02021R1755 — MT — 01.03.2023 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/1755 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ottubru 2021

li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

(ĠU L 357 8.10.2021, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2023/435 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Frar 2023

  L 63

1

28.2.2023




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/1755 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ottubru 2021

li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ir-“Riżerva”).
2.  
Huwa jistabbilixxi l-objettivi tar-Riżerva, ir-riżorsi tagħha, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli dwar l-implimentazzjoni tagħha, inkluż dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa, il-ġestjoni u l-kontroll, u l-ġestjoni finanzjarja.

Artikolu 2

Għanijiet

1.  
Ir-Riżerva għandha tipprovdi appoġġ biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn xieraq, ambjentali negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-Istati Membri, inkluż fir-reġjuni, il-komunitajiet lokali tagħhom, u s-setturi, b’mod partikolari dawk li huma milquta l-agħar mill-ħruġ, u biex jittaffa l-impatt negattiv relatat fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
2.  
L-għanijiet tar-Riżerva għandhom jiġu segwiti f’konformità mal-objettiv li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TFUE, filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“perijodu ta’ referenza” tfisser il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 63(5), il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, li għandu jkun mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(2) 

“liġi applikabbli” tfisser il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha;

(3) 

“irregolarità” tfisser kull ksur tal-liġi applikabbli, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn kwalunkwe entità pubblika jew privata involuta fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jkollu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni;

(4) 

“irregolarità sistemika” tfisser kwalunkwe irregolarità, li tista’ tkun ta’ natura rikorrenti, bi probabbiltà kbira ta’ okkorrenza f’tipi ta’ miżuri simili;

(5) 

“żbalji totali” tfisser is-somma tal-iżbalji aleatorji pproġettati u, jekk applikabbli, l-iżbalji sistemiċi delimitati u l-iżbalji anomali mhux ikkoreġuti;

(6) 

“rata ta’ żball totali” tfisser l-iżbalji totali diviżi bil-popolazzjoni tal-awditjar;

(7) 

“rata ta’ żball residwu” tfisser l-iżbalji totali wara li jitnaqqsu l-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Istat Membru biex inaqqas ir-riskji identifikati mill-korp tal-awditjar, diviża bin-nefqa li trid tiġi ddikjarata fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(8) 

“rilokazzjoni” tfisser trasferiment tal-istess attività jew attività simili jew parti minnha skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (61a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 ( 1 );

(9) 

“territorji bi status speċjali”, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, tfisser, fejn xieraq, it-Territorji Brittaniċi extra-Ewropej u d-Dipendenzi tal-Kuruna.

Artikolu 4

Kopertura ġeografika u riżorsi tar-Riżerva

1.  
L-Istati Membri kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mir-Riżerva.
2.  
Ir-riżorsi massimi tar-Riżerva għandhom ikunu ta’ EUR 5 470 435 000 fi prezzijiet attwali.
3.  

Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati b’mod proviżorju, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll ta’ ħlas, skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I. Għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni kif ġej:

(a) 

ammont ta’ prefinanzjament ta’ EUR 4 321 749 000 fi prezzijiet attwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni u jitħallas fi tliet pagamenti ta’ EUR 1 697 933 000 fl-2021, EUR 1 298 919 000 fl-2022 u EUR 1 324 897 000 fl-2023 f’konformità mal-Artikolu 9;

(b) 

ammont rimanenti u allokat proviżorjament ta’ EUR 1 148 686 000 fi prezzijiet attwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fl-2025 f’konformità mal-Artikolu 12.

L-ammonti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitqiesu bħala prefinanzjament fis-sens tal-Artikolu 115(2), il-punt (b)(i), tar-Regolament Finanzjarju.

4.  
L-Istati Membri li l-allokazzjoni proviżorja tagħhom mir-riżorsi tar-Riżerva tinkludi ammont li jaqbeż l-EUR 10 miljun iddeterminat abbażi tal-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit għandhom jonfqu tal-anqas 50 % ta’ dak l-ammont jew 7 % tal-ammont allokat proviżorjament, skont liema minnhom ikun l-aktar wieħed baxx, għal miżuri b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali, inkluż is-settur tas-sajd, partikolarment is-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira li jiddependi mill-attivitajiet tas-sajd.

Meta l-allokazzjoni proviżorja ma tintużax kompletament, l-ammonti li jkunu meħtieġa jintefqu għall-iskop imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jitnaqqsu proporzjonalment.

Meta l-ammont li jkun meħtieġ jintefaq b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali ma jintużax kollu għal dak l-iskop, 50 % tal-ammont inutilizzat għandu jitnaqqas fil-kalkolu tal-ammont totali aċċettat.

L-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2), il-punt (a), għandu jispeċifika, fejn applikabbli, l-ammont aċċettat tan-nefqa b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali.

L-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tinkludi tqassim tan-nefqa mġarrba u mħallsa għal miżuri li jappoġġaw il-komunitajiet kostali lokali u reġjonali, f’konformità mal-Anness II.

5.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ammonti provviżorji allokati lil kull Stat Membru abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi wkoll l-ammont minimu ta’ riżorsi li għandhom jintefqu skont il-paragrafu 4.

