistenti, il-parametri referenzjarji ex ante ddeterminati għall-Unjoni kollha għandhom jiġu rieżaminati fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fil-perjodu mill-2026 sal-2030, bil-ħsieb li potenzjalment jiġu mmodifikati d-definizzjonijiet u l-konfini tas-sistema tal-parametri referenzjarji tal-prodotti eżistenti, filwaqt li bħala prinċipji gwida jitqiesu l-potenzjal ta' użu ċirkolari tal-materjali u li l-parametri referenzjarji għandhom ikunu indipendenti mill-feedstock u mit-tip ta' proċess ta' produzzjoni, meta l-proċessi ta' produzzjoni jkollhom l-istess fini. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta l-atti ta' implimentazzjoni għall-fini li tiddetermina l-valuri ta' referenza riveduti għall-allokazzjoni bla ħlas f'konformità mal-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, mill-aktar fis possibbli u qabel il-bidu tal-perjodu mill-2026 sal-2030.";

(b) 

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a.  
Soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas b'rabta mal-produzzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għall-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956, il-produzzjoni ta' oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament għandha tibbenefika minn allokazzjoni bla ħlas f'ammonti mnaqqsa. Għandu jiġi applikat fattur li jnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti (il-fattur CBAM). Il-fattur CBAM għandu jkun ugwali għal 100 % għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament u l-aħħar tal-2025 u, soġġett għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36(2), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament, għandu jkun ugwali għal 97,5 % fl-2026, 95 % fl-2027, 90 % fl-2028, 77,5 % fl-2029, 51,5 % fl-2030, 39 % fl-2031, 26,5 % fl-2032 u 14 % fl-2033. Mill-2034, ma għandu japplika ebda fattur CBAM.

It-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas għandu jiġi kkalkolat kull sena bħala s-sehem medju tad-domanda għall-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/956 meta mqabbla mad-domanda totali għall-allokazzjoni bla ħlas ikkalkolata għall-installazzjonijiet kollha, għall-perjodu rilevanti msemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva. F’dan il-kalkolu għandu jiġi applikat il-fattur CBAM.

Il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-paragrafu 8.

Sal-31 ta’ Diċembru 2024 u bħala parti mir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 10(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti soġġetti għas-CBAM u prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu simili ta' pprezzar tal-karbonju. Ir-rapport, b'mod partikolari, għandu jivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f'setturi li s-CBAM se japplika għalihom, b'mod partikolari r-rwol u l-adozzjoni mħaffa tal-idroġenu, u l-iżviluppi fir-rigward tal-flussi kummerċjali u l-emissjonijiet inkorporati ta' oġġetti prodotti minn dawk is-setturi fis-suq globali. Meta r-rapport jikkonkludi li hemm riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu ekwivalenti ta' pprezzar tal-karbonju, il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tindirizza dak ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod li jkun konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż l-Artikolu XX tal- Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994,, u li jqis id-dekarbonizzazzjoni tal-installazzjonijiet fl-Unjoni."

;

(c) 

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) 

fit-tielet subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c) 

Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, il-valuri ta' referenza għandhom jiġu ddeterminati bl-istess mod kif stabbilit fil-punti (a) u (d) ta' dan is-subparagrafu, filwaqt li jitqies il-punt (e) ta' dan is-subparagrafu, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 11 għas-snin 2021 u 2022 u abbażi tal-applikazzjoni tar-rata ta' tnaqqis annwali fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2028.";

(ii) 

fit-tielet subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(d) 

Fejn ir-rata ta' tnaqqis annwali taqbeż it-2,5 % jew tkun inqas minn 0,3 %, il-valuri ta' referenza għall-perjodu mill-2026 sal-2030 għandhom ikunu l-valuri ta' referenza applikabbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 imnaqqsa bi kwalunkwe waħda minn dawk iż-żewġ rati perċentwali li tkun rilevanti, fir-rigward ta' kull sena bejn l-2008 u l-2028.

(e) 

Għall-perjodu mill-2026 sal-2030, ir-rata ta' tnaqqis annwali għall-valur referenzjarju tal-prodott għall-metall sħun ma għandhiex tiġi affettwata mill-bidla fid-definizzjonijiet tal-parametru referenzjarju u l-limiti tas-sistema applikabbli skont il-paragrafu 1, it-tmien subparagrafu.";

(iii) 

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"B'deroga fir-rigward tal-valuri ta' referenza għall-aromatiċi u l-gass sintetiku, dawk il-valuri ta' referenza għandhom jiġu aġġustati bl-istess persentaġġ bħall-parametri referenzjarji tar-raffineriji sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-produtturi ta' dawk il-prodotti.";

(d) 

il-paragrafi 3 u 4 huma mħassra;

(e) 

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.  
Sabiex jiġi rispettat is-sehem tal-irkantar stabbilit fl-Artikolu 10, għal kull sena li fiha l-għadd tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas ma jilħaqx l-ammont massimu li jirrispetta s-sehem tal-irkantar, il-kwoti li jifdal sa dak l-ammont għandhom jintużaw għall-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas sabiex jiġi rrispettat is-sehem tal-irkantar fis-snin ta' wara. Meta, madankollu, jintlaħaq l-ammont massimu, l-allokazzjonijiet bla ħlas għandhom ikunu aġġustati kif xieraq. Kwalunkwe tali aġġustament għandu jsir b'mod uniformi. Madankollu, l-installazzjonijiet li l-livelli ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom ikunu taħt il-medja tal-10 % tal-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti f'settur jew subsettur fl-Unjoni għall-parametri referenzjarji rilevanti f'sena meta japplika l-aġġustament, għandhom jiġu eżentati minn dak l-aġġustament."

;

(f) 

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri finanzjarji f'konformità mat-tieni u mar-raba' subparagrafi ta' dan il-paragrafu li jiffavorixxu setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba kostijiet indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba mill-kostijiet tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jingħaddu għall-prezzijiet tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, b'mod partikolari, ma jikkawżawx distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-miżuri finanzjarji adottati ma għandhomx jikkumpensaw il-kostijiet indiretti koperti minn allokazzjoni bla ħlas f'konformità mal-parametri referenzjarji stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Meta Stat Membru jonfoq ammont ogħla mill-ekwivalenti ta' 25 % tad-dħul mill-irkant imsemmi fl-Artikolu 10(3) għas-sena li fiha jkunu ġġarrbu l-kostijiet indiretti, huwa għandu jistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom ikun inqabeż dak l-ammont.";

(g) 

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Mill-2021 'il quddiem, il-kwoti li, skont il-paragrafi 19, 20 u 22, mhumiex allokati għal installazzjonijiet għandhom jiżdiedu mal-ammont ta' kwoti mwarrba f'konformità mal-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, ta' dan il-paragrafu.";

(h) 

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"8.  
345 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 80 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10, kif ukoll il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas imsemmija fil-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' fond (il-"Fond għall-Innovazzjoni") bl-għan li jappoġġa l-innovazzjoni f'tekniki, proċessi u teknoloġiji b'livell baxx jew żero ta' karbonju li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti minn din id-Direttiva u jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità, inklużi proġetti bl-għan li tali tekniki, proċessi u teknoloġiji jiżdiedu fid-dawl tal-implimentazzjoni wiesgħa tagħhom fl-Unjoni kollha. Tali proġetti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għandhom jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija u r-riżorsi f'konformità mal-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi minn qabel il-kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni biex tiżgura li ammont adegwat ta' riżorsi jkun disponibbli ħalli titħaddan l-innovazzjoni, inkluż għaż-żieda.

Il-kwoti li ma jinħarġux lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru minħabba li jwaqqfu l-operat tagħhom u li ma humiex meħtieġa biex ikopru kwalunkwe nuqqas ta' ċediment minn dawk l-operaturi għandhom jintużaw ukoll għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Barra minn hekk, 5 miljun kwota mill-kwantità msemmija fl-Artikolu 3c(5) u (7) relatati mal-kwoti tal-avjazzjoni għall-2026 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Barra minn hekk, 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jissupplimentaw kull dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE ( *15 ), u għandhom jintużaw b'mod f'waqtu għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkopri s-setturi elenkati fl-Annessi I u III, kif ukoll prodotti u proċessi li jissostitwixxu lil dawk intensivi fil-karbonju prodotti jew użati fis-setturi elenkati fl-Anness I, inklużi teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli u ta' ħżin tal-enerġija u qbid u użu tal-karbonju (CCU) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi, u għandu jgħin biex jistimula l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' proġetti mmirati lejn il-qbid, it-trasport u l-ħżin ġeoloġiku (CCS) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent tas-CO2, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi industrijali, u l-qbid dirett tas-CO2 mill-atmosfera bi ħżin sikur, sostenibbli u permanenti (DACS), f'postijiet ġeografikament bilanċjati. Il-Fond għall-Innovazzjoni jista' jappoġġa wkoll teknoloġiji u infrastruttura innovattivi rivoluzzjonarji, inkluża l-produzzjoni ta' fjuwils b'livell baxx jew żero ta' karbonju, għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, tal-avjazzjoni, tat-trasport ferrovjarju u tat-trasport bit-triq, inklużi forom kollettivi ta' trasport bħat-trasport pubbliku u s-servizzi ta' kowċis.

Għall-avjazzjoni, jista' jappoġġa wkoll l-elettrifikazzjoni u azzjonijiet biex jitnaqqsu l-impatti ġenerali tal-avjazzjoni fuq il-klima.

Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti f'setturi koperti mir-Regolament (UE) 2023/956 biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, fis-CCU, fis-CCS, fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħżin tal-enerġija, b'mod li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bil-għan li jingħata, matul il-perjodu mill-2021 sal-2030, lill-proġetti f'dawk is-setturi sehem sinifikanti tal-ekwivalenza fil-valur finanzjarju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1a, ir-raba’ subparagrafu, ta' dan l-Artikolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, qabel l-2027, tista' tvara sejħiet għal proposti ddedikati għas-setturi koperti minn dak ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u għandha tinkludi suġġetti ddedikati għal dak il-fini fis-sejħiet għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni, meta xieraq, inkluż għall-elettrifikazzjoni tat-trasport marittimu, kif ukoll biex jiġi indirizzat l-impatt sħiħ tagħha fuq il-klima, inklużi l-emissjonijiet tal-karbonju iswed. Tali sejħiet għal proposti għandhom ukoll, fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti, iqisu b'mod partikolari il-potenzjal biex tiżdied il-protezzjoni tal-bijodiversità u biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku u tal-ilma minn proġetti u investimenti.

Il-Fond għall-Innovazzjoni, f'konformità mal-paragrafu 8a, jista' jappoġġa proġetti permezz ta' offerti kompetittivi, bħal CDs, CCDs jew kuntratti bi primjum fiss biex jappoġġa teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni li għalihom il-prezz tal-karbonju jista' ma jkunx inċentiv biżżejjed.

Il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u Orizzont Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet Ewropej, u, meta jkun rilevanti, għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u programmi oħrajn tal-Unjoni.

Il-proġetti fit-territorju tal-Istati Membri kollha, inklużi proġetti fuq skala żgħira u fuq skala medja, għandhom ikunu eliġibbli u, għall-attivitajiet marittimi, proġetti b'valur miżjud ċar għall-Unjoni għandhom ikunu eliġibbli. It-teknoloġiji li jirċievu appoġġ għandhom ikunu innovattivi u jkunu għadhom mhux kummerċjalment vijabbli fuq skala simili mingħajr appoġġ, iżda għandhom jirrappreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji jew ikunu maturi biżżejjed għall-applikazzjoni fuq skala prekummerċjali.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond għall-Innovazzjoni jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva. Ir-rikavat mill-irkantar għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *16 ). L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jiġu diżaggregati f'pagamenti akkont annwali fuq diversi snin.

Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa fi proġetti taħt il-Fond għall-Innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istat Membru rikjedenti biex jappoġġa l-isforzi tal-proponenti tal-proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom ħalli jissottomettu applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni ġeografika effettiva fil-Fond għall-Innovazzjoni u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-proġetti ppreżentati. Il-Kummissjoni għandha tipprova tikseb kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità b’rabta mal-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni madwar l-Unjoni u għandha tiżgura monitoraġġ komprensiv tal-progress u segwitu xieraq f’dak ir-rigward.

Soġġett għall-qbil tal-applikanti, wara li tingħalaq sejħa għal proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-applikazzjonijiet għall-finanzjament ta' proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom u għandha tipprovdilhom informazzjoni dettaljata dwar dawk l-applikazzjonijiet sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-Istati Membri tal-appoġġ għall-proġetti. Barra minn hekk, qabel l-għoti tal-appoġġ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar il-lista ta' proġetti magħżula minn qabel.

