02021R2106 — MT — 01.12.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2106

tat-28 ta’ Settembru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza

(ĠU L 429 1.12.2021, p. 83)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 096, 24.3.2022, p.  47 (2021/2106)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2106

tat-28 ta’ Settembru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza



Artikolu 1

Il-kontenut tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u l-lista ta’ indikaturi komuni

It-tabella ta’ valutazzjoni għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f’kull wieħed mis-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, li għandhom jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’:

(a) 

l-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri, li jirriflettu l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati tal-Kunsill, billi jiġu elenkati l-istadji importanti u l-miri li ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti, billi jingħadd l-għadd tagħhom, u jintwera l-perċentwal fuq l-għadd totali ta’ stadji importanti u miri stabbiliti f’dawk id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. F’dan il-kuntest jista’ jiġi rrappurtat ukoll dwar kif l-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti,

(b) 

in-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, ukoll taħt kull wieħed mill-pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, li tinkorpora nefqiet soċjali bbażati fuq il-metodoloġija definita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 ( 1 ), abbażi tal-analiżi tan-nefqa stmata pprovduta fil-pjanijiet approvati għall-irkupru u r-reżiljenza,

(c) 

l-istatus ta’ kull pjan għall-irkupru u r-reżiljenza,

(d) 

il-progress fl-iżborż tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u s-self,

(e) 

analiżi tematika tal-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u eżempji li juru l-progress tal-implimentazzjoni taħt is-sitt pilastri,

(f) 

indikaturi komuni, kif stabbiliti fl-Anness, li jridu jintużaw għar-rappurtar dwar il-progress u għall-fini tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Faċilità lejn l-ilħiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi.

Artikolu 2

Rappurtar

1.  
Sabiex it-Tabella ta’ Valutazzjoni, inklużi l-indikaturi komuni, tiġi aġġornata b’mod konsistenti u uniformi darbtejn fis-sena, l-Istati Membri kollha għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-arranġamenti operazzjonali, u dwar l-indikaturi komuni.
2.  
Ir-rappurtar dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jsir kull sena, bħala regola, sa nofs April u l-bidu ta’ Ottubru, u mhux aktar tard mit-30 ta’ April u l-15 ta’ Ottubru, rispettivament. Il-perjodu ta’ rapportar għandu jkopri l-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni tal-pjan, mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, fejn rilevanti.
3.  
Ir-rappurtar għall-aġġornament tal-indikaturi komuni għandu jsir kull sena sat-28 ta’ Frar u l-31 ta’ Awwissu. Il-perjodu ta’ rapportar għandu jkopri l-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni tal-pjan, mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, fejn rilevanti, sad-dati ta’ skadenza rispettivi tal-31 ta’ Diċembru u l-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Lista ta’ Indikaturi Komuni

L-indikaturi komuni se jirriflettu l-progress lejn l-objettivi tal-Faċilità skont ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Miżura tista’ tikkontribwixxi għal diversi indikaturi komuni. Jekk il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Stat Membru ma jkun fih l-ebda miżura li tikkontribwixxi għal xi wħud mill-indikaturi ta’ hawn taħt, l-Istat Membru għandu jiddiskuti mal-Kummissjoni biex jiddeċiedi jekk għandux jirrapporta dwar l-indikatur bħala “mhux applikabbli”.



Numru

Indikatur komuni relatat mal-appoġġ għall-RRF

Pilastri RRF

Spjegazzjoni

Unità

1

Iffrankar fil-konsum annwali tal-enerġija primarja

Pilastru 1

Pilastru 3

Tnaqqis annwali totali fil-konsum tal-enerġija primarja għal entitajiet appoġġati minħabba sostenn minn miżuri skont il-Faċilità. Il-linja bażi għandha tirreferi għall-konsum annwali tal-enerġija primarja qabel l-intervent, u l-valur miksub għandu jirreferi għall-konsum annwali tal-enerġija primarja għas-sena ta’ wara l-intervent. Għall-binjiet, l-interventi għandhom ikunu dokumentati biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati dawn il-valuri, pereżempju bl-użu ta’ Ċertifikati tal-Prestazzjoni tal-Enerġija jew sistemi oħra ta’ monitoraġġ li jirrispettaw il-kriterji kif stabbiliti fl-Artikolu 10.6 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija). Għall-proċessi fl-intrapriżi, il-konsum annwali tal-enerġija primarja għandu jiġi ddokumentat abbażi ta’ awditi tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika) jew speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra.