▼M1

Artikolu 4a

Trasferiment għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

1.  
Sal-1 ta’ Marzu 2023, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni talba motivata biex jittrasferixxu lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) l-ammonti kollha tal-allokazzjoni proviżorja tagħhom kif jinsabu fl-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 4(5) jew parti minnhom. Jekk it-talba għat-trasferiment tiġi approvata, il-Kummissjoni għandha temenda l-att ta’ implimentazzjoni sabiex jirrifletti l-ammonti aġġustati wara t-trasferimenti.
2.  
Meta t-trasferimenti jaffettwaw il-pagamenti parzjali diġà mħallsa jew li jkunu ser jitħallsu bħala prefinanzjament, il-Kummissjoni għandha temenda l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(1) kif xieraq għall-Istat Membru kkonċernat. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tirkupra, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-pagamenti parzjali kollha tal-2021 u l-2022 jew parti minnhom imħallsa lil dak l-Istat Membru bħala prefinanzjament,. F’dak il-każ, l-ammonti rkuprati għandhom jiġu trasferiti lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-benefiċċju esklużiv tal-Istat Membru kkonċernat.
3.  
Meta Stat Membru jagħżel li jittrasferixxi l-allokazzjoni proviżorja kollha tiegħu jew parti minnha għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-ammonti li għandhom jintefqu għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonat.
4.  
Meta Stat Membru jagħżel li jittrasferixxi l-allokazzjoni proviżorja kollha tiegħu għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Artikolu 10(1) ma għandux japplika.
5.  
L-Artikolu 10(2) ma għandux japplika għall-ammonti trasferiti lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

▼B



KAPITOLU II

Eliġibbiltà, assistenza teknika u esklużjoni mill-appoġġ

Artikolu 5

Eliġibbiltà

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tappoġġa miżuri mwettqa speċifikament mill-Istati Membri, inkluż fil-livelli tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u tista’ tkopri, b’mod partikolari, dan li ġej:

(a) 

miżuri li jagħtu appoġġ lin-negozji privati u pubbliċi, b’mod partikolari lill-SMEs, dawk li jaħdmu għal rashom, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet lokali milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(b) 

miżuri li jappoġġaw is-setturi ekonomiċi li huma dawk l-aktar milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(c) 

miżuri ta’ appoġġ għan-negozji, għall-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali, inkluż is-sajd kostali fuq skala żgħira, li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, fl-ilmijiet tat-territorji bi status speċjali u fl-ilmijiet koperti minn ftehimiet tas-sajd ma’ stati kostali fejn l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot tal-Unjoni naqsu minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(d) 

miżuri li jappoġġaw il-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi l-aktar li huma milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(e) 

miżuri li jiżguraw il-funzjonament tal-kontrolli tal-fruntieri, doganali, sanitarji u fitosanitarji, tas-sigurtà u tas-sajd, kif ukoll il-ġbir ta’ tassazzjoni indiretta, inkluż bis-saħħa ta’ persunal, it-taħriġ tiegħu u infrastruttura addizzjonali;

(f) 

miżuri biex jiffaċilitaw ir-reġimi għaċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti, biex jassistu fl-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ stabbiliment, biex jiffaċilitaw it-tikkettar u l-immarkar, pereżempju għal standards tas-sikurezza, tas-saħħa u ambjentali, kif ukoll biex jassistu fir-rikonoxximent reċiproku;

(g) 

miżuri għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji dwar il-bidliet għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(h) 

miżuri mmirati lejn ir-reintegrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni li telqu mir-Renju Unit, bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

2.  
In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva jekk issir u titħallas mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi pagamenti lil entitajiet pubbliċi jew privati, matul il-perijodu ta’ referenza għall-miżuri mwettqa fi, jew għall-benefiċċju ta’, l-Istat Membru kkonċernat.
3.  
Meta jfasslu l-miżuri ta’ appoġġ, l-Istati Membri għandhom iqisu l-impatt varjat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq reġjuni u komunitajiet lokali differenti u jiffukaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva fuq dawk l-aktar milquta ħażin mill-ħruġ, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta’ sħubija u jinkoraġġixxu djalogu f’diversi livelli mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-komunitajiet tar-reġjuni u s-setturi li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ, kif ukoll is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, fejn rilevanti, u skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tagħhom.
4.  
Meta jkunu qed ifasslu l-miżuri ta’ appoġġ fil-qasam tas-sajd, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd, filwaqt li jiżguraw li dawk il-miżuri jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u għandhom jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw lis-sajjieda li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, inkluż fil-qasam tas-sajd fuq skala żgħira.
5.  
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-liġi applikabbli.
6.  
Miżuri eliġibbli skont il-paragrafu 1 jistgħu jirċievu appoġġ minn fondi u programmi oħrajn tal-Unjoni sakemm dak l-appoġġ ma jkunx ikopri l-istess spiża.
7.  

L-Istati Membri għandhom iħallsu lura l-kontribuzzjoni mir-Riżerva għal azzjoni li tkun tikkonsisti f’investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv, jekk fi żmien 5 snin mill-pagament finali lir-riċeventi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva jew fil-perijodu ta’ żmien stabbilit fir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, fejn ikun applikabbli, dik l-operazzjoni tkun soġġetta għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

waqfien ta’ attività produttiva jew trasferiment ta’ attività produttiva barra mill-Istat Membru fejn tkun irċeviet il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(b) 

bidla tas-sjieda ta’ oġġett infrastrutturali li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku;

(c) 

bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-objettivi jew il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha, li jirriżulta fl-imminar tal-objettivi oriġinali tagħha.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għal 3 snin f’dawk il-każijiet li jikkonċernaw iż-żamma ta’ investimenti jew impjiegi maħluqin mill-SMEs.

Dan il-paragrafu ma għandu japplika għal ebda azzjoni li tgħaddi minn waqfien ta’ attività produttiva minħabba falliment mhux frawdolenti.

Artikolu 6

Assistenza teknika

1.  
2,5 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għal kull Stat Membru għandha titħallas bħala assistenza teknika għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-kontroll u l-awditjar tar-Riżerva, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, skont il-każ.
2.  
L-assistenza teknika għandha tiġi kkalkulata bħala rata fissa bl-applikazzjoni tal-fattur ta’ 25/975 għall-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2), il-punt (a).

Artikolu 7

Esklużjoni mill-appoġġ

Ir-Riżerva ma għandhiex tappoġġa l-VAT u n-nefqa li tappoġġa r-rilokazzjoni kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (8).