Il-proġetti għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura tal-għażla trasparenti, b'mod newtrali fir-rigward tat-teknoloġija f'konformità mal-objettivi tal-Fond għall-Innovazzjoni kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn il-proġetti jipprovdu kontribut sinifikanti għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni filwaqt li jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u, fejn ikun rilevanti, il-punt sa fejn il-proġetti jikkontribwixxu biex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ferm taħt il-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafu 2. Il-proġetti għandu jkollhom il-potenzjal għal applikazzjoni mifruxa jew li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-kostijiet tat-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fis-setturi kkonċernati. Għandha tingħata prijorità lit-teknoloġiji u lill-proċessi innovattivi li jindirizzaw bosta impatti ambjentali. Proġetti li jinvolvu s-CCU għandhom iwasslu għal tnaqqis nett fl-emissjonijiet u jiżguraw l-evitar jew il-ħżin permanenti tas-CO2. Fil-każ ta' għotjiet ipprovduti permezz ta' sejħiet għal proposti, jistgħu jiġu appoġġati sa 60 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti, li 40 % minnhom ma hemmx bżonn li jkunu dipendenti fuq l-evitar ivverifikat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, dment li jinkisbu l-istadji ewlenin iddeterminati minn qabel, filwaqt li titqies it-teknoloġija użata. Fil-każ ta' appoġġ ipprovdut permezz ta' offerti kompetittivi u fil-każ ta' appoġġ għal assistenza teknika, jistgħu jiġu appoġġati sa 100 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti. Il-potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet f'bosta setturi offrut minn proġetti kkombinati, inkluż f'żoni fil-qrib, għandu jitqies fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti.

Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond għall-Innovazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jaqsmu l-għarfien ma' proġetti rilevanti oħra kif ukoll ma' riċerkaturi bbażati fl-Unjoni li jkollhom interess leġittimu. It-termini tal-kondiviżjoni tal-għarfien għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f'sejħiet għal proposti.

Is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu miftuħa u trasparenti. Fit-tħejjija tas-sejħiet għal proposti, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li s-setturi kollha jkunu koperti kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura li s-sejħiet jiġu kkomunikati bl-aktar mod wiesa' possibbli, u speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva f’dak li jikkonċerna r-regoli dwar it-tħaddim tal-Fond għall-Innovazzjoni, inklużi l-proċedura u l-kriterji tal-għażla, u s-setturi eliġibbli u r-rekwiżiti teknoloġiċi għat-tipi differenti ta' appoġġ.

L-ebda proġett ma għandu jirċievi appoġġ permezz tal-mekkaniżmu skont dan is-subparagrafu li jaqbeż 15 % tal-għadd totali ta' kwoti disponibbli għal dan l-għan. Dak l-appoġġ għandu jitqies skont il-paragrafu 7.

Sal-31 ta' Diċembru 2023 u kull sena wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fl-Artikolu 22a(1) ta' din id-Direttiva, dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li tipprovdi analiżi tal-proġetti mogħtija finanzjament skont is-settur u skont l-Istat Membru, u l-kontribut mistenni ta’ dawk il-proġetti favur l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tippubblika dak ir-rapport.

(i) 

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"8a.  
Għal CDs u CCDs mogħtija wara l-konklużjoni ta' mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, għandha tiġi pprovduta kopertura xierqa permezz ta’ impenji baġitarji li jirriżultaw mir-rikavati tal-irkantar ta' kwoti disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni u dawk l-impenji baġitarji jistgħu jiġu diżaggregati f'pagamenti akkont annwali fuq diversi snin. Għall-ewwel żewġ ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, il-kopertura tar-responsabbiltà finanzjarja relatata mas-CDs u s-CCDs għandha tkun żgurata bis-sħiħ b'approprjazzjonijiet li jirriżultaw mir-rikavati tal-irkantar ta' kwoti allokati lill-Fond għall-Innovazzjoni skont il-paragrafu 8.

Abbażi ta' valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva mill-Kummissjoni tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' CDs u CCDs, li għandha ssir wara l-konklużjoni tal-ewwel żewġ ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi u kull darba li jkun meħtieġ wara dan f'konformità mal-prinċipju tal-prudenza, skont liema l-assi u l-profitti ma għandhomx jiġu sopravalutati u l-obbligazzjonijiet u t-telf ma għandhomx jiġu sottovalutati, il-Kummissjoni, f'konformità mal-għoti tas-setgħa msemmija fit-tmien subparagrafu, tista' tiddeċiedi li tkopri biss parti mill-obbligazzjoni finanzjarja relatata ma' CDs u CCDs permezz tal-mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu u tkopri l-parti li jifdal permezz ta’ mezzi oħrajn. Il-Kummissjoni għandha timmira li tillimita l-użu ta' mezzi oħra ta' kopertura.

Meta l-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li mezzi oħra ta' kopertura huma meħtieġa biex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-CDs u s-CCDs, il-Kummissjoni għandha timmira għal taħlita bbilanċjata ta' mezzi oħra ta' kopertura. B'deroga mill-Artikolu 210(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-portata tal-użu ta' mezzi oħra ta' kopertura skont l-att delegat previst fit-tmien subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-obbligazzjoni finanzjarja li jifdal għandha tkun koperta biżżejjed, fid-dawl tal-prinċipji tat-Titolu X tar-Regolament (EU, Euratom) 2018/1046, jekk ikun meħtieġ, adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-CDs u s-CCDs, b'deroga mill-Artikolu 209(2), il-punti (d) u (h), l-Artikolu 210(1), l-Artikolu 211(1), (2), (4) u (6), l-Artikoli 212, 213 u 214, l-Artikolu 218(1) u l-Artikolu 219(3) u (6) ta' dak ir-Regolament. Meta jkun applikabbli, mezzi oħra ta' kopertura, ir-rata ta' proviżjonament u d-derogi meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti f'att delegat previst fit-tmien subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tuża aktar minn 30 % tar-rikavati tal-irkantar tal-kwoti allokati lill-Fond għall-Innovazzjoni skont il-paragrafu 8 għall-proviżjonament għas-CDs u s-CCDs.

Ir-rata ta' proviżjonament ma għandhiex tkun inqas minn 50 % tal-obbligazzjoni finanzjarja totali mġarrba mill-baġit tal-Unjoni għas-CDs u s-CCDs. Meta tiġi stabbilita ir-rata ta’ proviżjonament, il-Kummissjoni għandha tqis elementi li jistgħu jnaqqsu r-riskji finanzjarji għall-baġit tal-Unjoni, lil hinn mill-approprjazzjonijiet disponibbli fil-Fond għall-Innovazzjoni, bħall-kondiviżjoni possibbli ta' obbligazzjoni ma' Stati Membri fuq bażi volontarja, jew mekkaniżmu possibbli ta' assigurazzjoni mill-ġdid mis-settur privat. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid ir-rata ta' proviżjonament mill-inqas kull tliet snin mid-data ta' applikazzjoni tal-att delegat li jkun stabbiliha għall-ewwel darba.

Sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet spekulattivi, l-aċċess għall-offerti kompetittivi jista' jsir soġġett għall-pagament mill-applikanti ta' depożitu li għandu jintilef f'każ li l-kuntratt ma jiġix rispettat. Tali depożiti mitlufa għandhom jintużaw għall-Fond għall-Innovazzjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Kwalunkwe kontribuzzjoni mħallsa lill-awtorità awtorizzanti minn benefiċjarju f'konformità mat-termini tas-CD jew tas-CCD fejn il-prezz ta' referenza jkun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar (“reflows”) għandha tintuża għall-Fond għall-Innovazzjoni bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) ta' dak ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta’ din id-Direttiva biex tissupplementa din id-Direttiva sabiex tipprevedi u tagħti dettall dwar mezzi oħra ta' kopertura, jekk ikun hemm, u, meta applikabbli, ir-rata ta' proviżjonament u d-derogi addizzjonali meħtieġa mit-Titolu X tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 kif stabbilit fir-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u barra minn hekk ir-regoli dwar it-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi, b'mod partikolari fir-rigward ta' depożiti u reflows.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-ħames subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi tgħolli l-limitu ta' 30 % msemmi f'dak is-subparagrafu b'mhux aktar minn total ta' 20 punt perċentwali meta jkun meħtieġ biex tirrispondi għal domanda għal CDs u CCDs, filwaqt li tqis l-esperjenza tal-ewwel ċikli tal-mekkaniżmu ta' offerti kompetittivi u filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinstab bilanċ xieraq fl-appoġġ mill-Fond għall-Innovazzjoni bejn l-għotjiet u tali kuntratti.

L-appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkun proporzjonali għall-objettivi ta' politika stabbiliti f'dan l-Artikolu u ma għandux iwassal għal distorsjonijiet indebiti tas-suq intern. Għal dan l-għan, l-appoġġ għandu jingħata biss biex ikopri kostijiet addizzjonali jew riskji ta' investiment li ma jkunux jistgħu jiġġarrbu mill-investituri taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

8b.  
40 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 10 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva għandhom isiru disponibbli għall-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *17 ). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond Soċjali għall-Klima jiġu rkantati fl-2025 f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva u l-att delegat adottat f'konformità ma' dak l-Artikolu. Id-dħul minn dak l-irkantar għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u għandu jintużaw f'konformità mar-regoli applikabbli għall-Fond Soċjali għall-Klima.”
(j) 

il-paragrafu 19 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"19.  
Ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas lil installazzjoni li tkun waqfet topera. L-installazzjonijiet li l-permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra skadielhom jew ġie rtirat u l-installazzjonijiet li għalihom l-operazzjoni jew il-bidu mill-ġdid tal-operazzjoni huma teknikament impossibbli għandhom jitqiesu bħala li waqqfu l-operazzjonijiet."

;

(k) 

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"22.  
Meta jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għall-allokazzjonijiet bla ħlas mogħtija skont l-Artikolu 11(2), tali korrezzjonijiet għandhom jitwettqu bi kwoti minn, jew billi jiżdiedu kwoti ma', l-ammont ta' kwoti mwarrba f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu."

;

(14) 

fl-Artikolu 10b(4), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

"Fi Stat Membru fejn, fuq medja fis-snin mill-2014 sal-2018, is-sehem tal-emissjonijiet tiegħu mit-tisħin distrettwali tat-total tal-Unjoni ta' tali emissjonijiet, diviż bis-sehem ta' PDG ta’ dak l-Istat Membru tal-PDG totali tal-Unjoni huwa akbar minn ħamsa, allokazzjoni addizzjonali bla ħlas ta' 30 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a għandha tingħata lit-tisħin distrettwali għall-perjodu mill-2026 sal-2030, dment li volum ta' investiment ekwivalenti għall-valur ta' dik l-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali jiġi investit biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod sinifikanti qabel l-2030 f'konformità mal-pjanijiet ta' newtralità klimatika msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu u li l-kisba tal-miri u l-istadji importanti msemmija fil-punt (b) ta' dak is-subparagrafu jkun ikkonfermat mill-verifika mwettqa f'konformità mar-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Sal-1 ta' Mejju 2024, l-operaturi tat-tisħin distrettwali għandhom jistabbilixxu pjan ta' newtralità klimatika għall-installazzjonijiet li għalihom japplikaw għal allokazzjoni bla ħlas addizzjonali f'konformità mat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Dak il-pjan għandu jkun konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u għandu jistabbilixxi:

(a) 

miżuri u investimenti biex in-newtralità klimatika tinkiseb sal-2050 fil-livell tal-installazzjonijiet jew tal-kumpaniji, bl-esklużjoni tal-użu ta' krediti ta' kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju;

(b) 

miri u stadji ewlenin intermedji biex, sal-31 ta' Diċembru 2025 u sal-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, jitkejjel il-progress li jkun sar lejn il-kisba tan-newtralità klimatika kif stabbilit fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu;

(c) 

stima tal-impatt ta' kull waħda mill-miżuri u kull wieħed mill-investimenti msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

Il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (b), ta' dan il-paragrafu għandu jiġi vverifikat fir-rigward tal-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2025 u fir-rigward ta' kull perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull ħames sena sussegwenti, f'konformità mal-proċeduri ta' verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15. Ebda kwota bla ħlas lil hinn mill-ammont msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandha tiġi allokata jekk il-kisba tal-miri u l-istadji ewlenin intermedji ma jkunx ġie vverifikat fir-rigward tal-perjodu sa tmiem l-2025 jew fir-rigward tal-perjodu mill-2026 sal-2030.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-kontenut minimu tal-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), ta' dan il-paragrafu u l-format tal-pjanijiet ta' newtralità klimatika msemmija f’dak is-subparagrafu u fl-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji ma' pjanijiet simili kif previst fid-dritt tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).";

(15) 

fl-Artikolu 10c, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.  
L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku u l-operaturi tan-network li jibbenefikaw jirrapportaw, sat-28 ta' Frar ta' kull sena, dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti magħżula tagħhom, inkluż il-bilanċ tal-allokazzjoni bla ħlas u n-nefqa fuq l-investiment imġarrba u t-tipi ta' investimenti appoġġati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar dan lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tagħmel tali rapporti pubbliċi."

