02022D2435 — MT — 13.12.2022 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2435

►C1  tal-5 ta’ Diċembru 2022 ◄

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

(ĠU L 319 13.12.2022, p. 5)


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 335, 29.12.2022, p.  114 (2022/2435 tas-26 ta’ Lulju)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2435

▼C1

tal-5 ta’ Diċembru 2022

▼B

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq



Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea. ( 1 )

Artikolu 2

1.  
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.
2.  
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.
3.  
L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.
4.  
Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 13 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala osservaturi, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.



( 1 ) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.