Binjiet pubbliċi għandha tiġi definita bħala binjiet li jkunu proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi u binjiet li jkunu proprjetà ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, kemm-il darba dawn il-korpi jsegwu objettivi ta’ interess ġenerali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent u t-trasport. Eżempji jinkludu l-binjiet għall-amministrazzjoni pubblika, l-iskejjel, l-isptarijiet, eċċ.

MWh/sena

2

Kapaċità operattiva addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli

Pilastru 1

Pilastru 3

Kapaċità addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli minħabba s-sostenn minn miżuri skont il-Faċilità, u li hija operazzjonali (jiġifieri konnessa mal-grilja, jekk applikabbli, u totalment lesta biex tipproduċi jew diġà tipproduċi l-enerġija). Kapaċità tal-produzzjoni għandha tiġi definita bħala l-“kapaċità elettrika massima netta” kif definita mill-Eurostat (3).

Enerġija rinnovabbli għandha tiġi definita bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’mod partikolari enerġija mir-riħ, solari (solari termiċi u solari fotovoltajċi) u enerġija ġeotermika, enerġija ambjentali, marea, mewġ u enerġija oħra oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass minn landfill, gass minn impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, u bijogass.” (ara d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)). L-indikatur għandu jkopri wkoll il-kapaċità tal-elettrolizzatur għall-produzzjoni tal-idroġenu mibni bl-appoġġ ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat separatament bejn i) il-kapaċità għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ii) il-kapaċità tal-elettrolizzatur għall-produzzjoni tal-idroġenu

MW

3

Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (punti ta’ riforniment/irriċarġjar)

Pilastru 1

Pilastru 3

L-għadd ta’ punti ta’ riforniment/irriċarġjar (ġodda jew imtejba) għal vetturi nodfa appoġġati minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità.

“punt tal-irriċarġjar” għandha tiġi definita bħala interfaċċa, li tista’ tiċċarġja vettura waħda kull darba jew tbiddel batterija ta’ vettura elettrika waħda kull darba. Punt ta’ riforniment tal-fjuwil għandu jirreferi għal faċilità ta’ riforniment għall-forniment ta’ fjuwil alternattiv permezz ta’ installazzjoni fissa jew mobbli.

Il-fjuwil alternattiv għandu jiġi definit biex jinkludi fjuwils jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-inqas parzjalment, bħala sostitut għal sorsi ta’ żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tiegħu u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport u li huma konformi mad-Direttiva 2018/2001 (5).

L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat b’mod separat bejn (i) il-punti tal-irriċarġjar u (ii) il-punti ta’ riforniment. Bħala parti minn dan tal-aħħar, (iii) il-punti ta’ riforniment tal-idroġenu għandhom jiġu rrappurtati separatament.

Il-punti tar-riforniment/irriċarġjar

4

Popolazzjoni li tibbenefika minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar, in-nirien forestali u diżastri naturali oħra relatati mal-klima

Pilastru 1

Pilastru 4

Il-popolazzjoni li tgħix f’żoni fejn l-infrastruttura tal-protezzjoni (inklużi l-infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament għat-tibdil fil-klima) hija mibnija jew imtejba b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-għargħar, in-nirien forestali u riskji naturali oħra relatati mal-klima (maltempati, nixfiet, mewġiet ta’ sħana). L-indikatur għandu jkopri miżuri ta’ protezzjoni, li huma lokalizzati b’mod ċar f’żoni ta’ riskju għoli u li jindirizzaw direttament ir-riskji speċifiċi, għall-kuntrarju ta’ miżuri aktar ġenerali implimentati fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Għall-għargħar, l-indikatur għandu jgħodd il-popolazzjoni residenti f’riskju.