;

(16) 

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 10ca

Skadenza iqsar għall-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija

B'deroga mill-Artikolu 10c, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħtu allokazzjoni tranżitorja bla ħlas biss lil installazzjonijiet f'konformità ma' dak l-Artikolu għal investimenti li jsiru qabel il-31 ta' Diċembru 2024. Kwalunkwe kwota disponibbli għall-Istati Membri kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 10c għall-perjodu mill-2021 sal-2030 li ma tintużax għal tali investimenti għandha, fil-proporzjon determinat mill-Istat Membru rispettiv:

(a) 

tiżdied mal-kwantità totali ta' kwoti li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkanta skont l-Artikolu 10(2); jew

(b) 

tintuża biex tappoġġa investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10d, f'konformità mar-regoli applikabbli għad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10d(4).

Sal-15 ta' Mejju 2024, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-ammonti rispettivi ta' kwoti li jridu jintużaw skont l-Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u, b'deroga mill-Artikolu 10d(4), it-tieni sentenza, taħt l-Artikolu 10d."

;

(17) 

l-Artikolu 10d huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.  
Għandu jiġi stabbilit fond biex jappoġġa l-investimenti proposti mill-Istati Membri benefiċjarji, inkluż il-finanzjament ta' proġetti ta' investiment fuq skala żgħira, għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-perjodu mill-2021 sal-2030 (il-"Fond għall-Modernizzazzjoni"). Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-irkantar tal-kwoti kif stabbilit fl-Artikolu 10, għall-Istati Membri benefiċjarji stabbiliti fih.

L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll mal-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" u tar-Regolament (UE) 2021/1119 u mal-objettivi fit-tul kif espressi fil-Ftehim ta' Pariġi. L-Istati Membri benefiċjarji, meta jkun xieraq, jistgħu jużaw ir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni biex jiffinanzjaw investimenti li jinvolvu r-reġjuni tal-fruntiera kontigwi tal-Unjoni. Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni lill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili. Madankollu, id-dħul minn kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4ta' dan l-Artikolu jista' jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi.

Barra minn hekk, id-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta' din id-Direttiva jista', meta l-attività tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *18 ) u tkun debitament ġustifikata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi dment li, għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2027 u, għall-investimenti li jinvolvu użijiet downstream ta' gass, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2028.

(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.  

Mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba' subparagrafu, għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-investimenti f'dawn li ġejjin:

(a) 

il-ġenerazzjoni u l-użu tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, inkluż l-idroġenu rinnovabbli;

(b) 

it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli;

(c) 

it-tnaqqis tal-użu ġenerali tal-enerġija permezz tal-effiċjenza enerġetika, inkluż fl-industrija, fit-trasport, fil-bini, fl-agrikoltura u fl-iskart;

(d) 

il-ħżin tal-enerġija u l-modernizzazzjoni tan-networks tal-enerġija, inklużi l-ġestjoni min-naħa tad-domanda, pipelines tat-tisħin distrettwali, grilji għat-trażmissjoni tal-elettriku, iż-żieda fl-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u l-infrastruttura għal mobilità b'emissjonijiet żero;

(e) 

l-appoġġ għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inkluż f'żoni rurali u remoti, biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u biex jimmodernizzaw is-sistemi tat-tisħin tagħhom; u

(f) 

tranżizzjoni ġusta f'reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jiġu appoġġati r-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija tal-impjiegi u n-negozji ġodda, fi djalogu mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali, b’mod li huwa konsistenti mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istati Membri fil-pjanijiet territorjali tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, u li jikkontribwixxu għalihom, f'konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056, fejn rilevanti."

;

(c) 

il-paragrafu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"11.  
Il-kumitat tal-investiment għandu jirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza bl-evalwazzjoni tal-investimenti, b'mod partikolari f'termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kostijiet tat-tnaqqis. Sal-31 ta' Diċembru 2024, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-kumitat tal-investiment, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-oqsma għall-proġetti msemmija fil-paragrafu 2 u l-bażi li fuqha l-kumitat tal-investiment jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Il-kumitat tal-investiment għandu jara li r-rappport annwali jiġi ppubblikat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill."

;

(18) 

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 10f

Il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti"

Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-dħul ġenerat mill-irkantar tal-kwoti destinati għall-Fond għall-Innovazzjoni skont l-Artikolu 10a(8) ta’ din id-Direttiva, u tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet u r-raba' subparagrafi, ta’ din id-Direttiva, f'konformità mal-kriterji "la tagħmilx ħsara sinifikanti" stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, meta jintuża tali dħul għal attività ekonomika li għaliha jkunu ġew stabbiliti kriterji ta' skrinjar tekniku skont l-Artikolu 10(3), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali rilevanti."

;
(19) 

fl-Artikolu 11(2), id-data "28 ta' Frar" hija sostitwita bit-"30 ta' Ġunju";

(20) 

it-titolu tal-Kapitolu IV huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-Installazzjonijiet tal-Avjazzjoni, tat-Trasport Marittimu u dawk Stazzjonarji";

(21) 

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti maħruġa minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor jiġu rikonoxxuti għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi ta' operatur, ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jew ta' kumpanija tat-tbaħħir skont il-paragrafu 3."

;

(b) 

il-paragrafu 2a huwa mħassar;

(c) 

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.  

L-Istati Membri, l-Istati Membri amministrattivi u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandhom jiżguraw li, sat-30 ta' Settembru ta' kull sena:

(a) 

l-operatur ta' kull installazzjoni jċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali minn dik l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 15;

(b) 

kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 15;

(c) 

kull kumpanija tat-tbaħħir iċċedi għadd ta' kwoti li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tagħha matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikolu 3ge.

L-Istati Membri, l-Istati Membri amministrattivi u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti f'konformità mal-ewwel subparagrafu jiġu sussegwentement ikkanċellati."

;

(d) 

il-paragrafi li ġejjin jiddaħħlu wara l-paragrafu 3:

"3-e.  
B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu jċedu 5 % inqas kwoti mill-emissjonijiet ivverifikati tagħhom rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn bastimenti tal-kategorija tas-silġ, dment li tali bastimenti jkollhom il-klassi tas-silġ IA jew IA Super jew klassi tas-silġ ekwivalenti, stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni 25/7 tal-HELCOM.

Meta jiġu ċeduti inqas kwoti meta mqabbla mal-emissjonijiet ivverifikati, ladarba tkun ġiet stabbilita d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati u l-kwoti ċeduti fir-rigward ta' kull sena, ammont ta' kwoti li jikkorrispondi għal dik id-differenza għandu jiġi kkanċellat aktar milli rkantat skont l-Artikolu 10.

3-d.  
B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 16, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddisponi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li r-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet huma ssodisfati u li ma għandhom jieħdu ebda azzjoni kontra kumpaniji tat-tbaħħir fir-rigward tal-emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri, għajr bastimenti tal-kruċieri, u minn bastimenti ro-ro tal-passiġġieri, bejn port ta' gżira taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dak l-Istat Membru rikjedenti, mingħajr konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-kontinent u b’ popolazzjoni ta' inqas minn 200 000 resident permanenti skont l-aħjar data l-aktar riċenti disponibbli fl-2022, u port taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dak l-istess Stat Membru, u mill-attivitajiet, f’port, ta’ tali bastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi..

Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-gżejjer imsemmija fl-ewwel subparagrafu u l-portijiet ikkonċernati u żżomm dik il-lista aġġornata.

3-c.  
B'deroga mill-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 16, il-Kummissjoni, fuq talba konġunta ta' żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom ma għandux fruntiera fuq l-art ma' Stat Membru ieħor u l-Istat Membru l-ieħor ikun l-Istat Membru ġeografikament l-iktar qrib tal-Istat Membru mingħajr tali fruntiera fuq l-art, għandha tiddisponi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li r-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet huma ssodisfati u li ma għandhom jieħdu ebda azzjoni kontra kumpaniji tat-tbaħħir fir-rigward tal-emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri jew bastimenti ro-ro tal-passiġġieri fil-qafas ta' kuntratt ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali jew obbligu ta' servizz pubbliku tranżnazzjonali, stabbilit fit-talba konġunta, li jgħaqqdu ż-żewġ Stati Membri, u mill-attivitajiet, f'port, minn talibastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi.
3-b.  
Ma għandux jinħoloq obbligu ta' ċediment tal-kwoti fir-rigward ta' emissjonijiet li jiġu rilaxxati sal-31 ta' Diċembru 2030 minn vjaġġi bejn port li jinsab f'reġjun ultraperiferiku ta' Stat Membru u port li jinsab fl-istess Stat Membru, inklużi vjaġġi bejn portijiet f’reġjun ultraperiferiku u vjaġġ bejn portijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru, u mill-attivitajiet, f’port, minn tali bastimenti fir-rigward ta' tali vjaġġi."

;

(e) 

il-paragrafu 3-a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3-a.  
Fejn meħtieġ, u sakemm ikun meħtieġ, sabiex tiġi mħarsa l-integrità ambjentali tal-EU ETS, l-operaturi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u l-kumpaniji tat-tbaħħir fl-EU ETS għandhom ikunu pprojbiti milli jużaw il-kwoti li jinħarġu minn Stat Membru li fir-rigward tagħhom hemm obbligi li jiskadu għall-operaturi, għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-kumpaniji tat-tbaħħir. L-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(3) għandhom jinkludu l-miżuri meħtieġa fil-każijiet imsemmija f'dan il-paragrafu."

;

(f) 

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3b.  
Ma għandux jinħoloq obbligu ta' ċediment tal-kwoti fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw b’tali mod li ikunu saru kimikament marbuta b'mod permanenti fi prodott hekk li f'kundizzjonijiet ta' użu normali ma jidħlux fl-atmosfera, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti biex tikkunsidra li l-gassijiet serra jkunu saru kimikament marbuta b'mod permanenti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

;

(g) 

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kwoti huma kkanċellati fi kwalunkwe waqt fuq talba tal-persuna li jkunu fil-pussess tagħha. F'każ tal-għeluq tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tagħhom minħabba miżuri nazzjonali addizzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkanċellaw kwoti, u huma mħeġġa ferm jagħmlu dan, mill-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minnhom imsemmija fl-Artikolu 10(2) sa ammont li jikkorrispondi għall-medja tal-emissjonijiet verifikati tal-installazzjoni kkonċernata matul perjodu ta' ħames snin qabel l-għeluq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar tali kanċellazzjoni ppjanata, jew dwar ir-raġunijiet għal nuqqas ta' kanċellazzjoni, f'konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4)."

;

(22) 

fl-Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni rigward l-arranġamenti dettaljati għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u, meta jkun rilevanti, id-data dwar l-attività, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva, u l-effetti tal-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni fuq rotot li għalihom l-emissjonijiet jiġu rrapportati fl-ambitu ta' din id-Direttiva, li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar stabbiliti fl-Anness IV ta' din id-Direttiva u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ukoll il-potenzjal ta' tisħin globali ta' kull gass serra u jqisu l-għarfien xjentifiku aġġornat dwar l-effetti tal-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet u l-effetti tagħhom, inklużi l-effetti tel-emissjonijiet li mhumiex CO2 tal-avjazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, sabiex tali bijomassa jkollha rata żero. Huma għandhom jispeċifikaw kif għandu jitqies il-ħżin tal-emissjonijiet minn taħlita ta' sorsi b'rata żero u sorsi mhux b'rata żero. Huma għandhom jispeċifikaw ukoll kif għandhom jitqiesu l-emissjonijiet minn fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika u fjuwils tal-karbonju riċiklati, filwaqt li jiżguraw li jitqiesu tali emissjonijiet u li jiġi evitat għadd doppju.”;

(23) 

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi, tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-kumpaniji tat-tbaħħir li qegħdin jiksru r-rekwiżiti li jċedu biżżejjed kwoti skont din id-Direttiva."

;

(b) 

fil-paragrafu 3, id-data "30 ta' April" hija sostitwita bit-"30 ta' Settembru";

(c) 

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"3a.  
Il-penali stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tal-kumpaniji tat-tbaħħir."

;

(d) 

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"11a.  
Fil-każ ta' kumpanija tat-tbaħħir li tkun naqset milli tikkonforma mal-obbligi ta' ċediment għal żewġ perjodi ta' rapportar konsekuttivi jew aktar, u fejn miżuri ta' infurzar oħrajn ikunu naqsu milli jiżguraw il-konformità, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tad-dħul tista', wara li tagħti l-opportunità lill-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, toħroġ ordni ta' tkeċċija, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' tkeċċija, kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija tat-tbaħħir ikkonċernata fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta' ċediment tagħha f'konformità mal-Artikolu 12. Meta l-bastiment itajjar il-bandiera ta' Stat Membru u jidħol jew jinstab f'wieħed mill-portijiet tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija tat-tbaġġir ikkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, għandu jżomm il-bastiment sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta’ ċediment tagħha.