KAPITOLU III

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

1.  
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva lil Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
L-Istati Membri għandhom jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva biex jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 biex jipprovdu forom ta’ appoġġ li ma jitħallsux lura. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-forma ta’ rimborż tal-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrbin u mħallsin mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, inklużi l-pagamenti magħmula lil entitajiet pubbliċi jew privati, għall-miżuri mwettqa, u finanzjament b’rata fissa għal assistenza teknika.
3.  
L-impenji u l-pagamenti skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
4.  
B’deroga mill-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju, id-dokumenti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati darba, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.
5.  
B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jintużaw sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom jiġu kkonsmati l-ewwel fis-sena finanzjarja ta’ wara.

Artikolu 9

Prefinanzjament

1.  
Soġġett għall-wasla tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 14(1), il-punt (d), ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi t-tqassim tar-riżorsi msemmijin fl-Artikolu 4(3), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għal kull Stat Membru. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. B’deroga mill-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju, dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament ma għandhiex ikun fiha deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati.
2.  
L-impenji baġitarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ kull Stat Membru għandhom isiru mill-Kummissjoni f’pagamenti annwali matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2023.

B’deroga mill-Artikolu 111(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-impenji baġitarji għall-ewwel pagament għandhom isegwu l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jikkostitwixxi l-impenn legali mill-Kummissjoni.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tħallas il-pagament tal-prefinanzjament għall-2021 fi żmien 30 jum mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-pagamenti għall-2022 u l-2023 għandhom jitħallsu sat-30 ta’ April 2022 u t-30 ta’ April 2023, rispettivament. Il-prefinanzjament għandu jiġi approvat f’konformità mal-Artikolu 12.
4.  
L-ammonti allokati iżda mhux imħallsin bħala prefinanzjament għandhom jiġu riportati u għandhom jintużaw għal pagamenti addizzjonali skont l-Artikolu 12(6).

Artikolu 10

Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

1.  
Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva sat-30 ta’ Settembru 2024. Il-Kummissjoni għandha teżamina dawk l-applikazzjonijiet u tistabbilixxi jekk ikunx hemm allokazzjoni proviżorja rimanenti u ammonti addizzjonali dovuti lill-Istati Membri jew jekk hemmx xi ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 12.
2.  
Meta Stat Membru ma jippreżentax applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva sat-30 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tirkupra l-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament lil dak l-Istat Membru.

Artikolu 11

Kontenut tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

1.  
L-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tkun ibbażata fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II. L-applikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar in-nefqa totali mġarrba u mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluża d-distribuzzjoni territorjali tan-nefqa fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, fejn rilevanti, u l-valuri tal-indikaturi tal-output għall-miżuri mwettqa. Din għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju u minn rapport ta’ implimentazzjoni.
2.  

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għar-Riżerva għandu jinkludi:

(a) 

deskrizzjoni tal-impatt negattiv tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni f’termini ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn xieraq, ambjentali, inkluża identifikazzjoni tas-setturi, ir-reġjuni, l-oqsma u l-komunitajiet lokali li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ;

(b) 

deskrizzjoni tal-miżuri mwettqa biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ta’ kemm dawk il-miżuri taffew l-impatt reġjonali u settorjali msemmi fil-punt (a), u kif ġew implimentati;

(c) 

ġustifikazzjoni tal-eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba u mħallsa u r-rabta diretta tagħha mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(d) 

deskrizzjoni tal-arranġamenti stabbiliti biex jiġi evitat finanzjament doppju u biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni u mal-finanzjament nazzjonali;

(e) 

deskrizzjoni tal-kontribut tal-miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

3.  
Is-sommarju msemmi fl-Artikolu 63(5), il-punt (b), tar-Regolament Finanzjarju għandu jistabbilixxi r-rata ta’ żball totali u r-rata ta’ żbalji residwi għan-nefqa mdaħħla fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva ppreżentata lill-Kummissjoni, b’riżultat tal-azzjonijiet korrettivi meħudin.

Artikolu 12

Approvazzjoni tal-prefinanzjament tal-allokazzjoni proviżorja li jifdal u kalkolu tal-ammonti addizzjonali dovuti lill-Istati Membri

1.  
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 għandha tissodisfa ruħha li l-applikazzjoni tkun kompluta, preċiża u veritiera. Meta tikkalkula l-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva dovuta lill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni n-nefqa għall-miżuri li ġew implimentati jew li saru żborżi għalihom bi ksur tal-liġi applikabbli.
2.  

Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dan li ġej:

(a) 

l-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat;

(b) 

l-ammont ta’ assistenza teknika kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 6(2);

(c) 

is-somma tal-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) (“ammont aċċettat totali”);

(d) 

jekk l-ammont allokat b’mod proviżorju f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 4(5) (“allokazzjoni proviżorja”) huwiex dovut lill-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew jekk hemmx bżonn li jiġu rkuprati xi ammonti skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

3.  
Meta l-ammont aċċettat totali jaqbeż l-ammont ta’ prefinanzjament imħallas, għandu jkun dovut lil dak l-Istat Membru ammont mill-allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (b), sal-ammont tal-allokazzjoni proviżorja għal dak l-Istat Membru.
4.  
Fir-rigward tal-ammonti dovuti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tapprova l-prefinanzjament u tħallas kwalunkwe ammont dovut lill-Istati Membri fi żmien 30 jum mill-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe riżorsa mhux użata mill-allokazzjonijiet proviżorji bħala pagamenti addizzjonali billi żżid proporzjonalment il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva lill-Istati Membri li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom. Ir-riżorsi mhux użati għandhom jikkonsistu fl-ammonti riportati skont l-Artikolu 9(4), il-parti li jifdal tal-allokazzjoni proviżorja ta’ Stat Membru li l-ammont aċċettat totali tiegħu huwa inqas mill-allokazzjoni proviżorja tiegħu u l-ammonti li jirriżultaw mill-irkupri mwettqa skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Meta l-ammont aċċettat totali jkun inqas mill-prefinanzjament imħallas lill-Istat Membru kkonċernat, id-differenza għandha tiġi rkuprata f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-ammonti rkuprati għandhom jiġu ttrattati bħala dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(3), il-punt (b), tar-Regolament Finanzjarju.