Persuni

5

Abitazzjonijiet addizzjonali b’aċċess għall-Internet ipprovdut permezz ta’ networks b’kapaċità kbira ħafna

Pilastru 2

Pilastru 4

L-għadd totali ta’ abitazzjonijiet b’aċċess għal networks b’kapaċità għolja ħafna, kif definit fil-Linji Gwida tal-BEREC dwar in-Networks ta’ Kapaċità Għolja Ħafna (BoR (20) 165 (6)) li kellhom biss aċċess għal konnessjonijiet aktar bil-mod jew li ma kellhom l-ebda aċċess għall-Internet qabel l-appoġġ permezz ta’ miżuri taħt il-Faċilità. Bħala tali, għandha tikkunsidra wkoll il-kopertura tan-network 5G u l-aġġornamenti għall-veloċità tal-gigabits. L-aċċess imtejjeb għall-Internet għandu jkun konsegwenza diretta tal-appoġġ permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jkejjel l-abitazzjonijiet bil-possibbiltà ta’ aċċess u mhux l-użu effettiv.

Abitazzjoni għandha tiġi definita bħala “kamra jew sett ta’ kmamar f’bini permanenti jew parti ta’ bini strutturalment separata (…) hija ddisinjata għall-abitazzjoni minn unità domestika privata waħda s-sena kollha” (7) (ara l-Kummissjoni (Eurostat)).

L-indikatur ma jgħoddx abitazzjonijiet kollettivi bħal sptarijiet, djar tal-anzjani, djar residenzjali, ħabsijiet, kwartieri militari, istituzzjonijiet reliġjużi, djar ta’ alloġġ, hostels tal-ħaddiema eċċ.

Abitazzjonijiet

6

Intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw jew jadottaw prodotti, servizzi u proċessi ta’ applikazzjoni diġitali

Pilastru 2

Pilastru 3

L-għadd ta’ intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw jew jadottaw servizzi, prodotti u proċessi ġodda jew aġġornati b’mod sinifikanti bbażati fuq teknoloġiji diġitali, permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Dan jinkludi teknoloġiji diġitali avvanzati bħall-awtomatizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-blockchain, l-infrastrutturi cloud u edge u l-ispazji tad-data, l-informatika quantum u ta’ prestazzjoni għolja. Titjib sinifikanti għandu jkopri biss il-funzjonalitajiet ġodda. L-informazzjoni għandha għalhekk tinġabar separatament (i) għall-intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali u (ii) għall-intrapriżi appoġġati biex jadottaw soluzzjonijiet diġitali biex jittrasformaw is-servizzi, il-prodotti jew il-proċessi tagħhom. L-informazzjoni għandha tinġabar ukoll skont id-daqs tal-intrapriża.

Intrapriża għandha tingħadd darba irrispettivament minn kemm drabi tirċievi appoġġ biex tiddiġitalizza permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità.

Intrapriża u d-diżaggregazzjoni skont id-daqs tal-intrapriża għandhom jiġu definiti skont id-definizzjoni adottata għall-indikatur 9.

Intrapriżi

7

Utenti ta’ servizzi, prodotti u proċessi diġitali pubbliċi ġodda u aġġornati

Pilastru 2

Pilastru 5

L-għadd ta’ utenti tas-servizzi pubbliċi diġitali, tal-prodotti u tal-proċessi żviluppati reċentement jew aġġornati b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Titjib sinifikanti għandu jkopri biss il-funzjonalitajiet ġodda. L-indikatur għandu jkollu linja bażi ta’ 0 biss jekk is-servizz, il-prodott jew il-proċess diġitali jkunu ġodda. L-utenti jirreferu għall-klijenti tas-servizzi u l-prodotti pubbliċi appena żviluppati jew aġġornati permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità, u għall-persunal tal-istituzzjoni pubblika li juża l-proċessi diġitali appena żviluppati jew li ġew aġġornati b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Jekk l-utenti individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, l-għadd tal-istess klijent li juża servizz online diversi drabi ma għandux jitqies bħala għadd doppju.