Meta bastiment li jtajjar ta’ kumpanija ta’ tbaħħir kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tinstab f'wieħed mill-portijiet tal-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija ta’ tbaħħir kkonċernata biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, jista' joħroġ ordni ta' detenzjoni tal-Istat tal-bandiera sakemm il-kumpanija tat-tbaħħir tissodisfa l-obbligi ta’ ċediment tagħha. Għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-EMSA u lill-Istati Membri l-oħra b'dan. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' detenzjoni tal-Istat tal-bandiera, kull Stat Membru għandu jieħu l-istess miżuri bħal dawk li huma meħtieġa wara l-ħruġ ta’ ordni ta' tkeċċija f'konformità mal-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli marittimi internazzjonali applikabbli fil-każ ta' bastimenti f'diffikultà."

;

(24) 

l-Artikolu 18b huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 18b

Assistenza mill-Kummissjoni, mill-ESMA u minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn

1.  
Għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3c(4) u l-Artikoli 3g, 3gd, 3ge, 3gf, 3gg u 18a, il-Kummissjoni, l-Istat Membru amministrattiv u l-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' kumpanija tat-tbaħħir jistgħu jitolbu l-assistenza tal-EMSA jew ta' organizzazzjoni rilevanti oħra u jistgħu jikkonkludu, għal dak l-għan, kwalunkwe ftehim xieraq ma' dawk l-organizzazzjonijiet.
2.  
Il-Kummissjoni, assistita mill-EMSA, għandha tagħmel ħilitha biex tiżviluppa għodod u gwida xierqa biex tiffaċilita u tikkoordina l-attivitajiet ta' verifika u infurzar relatati mal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għat-trasport marittimu. Sa fejn ikun prattikabbli, tali gwida u għodod għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri u l-verifikaturi għal finijiet ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u sabiex jiġi żgurat aħjar infurzar robust tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva."

;

(25) 

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), fl-Artikolu 10(4), fl-Artikolu 10a(1), (8) u (8a), fl-Artikolu 10b(5), fl-Artikolu 12(3b), fl-Artikolu 19(3), fl-Artikolu 22, fl-Artikolu 24(3), fl-Artikolu 24a(1), fl-Artikolu 25a(1), fl-Artikolu 28c u fl-Artikolu 30j(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mit-8 ta' April 2018.
3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), fl-Artikolu 10(4), fl-Artikolu 10a(1), (8) u (8a), fl-Artikolu 10b(5), fl-Artikolu 12(3b), fl-Artikolu 19(3), fl-Artikolu 22, fl-Artikolu 24(3), fl-Artikolu 24a(1), fl-Artikolu 25a(1), fl-Artikolu 28c u fl-Artikolu 30j(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ."

;

(b) 

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 3c(6), l-Artikolu 3d(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 10a(1), (8) jew (8a) l-Artikolu 10b(5), l-Artikolu 12(3b), l-Artikolu 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 24a(1), l-Artikolu 25a(1), l-Artikolu 28c jew l-Artikolu 30j(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

;

(26) 

l-Artikolu 29 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 29

Rapport biex jiġi żgurat il-funzjonament aħjar tas-suq tal-karbonju

Jekk ir-rapporti regolari dwar is-suq tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10(5) u (6) ikun fihom evidenza li s-suq tal-karbonju mhuwiex jiffunzjona tajjeb, il-Kummissjoni, fi żmien perjodu ta' tliet xhur, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista' jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposti leġiżlattivi bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-integrità tas-suq tal-karbonju, inklużi s-swieq tad-derivattivi relatati, u li jiġu indirizzati l-miżuri korrettivi biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu kif ukoll biex jissaħħu l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet ta' abbuż tas-suq."

;
(27) 

l-Artikolu 29a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 29a

Miżuri f'każ ta' fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet

1.  
Jekk il-prezz medju tal-kwoti għas-sitt xhur kalendarji preċedenti jkun aktar minn 2,4 darbiet il-prezz medju tal-kwoti għall-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti, għandhom jiġu rilaxxati 75 miljun kwota mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f'konformità mal-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Il-prezz tal-kwoti msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu, għall-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III, ikun il-prezz tal-irkantijiet imwettqa f'konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4).

Il-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-perjodu ta' sentejn li jintemm qabel l-ewwel xahar tal-perjodu ta' sitt xhur kalendarji msemmi f'dak is-subparagrafu.

Meta l-kundizzjoni fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu tiġi ssodisfata u l-paragrafu 2 ma jkunx applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'dak ir-rigward f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika d-data li fiha l-kundizzjoni ġiet issodisfata.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fl-ewwel tlett ijiem tax-xogħol ta' kull xahar il-prezz medju tal-kwoti għas-sitt xhur kalendarji preċedenti u l-prezz medju tal-kwoti għall-perjodu ta' referenza tas-sentejn preċedenti. Jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tiġix issodisfata, il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll il-livell li l-prezz medju tal-kwoti jkollu jilħaq fix-xahar ta' wara sabiex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni msemmija f'dak is-subparagrafu.

2.  
Meta l-kundizzjoni għar-rilaxx ta' kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont il-paragrafu 1 tkun ġiet issodisfata, il-kundizzjoni msemmija f'dak il-paragrafu ma għandhiex titqies li reġgħet ġiet issodisfata sa mill-inqas tnax-il xahar wara tmiem ir-rilaxx preċedenti.
3.  
L-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(4)."

;

(28) 

l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.  
Din id-Direttiva għandha tibqa' tiġi rieżaminata fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u l-isforzi mwettqa biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, u ta’ kwalunkwe impenn rilevanti li jirriżulta mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima."

;

(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.  
Il-miżuri biex jiġu appoġġati ċerti industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu ikunu soġġetti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju msemmija fl-Artikoli 10a u 10b ta' din id-Direttiva għandhom ukoll jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-miżuri ta' politika dwar it-tibdil fil-klima f'ekonomiji ewlenin oħra. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll jekk il-miżuri marbuta mal-kumpens ta' kostijiet indiretti għandhomx jiġu armonizzati aktar. Il-miżuri applikabbli għas-setturi tas-CBAM għandhom jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956. Qabel l-1 ta' Jannar 2028, u kull sentejn wara dik id-data, bħala parti mir-rapporti tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 30(6) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-CBAM fuq ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, inkluż fir-rigward tal-esportazzjonijiet.

Ir-rapport għandu jivvaluta l-ħtieġa li jittieħdu miżuri addizzjonali, inkluż miżuri leġiżlattivi, biex jiġu indirizzati r-riskji ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rapport, meta jkun xieraq, għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva."

;

(c) 

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.  
Il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest ta' kull rendikont globali miftiehem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl tat-tnaqqis meħtieġ ta' gassijiet serra mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż fir-rigward tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tista' tagħmel proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tiġi emendata, b'mod partikolari sabiex tkun żgurata l-konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 u l-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament. Meta tagħmel il-proposti leġiżlattivi tagħha, il-Kummissjoni għandha, għal dak il-għan, tikkunsidra, fost oħrajn, l-baġit indikattiv proġettat tal-Unjoni għall-gassijiet serra għall-perjodu mill-2030 sal-2050 kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament."

;

(d) 

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"5.  

Sal-31 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwistjonijiet li ġejjin, akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposta leġiżlattiva u valutazzjoni tal-impatt:

(a) 

kif l-emissjonijiet negattivi li jirriżultaw mill-gassijiet serra li jitneħħew mill-atmosfera u jinħażnu b'mod sikur u permanenti jistgħu jitqiesu u kif dawk l-emissjonijiet negattivi jistgħu jiġu koperti bl-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, jekk ikun xieraq, inkluż kamp ta' applikazzjoni ċar u kriterji stretti għal tali kopertura, u salvagwardji biex jiġi żgurat li tali assorbimenti ma jikkumpensawx it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet f'konformità mal-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119;

(b) 

il-fattibbiltà li, mill-2031, jitbaxxew il-limiti tal-input termiku nominali totali ta' 20 MW għall-attivitajiet fl-Anness I;

(c) 

jekk l-emissjonijiet kollha ta' gassijiet serra koperti minn din id-Direttiva humiex effettivament meqjusa, u jekk l-għadd doppju huwiex effettivament evitat; b'mod partikolari, għandha tivvaluta l-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw fi prodott b'mod differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 12(3b).

6.  
Meta tirrieżamina din id-Direttiva, f'konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tanalizza kif jistgħu jiġu stabbiliti rabtiet bejn l-EU ETS u swieq oħra tal-karbonju, mingħajr ma xxekkel il-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika u tal-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119.
7.  
Sal-31 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-inklużjoni tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali fl-EU ETS, inkluż bil-ħsieb tal-inklużjoni tagħhom mill-2028 u b'valutazzjoni tal-ħtieġa potenzjali ta' għażla ta' nonparteċipazzjoni għal Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2030. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tqis l-importanza li s-setturi kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u d-devjazzjoni potenzjali tal-iskart lejn ir-rimi b’rimi f'landfill fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-iskart lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, għandha tqis kriterji rilevanti bħall-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali, l-allinjament mal-objettivi tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *19 ) u r-robustezza u l-eżattezza fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kalkolu tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva, għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jiġu applikati għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti addizzjonali fir-rigward tal-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali, u biex jiġu evitati devjazzjoni potenzjali tal-iskart.

Fir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-possibbiltà li tinkludi proċessi oħra ta' mmaniġġjar tal-iskart fl-EU ETS, b'mod partikolari landfills li joħolqu emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż fl-Unjoni. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tista' wkoll takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex tinkludi tali proċessi oħra ta' mmaniġġjar tal-iskart fl-EU ETS.

(29) 

il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 30:

"Kapitolu IVa

Sistema ta' Skambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet għas-Setturi tal-Bini, tat-Trasport bit-Triq u oħrajn addizzjonali

Artikolu 30a

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għall-ħruġ u għaċ-ċediment ta' kwoti, għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika fir-rigward tal-attività msemmija fl-Anness III. Dan il-Kapitolu ma għandu japplika għall-ebda emissjoni koperta mill-Kapitoli II u III.

Artikolu 30b

Permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2025, l-ebda entità regolata ma twettaq l-attività msemmija fl-Anness III, sakemm dik l-entità regolata ma jkollhiex permess maħruġ minn awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
2.  

Applikazzjoni lill-awtorità kompetenti mill-entità regolata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont dan il-Kapitolu għandha tinkludi, mill-inqas, deskrizzjoni ta':

(a) 

l-entità regolata;

(b) 

it-tip ta' fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum u li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III u l-mezzi li permezz tagħhom tirrilaxxa dawk il-fjuwils għall-konsum;

(c) 

l-użu/ jew l-użi finali tal-fjuwils rilaxxati għall-konsum għall-attività msemmija fl-Anness III;

(d) 

il-miżuri ppjanati għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet, f'konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 30f;

(e) 

sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu.

3.  
L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni lill-entità regolata msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-attività msemmija fl-Anness III, jekk tkun sodisfatta li l-entità hija kapaċi timmonitorja u tirrapporta l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III.
4.  

Il-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra għandu jkun fihom, mill-inqas, dawn li ġejjin:

(a) 

l-isem u l-indirizz tal-entità regolata;

(b) 

deskrizzjoni tal-mezzi li bihom l-entità regolata tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum fis-setturi koperti minn dan il-Kapitolu;

(c) 

lista tal-fjuwils li l-entità regolata tirrilaxxa għall-konsum fis-setturi koperti minn dan il-Kapitolu;

(d) 

pjan ta' monitoraġġ li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14;

(e) 

ir-rekwiżiti ta' rapportar stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14;

(f) 

obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti, maħruġa taħt dan il-Kapitolu, ugwali għall-emissjonijiet totali f'kull sena kalendarja, kif ivverifikati f'konformità mal-Artikolu 15, u sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 30e(2).

5.  
L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entitajiet regolati jaġġornaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ mingħajr ma jbiddlu l-permess. L-entitajiet regolati għandhom jissottomettu kwalunkwe pjan ta' monitoraġġ aġġornat lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.
6.  
L-entità regolata għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla ppjanata fin-natura tal-attività tagħha jew fil-fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum, li tista' tirrikjedi aġġornament tal-permess għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Meta jkun xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess f'konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14. Meta jkun hemm bidla fl-identità tal-entità regolata koperta minn dan il-Kapitolu, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess biex ikun jinkludi l-isem u l-indirizz tal-entità regolata l-ġdida.