Meta s-somma tal-ammonti addizzjonali kkalkulata għall-Istati Membri kollha li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom tkun aktar għolja mir-riżorsi disponibbli skont l-ewwel subparagrafu, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mir-Riżerva għall-ammonti li jaqbżu l-allokazzjonijiet proviżorji għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonali.

Meta l-pagamenti addizzjonali lill-Istati Membri li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom jkunu saru b’rata ta’ 100 %, kwalunkwe ammont li jkun fadal għandu jingħata lura lill-baġit tal-Unjoni.

7.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ammonti addizzjonali dovuti skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tħallas kull ammont addizzjonali dovut fi żmien 30 jum mill-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni.
8.  
Qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafi 2 u 7, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-valutazzjoni tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta l-Istat Membru jiġi infurmat dwar il-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 13

L-użu tal-euro

Kwalunkwe ammont iddikjarat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandu jkun denominat f’euro. L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom jikkonvertu l-ammonti fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju tal-kontabbiltà mensili stabbilita mill-Kummissjoni, fix-xahar li matulu n-nefqa tkun reġistrata fis-sistemi ta’ kontabilità tal-korp jew korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.



KAPITOLU IV

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva

Artikolu 14

Ġestjoni u kontroll

1.  

Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tar-Riżerva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

(a) 

jaħtru korp jew, fejn ikun meħtieġ mill-qafas kostituzzjonali tal-Istat Membru, korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u korp tal-awditjar indipendenti f’konformità mal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Finanzjarju, u s-superviżjoni ta’ tali korpi;

(b) 

jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-iżgurar li dawk is-sistemi jiffunzjonaw b’mod effettiv;

(c) 

ifasslu deskrizzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness III, iżommu d-deskrizzjoni aġġornata u jagħmluha aċċessibbli għall-Kummissjoni meta din titlobha;

(d) 

jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-korp jew tal-korpi maħtura u tal-korp li l-prefinanzjament għandu jitħallas lilu, u jikkonfermaw li d-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva jkunu tfasslu, sal-10 ta’ Diċembru 2021;

(e) 

jiżguraw li n-nefqa appoġġata taħt fondi u programmi oħrajn tal-Unjoni ma tkunx inkluża għall-appoġġ mir-Riżerva;

(f) 

jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet u l-frodi, u jevitaw il-kunflitti ta’ interess; dawk l-azzjonijiet jikkonsistu fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament skont il-punt 4(a) tal-Anness III; ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ tali data għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

(g) 

jikkooperaw mal-Kummissjoni, mal-OLAF, mal-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa, mal-UPPE skont ir-Regolament (UE) 2017/1939.

L-użu u l-aċċess għad-data msemmija fil-punt (f) għandhom ikunu limitati għall-korpi msemmija fil-punt (a), il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, għall-UPPE.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jitħallew jipproċessaw id-data personali biss fejn ikun meħtieġ għall-fini li jwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament, u għandhom jipproċessaw id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) jew ir-Regolament (UE) 2018/1725, skont liema minnhom ikun applikabbli.

2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-korpi, fil-livell territorju xieraq, u mis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll diġà fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.
3.  

Il-korp jew il-korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandhom:

(a) 

jiżguraw il-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti;

(b) 

jistabbilixxu kriterji u proċeduri għall-għażla tal-miżuri li jridu jiġu ffinanzjati u jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(c) 

jivverifikaw li l-miżuri ffinanzjati mir-Riżerva jkunu implimentati f’konformità mal-liġi applikabbli u l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, u li n-nefqa tkun ibbażata fuq dokumenti ta’ sostenn verifikabbli;

(d) 

jistabbilixxu miżuri effettivi biex jiġi evitat finanzjament doppju tal-istess kostijiet mir-Riżerva u minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni;

(e) 

jiżguraw l-pubblikazzjoni ex post f’konformità mal-paragrafi tal-Artikolu 38(2) sa (6) tar-Regolament Finanzjarju;

(f) 

jużaw sistema kontabilistika biex jirreġistraw u jaħżnu elettronikament id-data dwar in-nefqa mġarrba li trid tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva li tipprovdi informazzjoni preċiża, kompluta u affidabbli fil-ħin;

(g) 

iżommu d-dokumenti ta’ sostenn kollha rigward in-nefqa li trid tiġi koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva disponibbli għal perijodu ta’ ħames snin wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, u jinkludu dak l-obbligu fi ftehimiet ma’ entitajiet oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tar-Riżerva;

(h) 

għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (f), jiġbru l-informazzjoni f’format elettroniku standardizzat biex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tar-riċeventi ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u tas-sidien benefiċjarji tagħhom f’konformità mal-Anness III.

4.  
Il-korp tal-awditjar indipendenti għandu jivverifika s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva u jwettaq verifiki ta’ miżuri ffinanzjati sabiex jipprovdi assigurazzjoni indipendenti lill-Kummissjoni rigward il-funzjonament effettiv ta’ dik is-sistema u l-legalità u r-regolarità tan-nefqa inkluża fil-kontijiet ippreżentati lill-Kummissjoni.

Ix-xogħol tal-awditjar għandu jitwettaq f’konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

Il-verifiki tal-miżuri ffinanzjati għandhom ikopru n-nefqa abbażi ta’ kampjun. Dak il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv u għandu jkun ibbażat fuq metodi tal-kampjunar statistiku.