Utenti/sena

8

Riċerkaturi li jaħdmu f’faċilitajiet ta’ riċerka appoġġati

Pilastru 3

L-għadd ta’ riċerkaturi li jużaw direttament, fil-linja ta’ attività tagħhom, il-faċilità ta’ riċerka pubblika jew privata jew it-tagħmir li għalih jingħata appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jitkejjel f’termini ta’ ekwivalenti annwali full time (FTEs), ikkalkulati skont il-metodoloġija pprovduta fil-Manwal ta’ Frascati tal-OECD tal-2015.

L-appoġġ irid itejjeb il-faċilità tar-riċerka jew il-kwalità tat-tagħmir tar-riċerka. Għandhom jiġu esklużi s-sostituzzjonijiet mingħajr żieda fil-kwalità, bħall-manutenzjoni.

Il-pożizzjonijiet vakanti tar-R&Ż ma għandhomx jingħaddu, lanqas il-persunal ta’ appoġġ għar-R&Ż (jiġifieri karigi mhux direttament involuti fl-attivitajiet ta’ R&Ż).

FTE annwali tal-persunal tar-R&Ż għandha tiġi definita bħala l-proporzjon ta’ sigħat ta’ xogħol attwalment imqatta’ f’R&Ż matul sena kalendarja diviż bl-għadd totali ta’ sigħat maħduma konvenzjonalment fl-istess perjodu minn individwu jew grupp. Bħala konvenzjoni persuna ma tistax twettaq aktar minn FTE wieħed fuq R&Ż fuq bażi biannwali. L-għadd ta’ sigħat maħduma konvenzjonalment għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ sigħat ta’ xogħol normattivi/statutorji. Persuna full time għandha tiġi identifikata b’referenza għall-istatus tal-impjieg tagħha, it-tip ta’ kuntratt (full time jew part time) u l-livell ta’ ingaġġ tagħha fir-R&Ż (ara l-Manwal 2015 ta’ Frascati tal-OECD, il-Kapitolu 5.3).

L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (8).

Ekwivalenti Annwali għal Full Time

9

Intrapriżi appoġġati (li minnhom żgħar– inklużi mikro, medji u kbar)

Pilastru 3

L-indikatur għandu jgħodd l-intrapriżi kollha li jirċievu appoġġ monetarju jew in natura minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità.

L-intrapriża għandha tiġi definita bħala l-iżgħar kombinazzjoni ta’ unitajiet legali li hija unità organizzattiva li tipproduċi oġġetti u servizzi, li tibbenefika minn ċertu livell ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment għall-allokazzjoni tar-riżorsi attwali tagħha, li twettaq attività waħda jew aktar f’post wieħed jew aktar. Intrapriża tista’ tkun unità legali unika. L-unitajiet legali għandhom jinkludu persuni ġuridiċi li l-eżistenza tagħhom hija rikonoxxuta mil-liġi indipendentement mill-individwi jew l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu s-sidien tagħhom jew li huma membri tagħhom, bħal soċjetajiet ġenerali, soċjetajiet privati limitati, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, kumpaniji inkorporati eċċ. L-unitajiet legali għandhom jinkludu wkoll persuni fiżiċi li huma involuti f’attività ekonomika bi dritt proprju, bħas-sid u l-operatur ta’ ħanut jew garaxx, avukat jew persuna tas-sengħa li taħdem għal rasha (il-Kummissjoni (Eurostat), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93, Taqsima III A tal-15.3.1993).

L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat skont id-daqs tal-intrapriża. Għall-fini ta’ dan l-indikatur, l-intrapriżi għandhom jiġu definiti bħala organizzazzjonijiet orjentati lejn il-profitt li jipproduċu oġġetti u servizzi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq.

Klassifikazzjoni tal-intrapriżi:

Intrapriżi żgħar, inklużi dawk mikro (0-49 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat annwali -≤ EUR 10 miljun jew karta tal-bilanċ - ≤ EUR 10 miljun);

Intrapriżi medji (50-249 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat annwali > EUR 10 miljun - ≤ EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ > EUR 10 miljun -≤ EUR 43 miljun);

Intrapriżi kbar (> 250 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat > EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ > EUR 43 miljun);

Jekk wieħed miż-żewġ limiti (impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u l-fatturat/karta tal-bilanċ annwali) jinqabeż, l-intrapriżi għandhom jiġu kkategorizzati fil-kategorija tal-livell li jmiss;

(Il-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9), l-Anness, l-Artikoli 2-3);

Id-daqs tal-intrapriża appoġġata għandu jitkejjel fil-bidu tal-appoġġ.