Artikolu 30c

Il-kwantità tal-kwoti fl-Unjoni kollha

1.  
Il-kwantità ta' kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2027 għandha tibda tonqos b'mod lineari mill-2024. Il-valur tal-2024 għandu jiġi definit bħala l-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkolati abbażi tal-emissjonijiet ta' referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *20 ) għas-setturi koperti minn dan il-Kapitolu u bl-applikazzjoni tat-trajettorja lineari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kollha fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. Il-kwantità għandha tonqos kull sena wara l-2024 b'fattur ta' tnaqqis lineari ta' 5,10 %. Sal-1 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għas-sena 2027.
2.  
Il-kwantità ta' kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2028 għandha tonqos b'mod lineari mill-2025 abbażi tal-emissjonijiet medji rrapportati skont dan il-Kapitolu għas-snin mill-2024 sal-2026. Il-kwantità ta' kwoti għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari ta' 5,38 %, ħlief jekk japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IIIa, f'liema każ il-kwantità għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IIIa. Sat-30 ta' Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għall-2028 u, jekk ikun meħtieġ, il-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat.
3.  
Il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha maħruġa taħt dan il-Kapitolu għandha tiġi aġġustata għal kull sena mill-2028 biex tiġi kkumpensata l-kwantità ta' kwoti ċeduti f'każijiet li fihom ma kienx possibbli li jiġi evitat l-għadd doppju tal-emissjonijiet jew li fihom il-kwoti jkunu ġew ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu kif imsemmi fl-Artikolu 30f(5). L-aġġustament għandu jikkorrispondi għall-ammont totali ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu li ġew ikkumpensati fis-sena ta' rapportar rilevanti skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 30f(5), it-tieni subparagrafu.
4.  
Stat Membru li, skont l-Artikolu 30j, unilateralment estenda l-attività msemmija fl-Anness III għal setturi li mhumiex elenkati f’dak l-Anness għandu jiżgura li l-entitajiet regolati kkonċernati jippreżentaw, sat-30 ta' April tas-sena rilevanti, lill-awtorità kompetenti rilevanti, rapport debitament sostanzjat f'konformità mal-Artikolu 30f. Jekk id-data ppreżentata tkun debitament sostanzjata, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dan sat-30 ta' Ġunju tas-sena rilevanti. Il-kwantità ta' kwoti li jridu jinħarġu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi aġġustata filwaqt li jitqies ir-rapport debitament sostanzjat ppreżentat mill-entitajiet regolati.

Artikolu 30d

L-irkantar ta' kwoti għall-attività msemmija fl-Anness III

1.  
Mill-2027, il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati, sakemm ma jitqegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. Il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati separatament mill-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III ta' din id-Direttiva.
2.  
L-irkantar tal-kwoti skont dan il-Kapitolu għandu jibda fl-2027 b'ammont li jikkorrispondi għal 130 % tal-volumi tal-irkant għall-2027 stabbiliti abbażi tal-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għal dik is-sena u l-ishma u l-volumi tal-irkant rispettivi skont il-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu. It- 30 % addizzjonali li jridu jiġu rkantati għandhom jintużaw biss biex jiġu ċeduti l-kwoti skont l-Artikolu 30e(2) u jistgħu jiġu rkantati sal-31 ta' Mejju 2028. It-30 % addizzjonali għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkant għall-perjodu mill-2029 sal-2031. Il-kundizzjonijiet għall-irkantijiet previsti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu u mal-Artikolu 10(4).

Fl-2027, għandhom jinħolqu 600 miljun kwota koperti minn dan il-Kapitolu bħala parteċipazzjonijiet fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq skont l-Artikolu 1a(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

3.  
Għandhom jiġu rkantati 150 miljun kwota maħruġa taħt dan il-Kapitolu u d-dħul kollu minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 sal-2032.
4.  
Mill-ammont ta' kwoti li jifdal u sabiex jiġi ġġenerat, flimkien mad-dħul mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 10a(8b) ta’ din id-Direttiva, ammont massimu ta' EUR 65 000 000 000 , il-Kummissjoni għandha tiżgura li ammont addizzjonali ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu jiġi rkantat u d-dħul ġenerat minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/955 sal-2032.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond Soċjali għall-Klima msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u f'dan il-paragrafu jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet msemmija fl-Artikolu 10(4) u fl-atti delegati adottati skont dak l-Artikolu.

Id-dħul mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u f'dan il-paragrafu għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u għandu jiġi użat f'konformità mar-regoli applikabbli għall-Fond Soċjali għall-Klima.

L-ammont annwali allokat għall-Fond Soċjali għall-Klima f'konformità mal-Artikolu 10a(8b), il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż:

(a) 

għall-2026, EUR 4 000 000 000 ;

(b) 

għall-2027, EUR 10 900 000 000 ;

(c) 

għall-2028, EUR 10 500 000 000 ;

(d) 

għall-2029, EUR 10 300 000 000 ;

(e) 

għall-2030, EUR 10 100 000 000 ;

(f) 

għall-2031, EUR 9 800 000 000 ;

(g) 

għall-2032, EUR 9 400 000 000 .

Meta s-sistema ta’ skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita f'konformità ma' dan il-Kapitolu tiġi posposta sal-2028 skont l-Artikolu 30k, l-ammont massimu li jrid jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun ta' EUR 54 600 000 000 . F'tali każ, l-ammonti annwali allokati għall-Fond Soċjali għall-Klima ma għandhomx jaqbżu kumulattivament għas-snin 2026 u 2027, EUR 4 000 000 000 , u għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2028 sal-31 ta' Diċembru 2032, l-ammont annwali rilevanti ma għandux jaqbeż:

(a) 

għall-2028, EUR 11 400 000 000 ;

(b) 

għall-2029, EUR 10 300 000 000 ;

(c) 

għall-2030, EUR 10 100 000 000 ;

(d) 

għall-2031, EUR 9 800 000 000 ;

(e) 

għall-2032, EUR 9 000 000 000 .

Meta d-dħul iġġenerat mill-irkantar imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jiġi stabbilit bħala riżorsa proprja f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE, l-Artikolu 10(8b) ta' din id-Direttiva, il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw.

5.  
Il-kwantità totali tal-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu wara li jitnaqqsu l-kwantitajiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri u distribwiti bejniethom f'ishma li jkunu identiċi għas-sehem tal-emissjonijiet ta' referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 għall-kategoriji ta' sorsi ta' emissjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu, il-punti (b), (c) u (d), tal-Anness III ta' din id-Direttiva għall-medja tal-perjodu mill-2016 sal-2018 tal-Istat Membru kkonċernat, kif rieżaminati b'mod komprensiv skont l-Artikolu 4(3) ta' dak ir-Regolament.
6.  

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul li jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jew id-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul tagħhom jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta' dak id-dħul għal wieħed jew aktar mill-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3) ta' din id-Direttiva, filwaqt li jagħtu prijorità lil attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet taħt dan il-Kapitolu, jew għal wieħed jew aktar mill-punti li ġejjin:

(a) 

miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-bini jew għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-bini, inkluża l-integrazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli u miżuri relatati f’konformità mal-Artikolu 7(11) u l-Artikoli 12 u 20 tad-Direttiva 2012/27/UE, kif ukoll miżuri li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx f'bini bl-agħar rendiment;

(b) 

miżuri maħsuba biex jaċċelleraw l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet żero jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-introduzzjoni ta' infrastruttura kompletament interoperabbli tar-riforniment tal-fjuwil u tal-irriċarġjar għal vetturi b'emissjonijiet żero, jew miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu transizzjoni lejn it-trasport pubbliku u jtejbu l-multimodalità, jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali li jikkonċernaw l-utenti tat-trasport bi dħul baxx u medju;

(c) 

biex jiffinanzjaw il-Pjan Soċjali għall-Klima tagħhom f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2023/955;

(d) 

biex jipprovdu kumpens finanzjarju lill-konsumaturi finali tal-fjuwils f'każijiet li fihom ma kienx possibbli li jiġi evitat l-għadd doppju tal-emissjonijiet jew li fihom il-kwoti ġew ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu kif imsemmi fl-Artikolu 30f(5).

L-Istati Membri għandhom jitqiesu li ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu jekk ikollhom fis-seħħ u jimplimentaw politiki ta' appoġġ fiskali jew finanzjarju jew politiki regolatorji li jimmassimizzaw l-appoġġ finanzjarju, stabbiliti għall-finijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u li jkollhom valur ekwivalenti għad-dħul imsemmi f'dak is-subparagrafu ġġenerat mill-irkantar tal-kwoti kif imsemmi f'dan il-Kapitolu.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul u l-azzjonijiet meħuda skont dan il-paragrafu billi jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti tagħhom sottomessi skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

7.  
L-Artikolu 10(4) u (5) għandhom japplikaw għall-kwoti maħruġa skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 30e

It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti

1.  

L-Artikolu 12 għandu japplika għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 3 u 3a, il-paragrafu 4, it-tieni u t-tielet sentenza, u l-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu. Għal dak il-fini:

(a) 

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b) 

kwalunkwe referenza għal operaturi tal-installazzjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(c) 

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu.

2.  
Mill-1 ta' Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, l-entità regolata ċċedi ammont ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu li huwa ugwali għall-emissjonijiet totali tal-entità regolata, li jikkorrispondu għall-kwantità ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III, matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikat f'konformità mal-Artikoli 15 u 30f, u li dawk il-kwoti sussegwentement jiġu kkanċellati.
3.  

Sal-31 ta' Diċembru 2030, b'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, meta entità regolata stabbilita fi Stat Membru partikolari tkun soġġetta għal taxxa nazzjonali fuq il-karbonju fis-seħħ għas-snin 2027 sa 2030, li tkopri l-attività msemmija fl-Anness III, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista' teżenta lil dik l-entità regolata mill-obbligu li ċċedi l-kwoti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal sena ta' referenza partikolari, dment li:

(a) 

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dik it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju, sal-31 ta' Diċembru 2023, u l-liġi nazzjonali li tistabbilixxi r-rati tat-taxxa applikabbli għas-snin 2027 sa 2030, sa dik id-data, tkun daħlet fis-seħħ; l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fit-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju;

(b) 

għas-sena ta' referenza, it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju tal-Istat Membru kkonċernat effettivament imħallsa minn dik l-entità regolata tkun ogħla mill-prezz medju mill-ikklerjar f'irkant tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita skont dan il-Kapitolu;

(c) 

l-entità regolata tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi skont l-Artikolu 30b dwar il-permessi għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-Artikolu 30f dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tagħha;

(d) 

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe eżenzjoni bħal din u l-ammont korrispondenti ta' kwoti li jridu jiġu kkanċellati f'konformità mal-punt (g) ta' dan is-subparagrafu u l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4), sal-31 ta' Mejju tas-sena wara s-sena ta' referenza;

(e) 

il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga għar-raġuni li l-miżura nnotifikata ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, fi żmien tliet xhur minn notifika skont il-punt (a) ta' dan is-subparagrafu jew fi żmien xahar min-notifika għas-sena rilevanti skont il-punt (d) ta' dan is-subparagrafu;

(f) 

l-Istat Membru kkonċernat ma jirkantax l-ammont ta' kwoti msemmija fl-Artikolu 30d(5) għal sena ta' referenza partikolari sakemm l-ammont ta' kwoti li trid tiġi kkanċellata skont dan il-paragrafu tiġi ddeterminata f'konformità mal-punt (g) ta' dan is-subparagrafu; l-Istat Membru kkonċernat ma għandu jirkanta l-ebda ammont addizzjonali ta' kwoti skont l-Artikolu 30d(2), l-ewwel subparagrafu;

(g) 

l-Istat Membru kkonċernat jikkanċella ammont ta' kwoti mill-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minnu kif imsemmi fl-Artikolu 30d(5), għas-sena ta' referenza, li jkun ugwali għall-emissjonijiet ivverifikati ta' dik l-entità regolata skont dan il-Kapitolu għas-sena ta' referenza; meta l-ammont ta' kwoti li jkun għad irid jiġi rkantat fis-sena ta' referenza wara l-applikazzjoni tal-punt (f) ta' dan is-subparagrafu jkun inqas mill-ammont ta' kwoti li għandu jiġi kkanċellat skont dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li jikkanċella l-ammont ta' kwoti li jikkorrispondi għad-differenza sa tmiem is-sena ta' wara s-sena ta' referenza; u

(h) 

l-Istat Membru kkonċernat jimpenja ruħu, fil-mument tal-ewwel notifika skont il-punt (a) ta' dan is-subparagrafu, li juża għal waħda jew aktar mill-miżuri elenkati jew imsemmija fl-Artikolu 30d(6), l-ewwel subparagrafu, ammont ekwivalenti għad-dħul li għalih kien japplika l-Artikolu 30d(6) fin-nuqqas ta' din id-deroga; l-Artikolu 30d(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi, għandhom japplikaw u l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li tirċievi skont dan tkun konformi mal-impenn meħud skont dan il-punt.

L-ammont ta' kwoti li jridu jiġu kkanċellati skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (g), ta' dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa d-dħul assenjat estern stabbilit skont l-Artikolu 30d(4) ta' din id-Direttiva jew, meta jkun stabbilit skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE, ir-riżorsi proprji tal-baġit tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 ( *21 ) mid-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti f’konformità mal-Artikolu 30d ta’ din id-Direttiva.

4.  
L-isptarijiet li mhumiex koperti mill-Kapitolu III jistgħu jingħataw kumpens finanzjarju għall-kost li jiġi ttrasferit lilhom minħabba ċ-ċediment ta’ kwoti skont dan il-Kapitolu. Għal dak il-għan, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu applikabbli għal każijiet ta’ għadd doppju għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 30f

Il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika tal-emissjonijiet u l-akkreditazzjoni

1.  