Meta l-popolazzjoni tkun tikkonsisti f’inqas minn 300 unità tal-kampjunar, ikun jista’ jintuża metodu ta’ kampjunar mhux statistiku bbażat fuq il-ġudizzju professjonali tal-korp tal-awditjar indipendenti. F’każijiet bħal dawn id-daqs tal-kampjun għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-korp tal-awditjar indipendenti jfassal opinjoni tal-awditjar valida. Il-metodu tal-kampjunar mhux statistiku għandu jkopri minimu ta’ 10 % tal-unitajiet tal-kampjunar fil-popolazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, magħżula b’mod aleatorju.

5.  
Il-Kummissjoni tista’ twettaq awditjar fuq il-post fl-istabbilimenti ta’ kwalunkwe entita’ involuta fl-implimentazzjoni tar-Riżerva fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mir-Riżerva u għandu jkollha aċċess għad-dokumenti ta’ sostenn rigward in-nefqa li trid tiġi koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva fejn l-Istati Membri ma jagħmlux użu mill-korpi eżistenti maħtura għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. Jekk jiġu identifikati riskji, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni biex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva taħdem b’mod effettiv biex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat bil-konklużjonijiet proviżorji tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta tkun informat lill-Istat Membru konċernat bil-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

Artikolu 15

Korrezzjonijiet finanzjarji

1.  
Il-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (f), għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha mir-Riżerva. L-Istati Membri għandu jirkupra kwalunkwe ammont mitluf b’riżultat ta’ xi irregolarità li tinstab.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa biex tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-esklużjoni tal-ammonti irregolari ppreżentati lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament mill-finanzjament tal-Unjoni u jekk jiġu sussegwentement identifikati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsin indebitament f’konformità mal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolarità identifikati u għandha tqis jekk l-irregolarità tkunx sistemika. Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-ammont ta’ nefqa irregolari, jew meta l-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva ma tkunx qed taħdem b’mod effettiv biex tissalvagwardja l-legalità u r-regolarità tan-nefqa, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tal-irregolarità u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha għall-baġit tal-Unjoni.
4.  
Qabel l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsin indebitament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-valutazzjoni tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta hija tinforma lill-Istat Membru dwar il-valutazzjoni tagħha.



KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 16

Informazzjoni u komunikazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, fejn xieraq, għandhom ikunu responsabbli biex jinfurmaw u jippubbliċizzaw liċ-ċittadini tal-Unjoni, inklużi dawk li potenzjalment jibbenefikaw mir-Riżerva, tar-rwol, ir-riżultati u l-impatt tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mir-Riżerva permezz ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u, f’dak il-kuntest, iqajmu kuxjenza dwar il-bidliet li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Artikolu 17

Evalwazzjoni u rapportar

1.  
Sa Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
2.  
Sat-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex teżamina l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni tar-Riżerva. Il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni rilevanti kollha diġà disponibbli f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju.
3.  
Sat-30 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Riżerva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

METODOLOĠIJA TA’ ALLOKAZZJONI GĦAR-RIŻORSI TAR-RIŻERVA DESKRITTI FL-ARTIKOLU 4(3)

Ir-riżorsi tar-Riżerva għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri skont il-metodoloġija li ġejja:

1. 

Is-sehem ta’ kull Stat Membru tar-riżorsi tar-Riżerva huwa ddeterminat bħala s-somma ta’ fattur marbut mal-ħut maqbud żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit, fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit, u fattur marbut mal-popolazzjoni tar-reġjuni marittimi mal-fruntiera tar-Renju Unit.

2. 

Il-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 656 452 200 . Il-fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 4 540 461 050 . Il-fattur marbut mar-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 273 521 750 . Kull wieħed minn dawk l-ammonti huwa espress fi prezzijiet attwali.

3. 

Il-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit huwa miksub abbażi tal-kriterji li ġejjin u billi jiġu applikati l-passi li ġejjin:

(a) 

is-sehem ta’ kull Stat Membru mill-valur totali tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit;

(b) 

dawk l-ishma jiżdiedu għall-Istati Membri b’sajd li għandu dipendenza ogħla mill-medja fuq il-qbid tal-ħut fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit u jonqsu għall-Istati Membri li għandhom dipendenza taħt il-medja kif ġej:

(i) 

għal kull Stat Membru, il-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit bħala perċentwal tal-valur totali tal-ħut maqbud minn dak l-Istat Membru huwa espress bħala indiċi tal-medja tal-Unjoni (‘indiċi tad-dipendenza’);

(ii) 

is-sehem inizjali tal-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit jiġi aġġustat billi jiġi mmultiplikat bl-indiċi ta’ dipendenza tal-Istat Membru b’ponderazzjoni ta’ 75 %;

(iii) 

dawk l-ishma aġġustati jiġu riaġġustati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tal-Istati Membri kollha tkun ta’ 100 %.

4. 