Intrapriżi

10

Għadd ta’ parteċipanti f’kors ta’ edukazzjoni jew taħriġ

Pilastru 2

Pilastru 4

Pilastru 6

►C1  L-indikatur għandu jqis l-għadd ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ edukazzjoni (ISCED 0-8, tagħlim għall-adulti) u ta’ taħriġ (taħriġ barra mill-impjieg/taħriġ fil-post tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi, eċċ.) appoġġati minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità, inklużi parteċipanti fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali ◄  (10). Għalhekk għandu jinġabar u jiġi rrappurtat skont i) il-parteċipanti li qed jirċievu edukazzjoni jew taħriġ, u minn dawk, ii) il-parteċipanti fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali. Għandu wkoll ikun diżaggregat skont il-ġeneru (11) u l-età (12).

Il-parteċipanti għandhom jingħaddu meta jidħlu fl-attività ta’ edukazzjoni jew taħriġ.

Persuni

11

Għadd ta’ persuni f’impjieg jew involuti f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg

Pilastru 3

Pilastru 4

Persuni qiegħda (13) jew inattivi (14) li rċevew appoġġ permezz ta’ miżuri skont l-RRF, u li huma f’impjieg, inkluż impjieg indipendenti, jew li kienu inattivi meta rċevew dak l-appoġġ u li appena ġew involuti f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg, immedjatament wara li rċevew dak l-appoġġ.

L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (15) u l-età (16).

“Involuti fit-tiftix ta’ impjieg” għandha tiġi definita bħala persuni normalment mingħajr xogħol, disponibbli għax-xogħol u li jfittxu xogħol b’mod attiv, kif definit fl-indikatur “Qiegħda”.

Il-persuni li appena rreġistraw mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi bħala persuni li qed ifittxu impjieg għandhom dejjem jingħaddu anki jekk ma jkunux disponibbli immedjatament għax-xogħol.

Persuni

12

Kapaċità tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati

Pilastru 4

Pilastru 5

L-għadd massimu annwali ta’ persuni li jistgħu jiġu servuti minn faċilità tal-kura tas-saħħa ġdida jew modernizzata minħabba appoġġ permezz ta’ miżuri skont il-Faċilità mill-inqas darba matul perjodu ta’ sena.

Il-modernizzazzjoni ma għandhiex tinkludi r-rinnovazzjoni tal-enerġija jew il-manutenzjoni u t-tiswijiet. Il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa għandhom jinkludu sptarijiet, kliniċi, ċentri tal-kura outpatient, ċentri tal-kura speċjalizzata eċċ.

Persuni/sena

13

Kapaċità fil-klassi ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati għall-indukrar tat-tfal u għat-tagħlim

Pilastru 4

Pilastru 6

►C1  Il-kapaċità tal-klassijiet f’termini tal-għadd massimu ta’ postijiet fil-faċilitajiet ġodda jew modernizzati tat-tagħlim u tal-indukrar bikri tat-tfal u tal-edukazzjoni (ISCED 0-8) bis-saħħa ta’ appoġġ permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. ◄ Il-kapaċità tal-klassijiet għandha tiġi kkalkulata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda ma għandhiex tinkludi għalliema, ġenituri, persunal awżiljarju jew kwalunkwe persuna oħra li tista’ tuża wkoll il-faċilitajiet.

Il-faċilitajiet ta’ tagħlim u tal-indukrar tat-tfal żgħar bħal crèches u skejjel preprimarji għandhom jirreferu għal dawk imfassla għat-tfal mit-twelid sal-bidu tal-edukazzjoni primarja (ISCED 0). ►C1  Il-faċilitajiet edukattivi għandhom jinkludu l-iskejjel (ISCED 1-3, ISCED 4) u l-edukazzjoni għolja (ISCED 5-8). ◄ L-indikatur għandu jkopri l-indukrar tat-tfal jew il-faċilitajiet edukattivi li jkunu għadhom kemm inbnew jew ġew modernizzati (pereżempju, biex jiżdiedu l-istandards tal-iġjene u tas-sikurezza), u l-modernizzazzjoni ma għandhiex tinkludi r-rinnovazzjoni tal-enerġija jew il-manutenzjoni u t-tiswijiet.