L-Artikoli 14 u 15 għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu. Għal dak il-fini:

(a) 

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b) 

kwalunkwe referenza għal attività elenkata fl-Anness I għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-attività msemmija fl-Anness III;

(c) 

kwalunkwe referenza għal operaturi għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(d) 

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu;

(e) 

ir-referenza għad-data fl-Artikolu 15 għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għat-30 ta’ April.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità regolata timmonitorja, għal kull sena kalendarja mill-2025, l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum skont l-Anness III. Huma għandhom jiżguraw ukoll li kull entità regolata tirrapporta dawk l-emissjonijiet lill-awtorità kompetenti fis-sena ta’ wara, billi tibda mill-2026, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1).
3.  
Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April kull sena sal-2030, kull entità regolata tirrapporta s-sehem medju ta’ kostijiet relatati maċ-ċediment ta’ kwoti skont dan il-Kapitolu li tkun ttrasferiet lill-konsumaturi għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw ir-rekwiżiti u l-mudelli għal dawk ir-rapporti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2). Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rapporti sottomessi u tirrapporta s-sejbiet tagħha kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta’ l-Kummissjoni ssib li jeżistu prattiki mhux korretti fir-rigward tat-trasferiment tal-kostijiet tal-karbonju, ir-rapport, meta ikun xieraq, jista’ jkun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi bl-għan li jindirizzaw tali prattiki mhux korretti.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità regolata li jkollha permess f’konformità mal-Artikolu 30b fl-1 ta’ Jannar 2025 tirrapporta l-emissjonijiet storiċi tagħha għas-sena 2024 sat-30 ta’ April 2025.
5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet regolati jkunu jistgħu jidentifikaw u jiddokumentaw b’mod affidabbli u eżatt, għal kull tip ta’ fjuwil, il-kwantitajiet preċiżi ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum, li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III, u l-użu finali tal-fjuwils rilaxxati għall-konsum mill-entitajiet regolati. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jillimitaw ir-riskju ta’ għadd doppju tal-emissjonijiet koperti taħt dan il-Kapitolu u tal-emissjonijiet koperti taħt il-Kapitoli II u III, kif ukoll ir-riskju li l-kwoti jiġu ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw ir-regoli dettaljati għall-evitar tal-għadd doppju u l-kwoti li qed jiġu ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti minn dan il-Kapitolu, kif ukoll għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-konsumaturi finali tal-fjuwils f’każijiet li fihom tali għadd doppju jew ċediment ma jistax jiġi evitat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2). Il-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għall-konsumaturi finali tal-fjuwils għandu jkun ibbażat fuq prezz medju tal-kwoti fl-irkanti mwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) fis-sena ta’ rapportar rilevanti.

6.  
Il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu huma stabbiliti fil-Parti Ċ tal-Anness IV.
7.  
Il-kriterji għall-verifika tal-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu huma stabbiliti fil-Parti Ċ tal-Anness V.
8.  
L-Istati Membri jistgħu jippermettu miżuri simplifikati ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika għall-entitajiet regolati li l-emissjonijiet annwali tagħhom li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum ikunu inqas minn 1 000  tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1).

Artikolu 30g

Amministrazzjoni

L-Artikoli 13 u 15a, l-Artikolu 16(1), (2), (3), (4) u (12), u l-Artikoli 17, 18, 19, 20, 21, 22, 22a, 23 u 29 għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu. Għal dak il-fini:

(a) 

kwalunkwe referenza għal emissjonijiet għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-emissjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(b) 

kwalunkwe referenza għal operaturi għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-entitajiet regolati koperti minn dan il-Kapitolu;

(c) 

kwalunkwe referenza għal kwoti għandha tinqara daqslikieku kienet referenza għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu.

Artikolu 30h

Miżuri f’każ ta’ żieda eċċessiva tal-prezzijiet

1.  
Meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti fl-irkantijiet imwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva jkun aktar mid-doppju tal-prezz medju tal-kwoti matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti fl-irkantijiet għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, 50 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

Għas-snin 2027 u 2028, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ssodisfati meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti jkun aktar minn 1,5 darbiet il-prezz medju tal-kwoti matul il-perjodu ta’ referenza tas-sitt xhur konsekuttivi preċedenti.

2.  
Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jaqbeż prezz ta’ EUR 45 għal perjodu ta’ xahrejn konsekuttivi, 20 miljun kwota koperta b’dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. L-indiċjar abbażi tal-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumaturi għall-2020 għandu japplika. Il-kwoti għandhom jiġu rilaxxati permezz tal-mekkaniżmu previst’ f’dan il-paragrafu sal-31 ta’ Diċembru 2029.
3.  
Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun aktar minn tliet darbiet il-prezz medju tal-kwota matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti,150 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.
4.  
Meta l-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun ġiet issodisfata fl-istess jum bħall-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew 3, kwoti addizzjonali għandhom jiġu rilaxxati biss skont il-paragrafu 1 jew 3.
5.  
Qabel il-31 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tivvaluta jekk il-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 2 kienx effettiv u jekk għandux jitkompla. Il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda din id-Direttiva ħalli taġġusta dak il-mekkaniżmu.
6.  
Meta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, 2 jew 3 ikunu ġew issodisfati u rriżultaw f’rilaxx ta’ kwoti, il-kwoti addizzjonali ma għandhomx jiġu rilaxxati skont dan l-Artikolu aktar kmieni minn 12-il xahar wara dan.
7.  
Meta, fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tkun reġgħet ġiet issodisfata, il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat, imwaqqaf bl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1999, għandha tivvaluta l-effettività tal-miżura u tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2) ta’ din id-Direttiva.
8.  
Meta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, 2 jew 3 ikunu ġew issodisfati u l-paragrafu 6 ma jkunx applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-pront avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-data li fiha dik il-kundizzjoni jew dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati.
9.  
L-Istati Membri li jkunu soġġetti għall-obbligu li jipprovdu pjan ta' azzjoni korrettiv f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/842 għandhom iqisu debitament l-effetti ta’ rilaxx ta' kwoti addizzjonali skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu matul is-sentejn preċedenti meta jqisu azzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu implimentati kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta' dak ir-Regolament sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 30i

Rieżami ta' dan il-Kapitolu

Sal-1 ta' Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu fir-rigward tal-effettività, l-amministrazzjoni u l-applikazzjoni prattika tagħhom, inkluż dwar l-applikazzjoni tar-regoli fl-ambitu tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814. Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex dan il-Kapitolu jiġi emendat. Sal-31 ta' Ottubru 2031, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà tal-integrazzjoni tas-setturi koperti mill-Anness III ta' din id-Direttiva fl-EU ETS li tkopri s-setturi elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

Artikolu 30j

Proċeduri għall-estensjoni unilaterali tal-attività msemmija fl-Anness III għal setturi oħra mhux soġġetti għall-Kapitoli II u III

1.  
Mill-2027, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-attività msemmija fl-Anness III għal setturi li mhumiex elenkati f'dak l-Anness u b'hekk japplikaw l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet f'konformità ma' dan il-Kapitolu f'tali setturi, b'kont meħud tal-kriterji rilevanti kollha, b'mod partikolari l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet stabbilita skont dan il-Kapitolu u l-affidabbiltà tas-sistema ta' monitoraġġ u rapportar ippjanata, dment li l-estensjoni tal-attività msemmija f’dak l-Anness tkun approvata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva rigward l-approvazzjoni ta' estensjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorizzazzjoni għall-ħruġ ta' kwoti addizzjonali u l-awtorizzazzjoni ta' Stati Membri oħra biex jestendu l-attività msemmija fl-Anness III. Il-Kummissjoni, meta tadotta tali atti delegati, tista' wkoll tissupplementa l-estensjoni b'regoli ulterjuri li jirregolaw miżuri biex jiġu indirizzati każijiet possibbli ta' għadd doppju, inkluż għall-ħruġ ta' kwoti addizzjonali biex jikkumpensaw għal kwoti ċeduti għall-użu ta' fjuwils f'attivitajiet elenkati fl-Anness I. Kwalunkwe miżura finanzjarja mill-Istati Membri favur kumpaniji f'setturi u subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, minħabba kostijiet indiretti sinifikanti li jiġġarrbu mill-kostijiet tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mgħoddija fil-prezzijiet tal-fjuwil minħabba l-estensjoni unilaterali, għandhom ikunu f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u ma għandhomx jikkawżaw distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

2.  
Kwoti addizzjonali maħruġa skont awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jiġu rkantati f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30d. Minkejja l-Artikolu 30d(1) sa (6), l-Istati Membri li jkunu estendew unilateralment l-attività msemmija fl-Anness III f'konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar ta' dawk il-kwoti addizzjonali.

Artikolu 30k

Posponiment tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali sal-2028 f'każ ta' prezzijiet tal-enerġija eċċezzjonalment għoljin

1.  

Sal-15 ta' Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar jekk waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, jew it-tnejn li huma, ġewx issodisfati:

(a) 

il-prezz medju tal-gass TTF għas-sitt xhur kalendarji li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2026 kien ogħla mill-medja tal-prezz tal-gass TTF fi Frar u Marzu 2022;

(b) 

il-prezz medju taż-żejt mhux raffinat Brent għas-sitt xhur kalendarji li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2026 kienu iktar minn darbtejn il-prezz medju taż-żejt mhux raffinat Brent matul il-ħames snin preċedenti; il-perjodu ta' referenza ta' ħames snin għandu jkun il-perjodu ta' ħames snin li jintemm qabel l-ewwel xahar tal-perjodu ta’ sitt xhur kalendarji.

2.  

Meta waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew it tnejn li huma, jiġu ssodisfati, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a) 

b'deroga mill-Artikolu 30c(1), l-ewwel sena li għaliha l-kwantità ta' kwoti fl-Unjoni kollha hija stabbilita għandha tkun l-2028; u, b'deroga mill-Artikolu 30c(3), l-ewwel sena li għaliha l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha tiġi aġġustata għandha tkun l-2029;

(b) 

b'deroga mill-Artikolu 30d(1) u (2), il-bidu tal-irkantar tal-kwoti fl-ambitu ta' dan il-Kapitolu għandu jiġi pospost għall-2028;

(c) 

b'deroga mill-Artikolu 30d(2), l-ammont addizzjonali ta' kwoti għall-ewwel sena ta' rkanti għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkanti għall-perjodu mill-2030 sal-2032 u l-parteċipazzjonijiet inizjali fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jinħolqu fl-2028;

(d) 

b'deroga mill-Artikolu 30e(2), l-iskadenza għaċ-ċediment inizjali ta' kwoti għandha titressaq lura għall-31 ta’ Mejju 2029 għall-emissjonijiet totali fis-sena 2028;

(e) 

b'deroga mill-Artikolu 30i, l-iskadenza għall-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha titressaq lura għall-1 ta' Jannar 2029.

(30) 

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

"Kapitolu IVb

Parir Xjentifiku u Viżibilità tal-Finanzjament

Artikolu 30l

Parir xjentifiku

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (il-"Bord Konsultattiv") stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *22 ) jista', fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi parir xjentifiku u joħroġ rapporti rigward din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis il-parir u r-rapporti rilevanti tal-Korp Konsultattiv, b'mod partikolari fir-rigward:

(a) 

tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni biex tiġi żgurata konformità mal-objettivi u l-miri msemmija fl-Artikolu 30(3) ta' din id-Direttiva;

(b) 

tal-ħtieġa ta' politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni fid-dawl ta' ftehimiet dwar miżuri globali fl-ICAO biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima tal-avjazzjoni, u tal-ambizzjoni u l-integrità ambjentali tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-OMI msemmija fl-Artikolu 3gg ta' din id-Direttiva.

Artikolu 30m

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS imsemmi fl-Artikolu 10(8) billi:

(a) 

tiżgura li l-benefiċjarji ta' tali finanzjament jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku; u

(b) 

tiżgura li dawk li jirċievu tali finanzjament jużaw tikketta xierqa li tgħid "(ko)finanzjat mis-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (il-Fond għall-Innovazzjoni)", kif ukoll l-emblema tal-Unjoni u l-ammont tal-finanzjament; meta l-użu ta' dik it-tikketta ma jkunx fattibbli, il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jissemma fl-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni, inkluż fuq avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

Il-Kummissjoni, fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 10a(8), għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni, inkluż rekwiżit li dak il-Fond jissemma.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS imsemmi fl-Artikolu 10d li jikkorrispondi għal dak imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ta' dan l-Artikolu, inkluż permezz ta’ rekwiżit li l-Fond għall-Modernizzazzjoni jissemma.
3.  
Filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw il-viżibbiltà tas-sors tal-finanzjament ta' azzjonijiet jew proġetti ffinanzjati mid-dħul mill-irkantar tal-EU ETS li tagħhom jiddeterminaw l-użu f’konformità mal-Artikolu 3d(4), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30d(6).
(31) 

l-Annessi I, IIb, IV u V tad-Direttiva 2003/87/KE huma emendati f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva, u l-Annessi III u IIIa huma mdaħħlin fid-Direttiva 2003/87/KE kif stabbilit fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 hija emendata kif ġej:

(1) 

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena sal-1 ta' Ġunju tas-sena sussegwenti. L-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni f'sena partikolari għandu jkun l-għadd kumulattiv ta' kwoti maħruġa fir-rigward tal-installazzjonijiet u l-kumpaniji tat-tbaħħir u mhux imqiegħda fir-riżerva fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008, inkluż l-għadd ta' kwoti maħruġa skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-verżjoni fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2018, f'dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet fl-ambitu tal-EU ETS, sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena partikolari, neqsin it-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet u mill-kumpaniji tat-tbaħħir fl-ambitu tal-EU ETS bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari, u kwalunkwe kwota kkanċellata f'konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta' dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta' Mejju 2017."