Il-fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit jinkiseb billi jiġu applikati l-passi li ġejjin:

(a) 

il-kummerċ ta’ kull Stat Membru mar-Renju Unit huwa espress bħala sehem tal-kummerċ tal-Unjoni mar-Renju Unit (il-kummerċ huwa s-somma tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi);

(b) 

biex tiġi vvalutata l-importanza relattiva tal-flussi kummerċjali mar-Renju Unit għal kull Stat Membru, is-somma ta’ dawk il-flussi kummerċjali hija espressa bħala perċentwal tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istat Membru u sussegwentement espressa bħala indiċi tal-medja tal-Unjoni (“indiċi tad-dipendenza”);

(c) 

is-sehem inizjali tal-kummerċ mar-Renju Unit jiġi aġġustat billi jiġi mmultiplikat bl-indiċi ta’ dipendenza tal-Istat Membru b’ponderazzjoni ta’ 75 %;

(d) 

dawk l-ishma aġġustati jiġu riklassifikati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tal-Istati Membri kollha tkun ta’ 100 %;

(e) 

l-ishma hekk miksuba jiġu aġġustati billi jiġu diviżi bl-introjtu nazzjonali gross (ING) per capita tal-Istat Membru (f’paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist) espressi bħala perċentwal tal- ING medju per capita tal-Unjoni (medja espressa bħala 100 %);

(f) 

l-ishma li jirriżultaw jiġu riaġġustati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tkun ugwali għal 100 %, fejn jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jista’ jkollu sehem ogħla minn 25 % tat-total tal-Unjoni; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dak il-limitu massimu jitqassmu mill-ġdid lill-Istati Membri l-oħra, proporzjonalment mal-ishma mhux limitati tagħhom;

(g) 

jekk dak il-kalkolu jwassal għal allokazzjoni li taqbeż 0,36 % tal-ING ta’ Stat Membru (imkejjel f’euro), l-allokazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tiġi limitata għal-livell ta’ 0,36 % tal-ING tiegħu; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dan il-limitu massimu jitqassmu mill-ġdid lill-Istati Membri l-oħra, proporzjonalment mal-ishma mhux limitati tagħhom;

(h) 

jekk il-kalkolu msemmi fil-punt (g) jirriżulta f’intensità ta’ għajnuna ta’ aktar minn EUR 195/kull abitant, l-allokazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tiġi limitata għal-livell li jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ EUR 195/kull abitant; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dak il-limitu massimu jitqassmu lill-Istati Membri li ma jkun impost fuqhom limitu taħt il-punti (g) jew (h), proporzjonalment għall-ishma tagħhom kif ikkalkulati fil-punt (g).

5. 

Il-fattur marbut mar-reġjuni marittimi tal-fruntiera mar-Renju Unit jinkiseb billi jiġi kkalkulat is-sehem ta’ kull Stat Membru fil-popolazzjoni totali tar-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit. Ir-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit jinsabu fil-livell NUTS 3 tul il-fruntieri tal-kosta u ta’ reġjuni oħra tal-livell NUTS 3 li mill-inqas nofs il-popolazzjoni tagħhom tgħix mhux aktar minn 25 km minn dawn il-fruntieri tal-kosta. Il-fruntieri tal-kosta jikkostitwixxu kosta li qiegħda mhux aktar minn 150 km mill-kosta tar-Renju Unit.

6. 

Għall-finijiet tal-kalkolu tad-distribuzzjoni tar-riżorsi tar-Riżerva:

(a) 

għall-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2015 sal-2018;

(b) 

għall-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit bħala sehem mill-valur totali tal-ħut maqbud minn Stat Membru, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2015 sal-2018;

(c) 

għall-kummerċ, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(d) 

għall-ING il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(e) 

għall-ING/per capita (f’paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist) il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2016 sal-2018;

(f) 

għall-PDG u għall-popolazzjoni totali tal-Istati Membri l-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(g) 

għall-popolazzjoni tar-reġjuni fil-livell NUTS 3, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun l-2017.




ANNESS II

Mudell ta’ applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja, inklużi elementi relatati mal-kontijiet



1.

Stat Membru

 

2.

Data tal-applikazzjoni

 

3.

Data tal-ewwel nefqa

Data mġarrba

Data tal-ħlas

4.

Data tal-aħħar nefqa

Data mġarrba

Data tal-ħlas

5.

Ammont ta’ prefinanzjament riċevut (f’EUR)

 

6.

Korp  (1) jew korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Persuna responsabbli u funzjoni

Dettalji ta’ kuntatt

 

7.

Korp tal-awditjar indipendenti

Persuna responsabbli u funzjoni

Dettalji ta’ kuntatt

 

8.

Korp jew korpi li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti, meta applikabbli

 

9.

Deskrizzjoni qasira taż-żoni u s-setturi affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u tal-miżuri ta’ rispons imdaħħla fis-seħħ

 

10.

Meta jitwettaq, deskrizzjoni qasira tad-djalogu f’diversi livelli

 

11.

Nefqa totali mġarrba u mħallsa qabel it-tnaqqis

 

12.

Ammonti mnaqqsa mill-Istat Membru u r-raġunijiet għat-tnaqqis

 

13.

B’mod partikolari, mill-ammonti mnaqqsa taħt il-punt 12., l-ammonti kkoreġuti bħala riżultat tal-verifiki tal-miżuri ffinanzjati

 

14.

Nefqa totali sottomessa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (EUR) (14 = 11 – 12)

 

15.

F’munita nazzjonali

(jekk applikabbli)

Għal Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro: jekk jogħġbok ikkonverti l-ammonti kollha f’euro bir-rati tal-kambju tal-kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni ppubblikati fuq:

https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/how-eu-funding-works/information-contractors-and-beneficiaries/exchange-rate-inforeuro_mt

16.

Rati tal-kambju tal-kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni

 

17.

Distribuzzjoni territorjali tan-nefqa fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, fejn rilevanti

 

18.

Tqassim tan-nefqa sottomessa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva inkluż l-ammont ta’ riżorsi minfuqa f’konformità mal-Artikolu 4(4) (jekk jogħġbok ipprovdi lista tal-azzjonijiet individwali ffinanzjati taħt kull miżura u n-nefqa relatata għal kull azzjoni)

Kull punt ta’ nefqa għandu jiddaħħal darba biss.

EUR

Munita nazzjonali (jekk applikabbli)

Indikaturi tal-output (jekk jogħġbok ipprovdi numru)

18.1.

Miżuri li jagħtu appoġġ lin-negozji privati u pubbliċi, b’mod partikolari lill-SMEs, lil dawk li jaħdmu għal rashom, lill-komunitajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni li qed tibbenefika

18.2.