Persuni

14

L-għadd ta’ żgħażagħ bejn l-età ta’15 u 29 li jirċievu sostenn

Pilastru 6

L-għadd ta’ parteċipanti bejn l-età ta’ 15 u 29 li jirċievu sostenn monetarju jew in natura permezz ta’ miżuri skont il-Faċilità.

L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (17).

Persuni

(1)   

Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

(2)   

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(3)   

“il-potenza attiva massima li tista’ tiġi pprovduta, b’mod kontinwu, bl-impjanti kollha jaħdmu, fil-punt tal-iżbokk (jiġifieri wara li jittieħdu l-provvisti tal-enerġija għall-awżiljarji tal-istazzjon u wara li jitqies it-telf f’dawk it-transformers li huma kkunsidrati integrali għall-istazzjon”.

(4)   

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(5)   

B’mod speċifiku l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li jistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa.

(6)   

L-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (European Electronic Communications Code, EECC) attwalment jiddefinixxi t-terminu “network ta’ kapaċità għolja ħafna” kif ġej: “Network b’kapaċità għolja ħafna” tfisser network tal-komunikazzjoni elettronika li jikkonsisti għalkollox minn elementi tal-fibra ottika tal-inqas sal-ewwel punt tad-distribuzzjoni fil-post fejn ikun qed iservi jew network elettroniku ta’ komunikazzjoni li, fl-istess kundizzjonijiet waqt il-ħinijiet intensivi (peak-time), ikun kapaċi jagħti prestazzjoni tan-network simili mil-lat ta’ wisa’ tal-banda tad-downlink u tal-uplink disponibbli, reżiljenza, parametri relatati mal-erruri, u latenza u l-varjazzjoni tagħha;

(7)   

https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:Dwelling

(8)   

Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi ma jistgħu jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.

(9)   

ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(10)   

F’konformità mal-Anness VII tar-Regolament RRF li juri t-tikkettar diġitali skont il-Faċilità, it-taħriġ fil-ħiliet diġitali għandu jinftiehem skont it-tifsira tal-qasam ta’ intervent 108 (Appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali), li jiddikjara: “Dan jirreferi għall-ħiliet diġitali fil-livelli kollha u jinkludi: programmi edukattivi speċjalizzati ħafna għat-taħriġ ta’ speċjalisti diġitali (jiġifieri programmi ffukati fuq it-teknoloġija); it-taħriġ tal-għalliema, l-iżvilupp tal-kontenut diġitali għal finijiet edukattivi u l-kapaċitajiet organizzattivi rilevanti. Dan jinkludi wkoll miżuri u programmi mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet diġitali bażiċi.”

(11)   

Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi ma jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.

(12)   

0-17, 18-29, 30-54, 55 u aktar.

(13)   

Il-persuni qiegħda normalment ikunu persuni mingħajr xogħol, disponibbli għax-xogħol u li jkunu qed fittxu x-xogħol b’mod attiv. Il-persuni meqjusa bħala qiegħda rreġistrati skont id-definizzjonijiet nazzjonali dejjem jiġu inklużi hawnhekk anki jekk ma jissodisfawx dawn it-tliet kriterji kollha. Sors: §18 fid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Statistika tal-politika tas-suq tax-xogħol (LMP) – Metodoloġija 2018.

(14)   

Inattivi huma persuni li fil-mument mhumiex parti mill-forza tax-xogħol (fis-sens li mhumiex impjegati jew qiegħda skont id-definizzjonijiet ipprovduti). Sors: §20 fid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Statistika tal-politika tas-suq tax-xogħol – Metodoloġija 2018.

(15)   

Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.

(16)   

0-17, 18-29, 30-54, 55 u aktar.

(17)   

Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta’ metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali (ara l-paġna 79 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).