;

(b) 

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4a.  
Mill-2024, il-kalkolu tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fi kwalunkwe sena partikolari għandu jinkludi l-għadd kumulattiv ta' kwoti maħruġa fir-rigward tal-avjazzjoni u t-tunnellati kumulattivi ta' emissjonijiet verifikati mill-avjazzjoni fl-ambitu tal-EU ETS, li jeskludu l-emissjonijiet minn titjiriet fuq rotot koperti minn kumpens ikkalkulat skont l-Artikolu 12(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, bejn l-1 ta' Jannar 2024 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari.

Il-kwoti kkanċellati skont l-Artikolu 3gb tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiesu bħala maħruġa għall-finijiet tal-kalkolu tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni."

;

(c) 

il-paragrafi 5 u 5a huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"5.  
Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun bejn 833 miljun u 1 096  miljun, għadd ta' kwoti ugwali għad-differenza bejn l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, u 833 miljun għandhom jitnaqqsu mill-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena. Jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ogħla minn 1 096  miljun kwota, l-għadd ta' kwoti li jridu jitnaqqsu mill-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u li jridu jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena għandu jkun ugwali għal 12 % tal-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. B'deroga mit-tieni sentenza ta’ dan is-subparagrafu, sal-31 ta' Diċembru 2030, il-persentaġġ msemmi f’dik is-sentenza għandu jiġi rduppjat.

Mingħajr preġudizzju għall-għadd totali ta' kwoti li jridu jitnaqqsu skont dan il-paragrafu, sal-31 ta' Diċembru 2030, il-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandhomx jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għal dak l-ammont totali.

5a.  
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor fl-ewwel rieżami mwettaq f'konformità mal-Artikolu 3, mill-2023 il-kwoti miżmuma fir-riżerva 'l fuq minn 400 miljun kwota ma għandhomx jibqgħu validi."

;

(d) 

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.  
Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ma jkunx applikabbli u tkun ġiet issodisfata l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, 75 miljun kwota għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva u għandhom jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) ta' dik id-Direttiva. Meta jkun hemm inqas minn 75 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jiġu rilaxxati skont dan il-paragrafu. Meta l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) ta' dik id-Direttiva tiġi ssodisfata, il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva f'konformità ma' dak l-Artikolu għandhom jitqassmu b'mod ugwali matul perjodu ta' tliet xhur, li jibda mhux aktar tard minn xahrejn mid-data meta l-kundizzjoni fl-Artikolu 29a(1) ta' dik id-Direttiva tiġi ssodisfata kif innotifikat mill-Kummissjoni f'konformità mar-raba' subparagrafu tiegħu."

;

(2) 

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 1a

It-tħaddim tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali

1.  
Il-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiegħdu fi u jiġu rilaxxati minn taqsima separata tar-riżerva stabbilita skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
It-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva skont dan l-Artikolu għandu jopera mill-1 ta' Settembru 2028. Il-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiegħdu u jinżammu fir-riżerva, u jiġu rilaxxati minnha, separatament mill-kwoti koperti mill-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.
3.  
Fl-2027, it-taqsima msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinħoloq f'konformità mal-Artikolu 30d(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE. Mill-1 ta' Jannar 2031, il-kwoti msemmija f'dak is-subparagrafu li ma jkunux ġew rilaxxati mir-riżerva ma għandhomx jibqgħu validi.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE kull sena, sal-1 ta' Ġunju tas-sena sussegwenti, separatament mill-għadd ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni skont l-Artikolu 1(4) ta' din id-Deċiżjoni. L-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni skont dan l-Artikolu f'sena partikolari għandu jkun l-għadd kumulattiv ta' kwoti koperti minn dak il-Kapitolu maħruġa fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2027, neqsin it-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati koperti minn dak il-Kapitolu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2027 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari u kwalunkwe kwota koperta minn dak il-Kapitolu kkanċellata f'konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-1 ta' Ġunju 2028.
5.  
Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, ikun ogħla minn 440 miljun kwota, għandhom jitnaqqsu 100 miljun kwota mill-kwantità ta' kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena.
6.  
Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun inqas minn 210 miljuni, 100 miljun kwota koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva u jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti koperti minn dak il-Kapitolu li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva. Meta jkun hemm inqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jiġu rilaxxati skont dan il-paragrafu.
7.  
Il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva f'konformità mal-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiżdiedu mal-kwantità ta' kwoti koperti mill-Kapitolu IVa ta' dik id-Direttiva li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 30d ta' dik id-Direttiva. Il-volumi li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva għandhom jiġu distribwiti b'mod ugwali matul perjodu ta' tliet xhur, li jibda mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data li fiha l-kundizzjonijiet ġew issodisfati skont il-pubblikazzjoni f’dak ir-rigward f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30h(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.
8.  
L-Artikolu 1(8) u l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.
9.  
B'deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, meta waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30k(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, jew it-tnejn li huma, jiġu ssodisfati, it-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jopera mill-1 ta' Settembru 2029 u d-dati msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jitressqu lura b'sena."

;

(3) 

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tar-riżerva fil-kuntest tar-rapport previst fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-effetti rilevanti fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fis-settur industrijali, inkluż fir-rigward tal-PDG, tal-impjiegi u tal-indikaturi tal-investiment. Fi żmien tliet snin minn meta r-riżerva tibda topera, u f'intervalli ta' ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju, għandha tirrieżamina r-riżerva u tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun xieraq. Kull rieżami għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-perċentwal għad-determinazzjoni tal-għadd ta' kwoti li jridu jitqiegħdu fir-riżerva skont l-Artikolu 1(5) ta' din id-Deċiżjoni, il-valur numeriku tal-livell limitu għall-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, inkluż fid-dawl ta' aġġustament potenzjali ta' dak il-livell limitu f'konformità mal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rilaxxati mir-riżerva skont l-Artikolu 1(6) jew (7) ta' din id-Deċiżjoni. Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza wkoll l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi, u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni u fuq ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.";

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2023. Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2024.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-artikoli li ġejjin sat-30 ta' Ġunju 2024:

▼C1

(a) 

l-Artikolu 1, il-punt (3)(d), ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (ae) sa (ai), tad-Direttiva 2003/87/KE kif miżjud b’dak il-punt;

▼B

(b) 

l-Artikolu 1, il-punt (29), ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE kif imdaħħal b'dak il-punt; u

(c) 

l-Artikolu 1, il-punt (31), ta' din id-Direttiva rigward l-Annessi III u IIIa għad-Direttiva 2003/87/KE kif imdaħħal b'dak il-punt.

Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Meta jikkonformaw mal-obbligu tagħhom stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tittrasponi l-Artikolu 3, il-punt (u), l-Artikolu 10a(3) u (4), l-Artikolu 10c(7) u l-Anness I, il-punti 1 u 3, tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-4 ta’ Ġunju 2023, tkompli tapplika sal-31 ta' Diċembru 2025. B'deroga mill-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, huma għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali tagħhom li jittrasponu l-emendi għal dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2026.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2024.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

(1) 

L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. 

Installazzjonijiet jew partijiet minn installazzjonijiet użati għar-riċerka, l-iżvilupp u l-ittestjar ta' prodotti u proċessi ġodda mhumiex koperti minn din id-Direttiva. Installazzjonijiet meta matul il-perjodu ta' ħames snin rilevanti preċedenti msemmi fl-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, l-emissjonijiet mill-kombustjoni ta' bijomassa li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti skont l-Artikolu 14 jikkontribwixxu bħala medja għal aktar minn 95 % tal-emissjonijiet totali medji ta' gassijiet serra, mhumiex koperti minn din id-Direttiva.";

(b) 

il-punt 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3. 

Meta l-input termiku nominali totali ta' installazzjoni jiġi kkalkulat sabiex jiġi deċiż jekk l-installazzjoni tiddaħħalx fl-EU ETS, l-inputs termiċi nominali tal-unitajiet tekniċi kollha li jagħmlu parti minnha u li fihom jinħarqu fjuwils fi ħdan l-installazzjoni, għandhom jingħaddu flimkien. Dawk l-unitajiet jistgħu jinkludu kull tip ta' bojlers, berners, turbini, ħiters, fran tal-funderiji, inċineraturi, kalkari tal-ġir, kalkari, fran, apparat għat-tnixxif, magni, ċelluli tal-fjuwil, unitajiet tal-kombustjoni "chemical looping", apparat tal-ivvampjar, u impjanti termiċi jew katalitiċi tal-post-kombustjoni. Unitajiet b'input termiku nominali ta' inqas minn 3 MW ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet ta' dan il-kalkolu.";

(c) 

it-tabella hija emendata kif ġej:

(i) 

l-ewwel ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Kombustjoni ta' fjuwils f'installazzjonijiet b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW (ħlief f'installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta' skart perikoluż jew muniċipali)

Mill-1 ta' Jannar 2024, il-kombustjoni ta' fjuwils f'installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW, għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15.

Diossidu tal-karbonju”;

(ii) 

it-tieni ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Ir-raffinar taż-żejt, li fih jitħaddmu unitajiet tal-kombustjoni b'input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW

Diossidu tal-karbonju”;

(iii) 

il-ħames ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Produzzjoni tal-ħadid jew tal-azzar (fissjoni primarja jew sekondarja) inkluż l-ikkastjar kontinwu, b'kapaċità li taqbeż it-2,5 tunnellati fis-siegħa

Diossidu tal-karbonju”;

(iv) 

is-seba' ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Produzzjoni ta' aluminju primarju jew alumina

Diossidu tal-karbonju u perfluworokarburi”;

(v) 

il-ħmistax-il ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“It-tnixxif jew il-kalċinazzjoni tal-ġipsum jew il-produzzjoni ta' twavel tal-ġibs u ta' prodotti oħra tal-ġipsum, b'kapaċità ta' produzzjoni ta' ġipsum kalċinat jew ġipsum sekondarju mnixxef li taqbeż total ta' 20 tunnellata kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(vi) 

it-tmintax-il ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Il-produzzjoni tal-iswed tal-karbonju li tinvolvi l-karbonizzazzjoni ta' sustanzi organiċi bħal żjut, qatran, residwi tad-distillazzjoni u tal-fran tal-ikkrekkjar b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-50 tunnellata kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(vii) 

l-erbgħa u għoxrin ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“Il-produzzjoni tal-idroġenu (H2) u ta' gass sintetiku b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-5 tunnellati kuljum

Diossidu tal-karbonju”;

(viii) 

is-sebgħa u għoxrin ringiela hija sostitwita b'dan li ġej:



“It-trasport ta' gassijiet serra għal ħżin ġeoloġiku f'post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE, bl-esklużjoni ta' dawk l-emissjonijiet koperti minn attività oħra skont din id-Direttiva

Diossidu tal-karbonju”;

(ix) 

ir-ringiela li ġejja tiżdied wara l-aħħar ringiela ġdida, b'linja ta' separazzjoni bejniethom:



“Trasport marittimu

L-attivitajiet tat-trasport marittimu koperti mir-Regolament (UE) 2015/757 bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu koperti mill-Artikolu 2(1a) u, sal-31 ta' Diċembru 2026, l-Artikolu 2(1b) ta' dak ir-Regolament

Diossidu tal-karbonju

Mill-1 ta' Jannar 2026, metan u ossidu nitruż”;

(2) 

l-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:




“ANNESS IIb

Parti A

ID-DISTRIBUZZJONI TAL-FONDI MILL-FOND GĦALL-MODERNIZZAZZJONI LI TIKKORRISPONDI GĦALL-ARTIKOLU 10(1), IT-TIELET SUBPARAGRAFU



 

Sehem

Il-Bulgarija

5,84  %

Iċ-Ċekja

15,59  %

L-Estonja

2,78  %

Il-Kroazja

3,14  %

Il-Latvja

1,44  %

Il-Litwanja

2,57  %

L-Ungerija

7,12  %

Il-Polonja

43,41  %

Ir-Rumanija

11,98  %

Is-Slovakkja

6,13  %

Parti B

ID-DISTRIBUZZJONI TAL-FONDI MILL-FOND GĦALL-MODERNIZZAZZJONI LI TIKKORRISPONDI GĦALL-ARTIKOLU 10(1), IR-RABA' SUBPARAGRAFU



 

Sehem

Il-Bulgarija

4,9  %

Iċ-Ċekja

12,6  %

L-Estonja

2,1  %

Il-Greċja

10,1  %

Il-Kroazja

2,3  %

Il-Latvja

1,0  %

Il-Litwanja

1,9  %

L-Ungerija

5,8  %

Il-Polonja

34,2  %

Il-Portugall

8,6  %

Ir-Rumanija

9,7  %

Is-Slovakkja

4,8  %

Is-Slovenja

2,0  %”;

(3) 

l-Annessi li ġejjin jiddaħħlu bħala l-Annessi III u IIIa tad-Direttiva 2003/87/KE:




"ANNESS III

ATTIVITÀ KOPERTA MILL-KAPITOLU IVa



Attività

Gassijiet serra

Ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw għall-kombustjoni fis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u f'setturi addizzjonali. Din l-attività ma għandhiex tinkludi:

(a)  ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw fl-attivitajiet elenkati fl-Anness I, ħlief jekk jintużaw għall-kombustjoni fl-attivitajiet ta' trasport ta' gassijiet serra għall-ħżin ġeoloġiku kif stabbilit fit-tabbella (ringiela sebgħa u għoxrin ta’ dak l-Anness) jew jekk jintużaw għall-kombustjoni f'installazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27a;

(b)  ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li l-fattur tal-emissjoni tagħhom huwa żero;

(c)  ir-rilaxx għall-konsum ta' skart perikoluż jew muniċipali użat bħala fjuwil.