Miżuri li jagħtu appoġġ lis-setturi ekonomiċi l-aktar affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

18.3.

Miżuri ta’ appoġġ għan-negozji, għall-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali, inkluż is-sajd kostali fuq skala żgħira, li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, fl-ilmijiet tat-territorji tiegħu bi status speċjali u fl-ilmijiet koperti minn ftehimiet tas-sajd ma’ stati kostali fejn l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot tal-Unjoni naqsu minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni li qed tibbenefika

18.4.

Miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi l-aktar affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

 

 

Parteċipanti

18.5.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-fruntieri, u l-kontrolli tas-sigurtà, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.6.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tad-dwana u l-ġbir tat-tassazzjoni indiretta, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.7.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji u tas-sajd, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.8.

Miżuri li jiffaċilitaw reġimi għaċ-ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ prodotti, biex jassistu fis-sodisfazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ stabbiliment, biex jiġu ffaċilitati t-tikkettar u mmarkar, pereżempju għas-sigurtà, is-saħħa, l-istandards ambjentali, u kif ukoll biex jassistu fir-rikonoxximent reċiproku

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

18.9.

Miżuri għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji dwar il-bidliet għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni koperta

18.10.

Miżuri mmirati lejn ir-reintegrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-persuni li għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni li telqu mir-Renju Unit, bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

 

 

Persuni

18.11.

Oħra (jekk jogħġbok speċifika)

 

 

 

19.

Kwalunkwe finanzjament komplementari tal-Unjoni riċevut jew mitlub għal nefqa mhux inkluża f’din l-applikazzjoni

Deskrizzjoni qasira/ammont (eż l-użu ta’ finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni/REACT-EU/JTF/RRF/oħrajn - jekk jogħġbok speċifika)

 

20.

Jekk jogħġbok indika l-entità legali u n-numru sħiħ tal-kont bankarju u d-detentur f’każ ta’ pagament ulterjuri

□Kont li qabel kien jintuża biex jirċievi pagamenti mill-UE

□Kont ġdid

(1)   

Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

Mudell għad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li għandha takkumpanja l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Jien/Aħna, is-sottoskritt(i) [kunjom/kunjomijiet, isem/ismijiet, titolu/i jew funzjoni(jiet)], Kap/i tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, abbażi tal-implimentazzjoni tar-Riżerva matul il-perijodu ta’ referenza, abbażi tal-ġudizzju tiegħi/tagħna stess u tal-informazzjoni kollha disponibbli għalija/għalina fid-data tal-applikazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni, inklużi r-riżultati mill-verifiki mwettqa u mill-awditi b’rabta mal-infiq inklużi fl-applikazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza, u fil-kunsiderazzjoni l-obbligu tiegħi/tagħna skont ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), b’dan niddikjaraw li:

(a) 

l-informazzjoni fl-applikazzjoni hija ppreżentata sewwa, kompluta u hija preċiż skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju,

(b) 

in-nefqa mniżżla fl-applikazzjoni hija konformi mal-liġi applikabbli u ntużat għall-iskop maħsub tagħha,

(c) 

is-sistemi ta’ kontroll stabbiliti jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

Jiena/aħna nikkonferma/w li l-irregolaritajiet identifikati fl-awditu finali u fir-rapporti ta’ kontroll għar-rigward tal-perijodu referenzjarju ġew ittrattati kif xieraq fl-applikazzjoni. Barra minn hekk, jiena/aħna nikkonferma(w) l-affidabbiltà tad-data relatata mal-implimentazzjoni tar-Riżerva. Jiena/Aħna nikkonferma(w) wkoll li miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi qegħdin fis-seħħ u li dawk il-miżuri jieħdu kont tar-riskji identifikati f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, jiena/aħna nikkonferma(w) li jiena/aħna ma naf/nafu bl-ebda kwistjoni mhux żvelata relatata mal-implimentazzjoni tar-Riżerva li tista’ tkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tar-Riżerva.

Mudell għall-opinjoni tal-awditjar li għandha takkumpanja l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Lill-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

1.   INTRODUZZJONI

Jien, hawn taħt iffirmat, li nirrappreżenta [l-isem tal-korp tal-awditjar indipendenti], awditjajt

(i) 

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni għall-perijodu ta’ referenza;

(ii) 

il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha intalab rimborż mill-Kummissjoni; u

(iii) 

il-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva, u vverifikajt id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni,

sabiex ikun nista’ noħroġ opinjoni ta’ awditjar.

2.   RESPONSABBILTAJIET TAL-KORP ( 5 ) RESPONSABBLI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MIR-RIŻERVA

[isem il-korp] qiegħed jiġi identifikat bħala l-korp responsabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fir-rigward tal-funzjonijiet u l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 14.

Barra minn hekk, [isem il-korp] huwa responsabbli biex jiżgura u jiddikjara l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-applikazzjoni.

Barra minn hekk, hija r-responsabbiltà tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva li jikkonferma li n-nefqa mniżżla fl-applikazzjoni tkun legali u regolari u konformi mal-liġi applikabbli.

3.   RESPONSABBILTAJIET TAL-KORP TAL-AWDITJAR INDIPENDENTI

Kif stabbilit fl-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju, ir-responsabbiltà tiegħi hija li nesprimi opinjoni indipendenti dwar il-kompletezza, il-veraċità u l-preċiżjoni tal-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni, dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni, u dwar il-funzjonament kif suppost tas-sistema stabbilita ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva.

Ir-responsabbiltà tiegħi hija wkoll li ninkludi fl-opinjoni dikjarazzjoni dwar jekk ix-xogħol tal-awditjar iqajjimx dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.