Is-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq għandhom jikkorrispondu għas-sorsi ta' emissjonijiet li ġejjin, definiti fil-Linji Gwida għall-Inventarju Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006, bil-modifiki meħtieġa għal dawk id-definizzjonijiet, kif ġej:

(a)  Ġenerazzjoni Kkombinata tas-Sħana u tal-Elettriku (CHP) (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1a ii) u l-Impjanti tas-Sħana (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1a iii), sakemm jipproduċu s-sħana għall-kategoriji taħt il-punti (c) u (d) ta' dan il-paragrafu, direttament jew permezz ta' networks tat-tisħin distrettwali;

Diossidu tal-karbonju

(b)  It-Trasport bit-Triq (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A3b), eskluż l-użu ta' vetturi agrikoli fuq toroq pavimentati;

(c)  Kummerċjali / Istituzzjonali (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4a);

(d)  Residenzjali (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4b).

Setturi addizzjonali għandhom jikkorrispondu għas-sorsi ta' emissjonijiet li ġejjin, definiti fil-Linji Gwida għall-Inventarju Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006:

(a)  Industriji tal-Enerġija (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A1), ħlief il-kategoriji definiti skont it-tieni paragrafu, il-punt (a), ta' dan l-Anness;

(b)  Industriji tal-Manifattura u tal-Kostruzzjoni (kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A2).

 




ANNESS IIIa

AĠĠUSTAMENT TAL-FATTUR TA' TNAQQIS LINEARI F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 30c(2)

1. Jekk l-emissjonijiet medji rrapportati skont il-Kapitolu IVa għas-snin 2024 sa 2026 ikunu aktar minn 2 % ogħla meta mqabbla mal-valur tal-kwantità tal-2025 definita skont l-Artikolu 30c(1), u jekk dawk id-differenzi ma jkunux dovuti għad-differenza ta' inqas minn 5 % bejn l-emissjonijiet irrapportati skont il-Kapitolu IVa u d-data tal-inventarju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni tal-2025 mill-kategoriji tas-sorsi tal-UNFCCC għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa, il-fattur ta' tnaqqis lineari għandu jiġi kkalkulat billi jsir aġġustament tal-fattur ta' tnaqqis lineari msemmi fl-Artikolu 30c(1).

2. Il-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat f'konformità mal-punt 1 għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

LRFaġġ = 100%* [MRV[2024-2026] – (ESR[2024] - 6* LRF[2024]* ESR[2024])]/ (5* MRV[2024-2026]), fejn,
LRFaġġ huwa l-fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat;
MRV[2024-2026] huwa l-medja tal-emissjonijiet verifikati skont il-Kapitolu IVa għas-snin 2024 sa 2026;
ESR[2024] huwa l-valur tal-emissjonijiet tal-2024 definit skont l-Artikolu 30c(1) għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa;
LRF[2024] huwa l-fattur ta' tnaqqis lineari msemmi fl-Artikolu 30c(1).";
(4) 

l-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-Parti A, it-taqsima "Kalkolu" hija emendata kif ġej:

(i) 

fit-tielet paragrafu, l-aħħar sentenza "Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa għandu jkun żero." hija sostitwita b'dan li ġej:

"Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa li jikkonforma mal-kriterji ta' sostenibbiltà u mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, kif stabbilit fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttva, għandu jkun żero.";

(ii) 

il-ħames paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Għandhom jintużaw fatturi ta' ossidazzjoni prestabbiliti żviluppati skont id-Direttiva 2010/75/UE, sakemm l-operatur ma jkunx jista' juri li l-fatturi speċifiċi għall-attivitajiet huma iktar eżatti.";

(b) 

fil-Parti B, it-taqsima "Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju", ir-raba' paragrafu, l-aħħar sentenza "Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa għandu jkun żero." hija sostitwita b'dan li ġej:

"Il-fattur tal-emissjoni għall-bijomassa li jikkonforma mal-kriterji ta' sostenibbiltà u mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/2001, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-applikazzjoni skont din id-Direttiva, kif stabbilit fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, għandu jkun żero.";

(c) 

tiżdied il-parti li ġejja:

"PARTI C

Monitoraġġ u rapportar tal-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attività msemmija fl-Anness III

Monitoraġġ tal-emissjonijiet

L-emissjonijiet għandhom jiġu mmonitorjati permezz ta' kalkolu.

Kalkolu

L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati bl-użu tal-formula li ġejja:

Fjuwil rilaxxat għall-konsum × il-fattur tal-emissjoni

Il-fjuwil rilaxxat għall-konsum għandu jinkludi l-kwantità ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum mill-entità regolata.

Għandhom jintużaw il-fatturi tal-emissjoni prestabbiliti tal-IPCC, meħudin mil-Linji Gwida tal-Inventarju tal-IPCC tal-2006 jew minn aġġornamenti sussegwenti ta' dawk il-Linji Gwida, sakemm ma jkunux aktar eżatti l-fatturi tal-emissjoni marbutin speċifikament mal-fjuwil identifikati minn laboratorji indipendenti akkreditati bl-użu ta' metodi ta' analiżi aċċettati.

Għandu jsir kalkolu separat għal kull entità regolata, u għal kull fjuwil.

Ir-rapportar tal-emissjonijiet

Kull entità regolata għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rapport tagħha:

A. 

Data li tidentifika l-entità regolata, inklużi:

— 
isem l-entità regolata;
— 
l-indirizz tagħha, inklużi l-kodiċi postali u l-pajjiż;
— 
it-tip ta' fjuwils li tirrilaxxa għall-konsum u l-attivitajiet tagħha li permezz tagħhom tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum, inkluż it-teknoloġija użata;
— 
l-indirizz, in-numru tat-telefon u tal-faks u d-dettalji tal-posta elettronika għal persuna ta' kuntatt; u
— 
isem is-sid tal-entità regolata, u ta' kwalunkwe kumpanija omm.
B. 

Għal kull tip ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum u li jintuża għall-kombustjoni fis-setturi msemmija fl-Anness III, li għalih huma kkalkulati l-emissjonijiet:

— 
il-kwantità ta' fjuwil rilaxxat għall-konsum;
— 
il-fatturi tal-emissjoni;
— 
l-emissjonijiet totali;
— 
l-użu/i finali tal-fjuwil rilaxxat għall-konsum; u
— 
l-inċertezza.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkoordinaw il-ħtiġiet tar-rapportar ma' kull ħtieġa eżistenti tar-rapportar sabiex jimminimizzaw il-piż tar-rapportar fuq in-negozji.";

(5) 

Fl-Anness V għad-Direttiva 2003/87/KE, tiżdied il-parti li ġejja:

"PARTI C

Verifika tal-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness III

Prinċipji Ġenerali

1. L-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness III għandhom ikunu soġġetti għal verifika.

2. Il-proċess tal-verifika għandu jinkludi l-konsiderazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 14(3), u tal-monitoraġġ matul is-sena ta' qabel. Għandu jindirizza l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-eżattezza tas-sistemi tal-monitoraġġ u d-data u l-informazzjoni irrapportati fejn jidħlu l-emissjonijiet, u b'mod partikolari:

(a) 

il-fjuwils rrapportati rilaxxati għall-konsum u l-kalkoli relatati;

(b) 

l-għażla u l-użu tal-fatturi tal-emissjoni;

(c) 

il-kalkoli li jwasslu biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet ġenerali.

3. L-emissjonijiet irrapportati jistgħu jiġu vvalidati biss jekk ikun hemm data u informazzjoni affidabbli u kredibbli li jippermettu li l-emissjonijiet jiġu determinati b'livell għoli ta' ċertezza. Livell għoli ta' ċertezza jirrikjedi li l-entità regolata turi li:

(a) 

id-data rrapportata tkun ħielsa minn inkonsistenzi;

(b) 

il-ġbir tad-data jkun twettaq f'konformità mal-istandards xjentifiċi applikabbli; u

(c) 

ir-reġistri rilevanti tal-entità regolata jkunu kompleti u konsistenti.

4. Il-verifikatur għandu jingħata aċċess għas-siti kollha u għall-informazzjoni kollha fir-rigward tas-suġġett tal-verifika.

5. Il-verifikatur għandu jqis jekk l-entità regolata tkunx irreġistrata bħala parti mill-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni (EMAS).

Metodoloġija

Analiżi strateġika

6. Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq analiżi strateġika tal-kwantitajiet kollha ta' fjuwils rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata. Dan jirrikjedi li l-verifikatur ikollu ħarsa ġenerali tal-attivitajiet kollha li permezz tagħhom l-entità regolata tkun qed tirrilaxxa l-fjuwils għall-konsum, u s-sinifikat tagħhom għall-emissjonijiet.

Analiżi tal-proċess

7. Meta xieraq, il-verifika tad-data u tal-informazzjoni ppreżentati għandha titwettaq fuq is-sit tal-entità regolata. Il-verifikatur għandu juża kontrolli fuq il-post sabiex jiddetermina l-affidabbiltà tad-data u tal-informazzjoni rrapportati.

Analiżi tar-riskji

8. Il-verifikatur għandu jissottometti l-mezzi kollha li permezz tagħhom il-fjuwils jiġu rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata għal evalwazzjoni fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet globali tal-entità regolata.

9. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-verifikatur għandu jidentifika b'mod espliċitu kwalunkwe element b'riskju għoli ta' żball u l-aspetti l-oħra tal-proċedura tal-monitoraġġ u r-rapportar li x'aktarx jikkontribwixxu għall-iżbalji meta jiġu determinati l-emissjonijiet ġenerali. Dan jinvolvi b'mod speċjali l-kalkoli meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-emissjonijiet minn sorsi individwali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-elementi b'riskju għoli ta' żball u lill-aspetti msemmija hawn fuq dwar il-proċedura tal-monitoraġġ.

10. Il-verifikatur għandu jqis kwalunkwe metodu effettiv ta' kontroll tar-riskju applikat mill-entità regolata bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-livell ta' inċertezza.

Rapport

11. Il-verifikatur għandu jħejji rapport dwar il-proċess tal-validazzjoni li jiddikjara jekk ir-rapport skont l-Artikolu 14(3) ikunx sodisfaċenti. Dan ir-rapport għandu jispeċifika l-kwistjonijiet kollha rilevanti għax-xogħol imwettaq. Tista' ssir dikjarazzjoni li r-rapport skont l-Artikolu 14(3) huwa sodisfaċenti jekk, fl-opinjoni tal-verifikatur, l-emissjonijiet totali ma jkunux iddikjarati b'dikjarazzjoni skorretta materjali.

Rekwiżit ta' kompetenza minima għall-verifikatur

12. Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-entità regolata, għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'mod professjonali, kompetenti u oġġettiv, u jifhem:

(a) 

id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll l-istandards u l-gwida rilevanti adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1);

(b) 

ir-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi rilevanti għall-attivitajiet li jkunu qed jiġu vverifikati; u

(c) 

il-ġenerazzjoni tal-informazzjoni kollha relatata mal-mezzi kollha li permezz tagħhom il-fjuwils jiġu rilaxxati għall-konsum mill-entità regolata, b'mod partikolari dik relatata mal-ġbir, il-kejl, il-kalkolu u r-rapportar tad-data.".



( *1 ) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

( *2 )  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.";

( *3 ) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).”;

( *4 ) Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-Komunità u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1).

( *5 ) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

( *6 ) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta' Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

( *7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).”;

( *8 ) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).”;

( *9 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).";

( *10 ) Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52).";

( *11 ) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).";

( *12 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

( *13 ) Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).";

( *14 ) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).";

( *15 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).

( *16 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).";

( *17 ) Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).";

( *18 ) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).";

( *19 ) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).";

( *20 ) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

( *21 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).";

( *22 ) Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).";