L-awditi fir-rigward tar-Riżerva twettqu skont standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Dawk l-istandards jeżiġu li l-korp tal-awditjar indipendenti jikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li jippjana u jwettaq ix-xogħol ta’ awditjar sabiex jinkiseb aċċertament raġonevoli għall-fini tal-opinjoni tal-awditjar.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza xierqa suffiċjenti sabiex tiġi appoġġata l-opinjoni stabbilita hawn taħt. Il-proċeduri mwettqa jiddependu fuq id-deċiżjoni professjonali tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Il-proċeduri tal-awditjar li wettaqt huma dawk li nemmen huma xierqa fiċ-ċirkostanzi u huma konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju.

Jiena tal-fehma li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tiegħi [[f’każ li jkun hemm xi limitazzjonijiet fuq l-ambitu:], ħlief għal dak li jissemma fil-Punt 4 “Limitazzjonijiet fuq l-ambitu”].

Il-ġabra fil-qosor tar-riżultati mill-awditi fir-rigward tar-Riżerva huma rrappurtati fir-rapport mehmuż skont il-punt (b) tal-Artikolu 63(5) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   LIMITAZZJONIJIET FUQ L-AMBITU

Jew

Ma kien hemm l-ebda limitazzjoni fl-ambitu tal-awditjar.

jew

L-ambitu tal-awditjar kien limitat mill-fatturi li ġejjin:

(a) 

…;

(b) 

…;

(c) 

….

[Indika kull limitazzjoni fuq l-ambitu tal-awditjar, pereżempju kull nuqqas ta’ dokumentazzjoni ġustifikattiva, każijiet taħt proċeduri legali, u agħti stima taħt “Opinjoni kkwalifikata” hawn taħt, tal-ammonti tan-nefqa u tal-kontribuzzjoni mir-Riżerva affettwati u tal-impatt tal-limitazzjoni tal-ambitu fuq l-opinjoni tal-awditjar. Spjegazzjonijiet ulterjuri f’dan ir-rigward għandhom jingħataw fir-rapport, kif xieraq.]

5.   OPINJONI

Jew (Opinjoni mhux ikkwalifikata)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(i) 

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu stampa reali u xierqa;

(ii) 

in-nefqa inkluża fl-applikazzjoni hija legali u regolari; u

(iii) 

is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva tiffunzjona sew.

Il-ħidma tal-awditjar li saret ma tpoġġix f’dubju l-asserzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.

Jew (Opinjoni bi kwalifikazzjoni)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(1) 

L-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni

— 
l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu stampa reali u xierqa [fejn il-kwalifika tapplika għall-applikazzjoni, jiżdied it-test li ġej:] ħlief fl-aspetti materjali li ġejjin: ….
(2) 

Il-legalità u r-regolarità tan-nefqa inkluża fl-applikazzjoni

— 
in-nefqa inkluża fl-applikazzjoni hija legali u regolari [fejn il-kwalifika tapplika għall-applikazzjoni, jiżdied it-test li ġej:] ħlief f’dawn l-aspetti li ġejjin: ….
L-impatt tal-kwalifikazzjoni huwa limitat [jew sinifikanti] u jikkorrispondi għal … (ammont f’EUR tal-ammont totali tan-nefqa).
(3) 

Is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fis-seħħ fid-data ta’ din l-opinjoni tal-awditjar

— 
is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fis-seħħ tiffunzjona kif suppost [fejn il-kwalifika tapplika għas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva, jiżdied it-test li ġej:] ħlief f’dawn l-aspetti li ġejjin: …
L-impatt tal-kwalifikazzjoni huwa limitat [jew sinifikanti] u jikkorrispondi għal …. (ammont f’EUR tal-ammont totali tan-nefqa).
Il-ħidma tal-awditjar imwettqa ma tpoġġix/tpoġġi [ħassar kif xieraq] fid-dubju l-istqarrijiet magħmulin fid-dikjarazzjoni tal-amministrazzjoni.

[Meta x-xogħol tal-awditjar iqajjem dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, il-korp tal-awditjar indipendenti għandu jiżvela f’dan il-paragrafu l-aspetti li jwasslu għal din il-konklużjoni.]

Jew (Opinjoni avversa)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(i) 

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu/ma jagħtux [ħassar skont kif japplika] stampa reali u xierqa; u/jew

(ii) 

in-nefqa fl-applikazzjoni li għaliha jkun intalab rimborż mill-Kummissjoni hija/mhijiex [ħassar skont kif japplika] legali u regolari; u/jew

(iii) 

is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva stabbiliti tiffunzjona/ma tiffunzjonax [ħassar skont kif japplika] kif suppost.

Din l-opinjoni avversa hija bbażata fuq dawn l-aspetti:

— 
fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-applikazzjoni: [jekk jogħġbok speċifika]
u/jew [ħassar skont kif japplika]
— 
fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-legalità u r-regolarità tan-nefqa fl-applikazzjoni li għalihom ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni: [jekk jogħġbok speċifika]
u/jew [ħassar skont kif japplika]
— 
fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll u ta’ ġestjoni għar-Riżerva: [jekk jogħġbok speċifika].

Il-ħidma tal-awditjar imwettqa tpoġġi f’dubju l-asserzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni rigward l-aspetti li ġejjin:

[Il-korp tal-awditjar indipendenti jista’ jdaħħal ukoll osservazzjonijiet, li ma jkunux jaffettwaw l-opinjoni tiegħu, kif stabbilit fl-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Tista’ tingħata ċaħda ta’ opinjoni f’każijiet eċċezzjonali.]

Data:

Firma:




ANNESS III

Mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva

1.   ĠENERALI

1.1. Informazzjoni mressqa minn:

(a) 

L-Istat Membru:

(b) 

L-isem u l-posta elettronika tal-punt ewlieni ta’ kuntatt (il-korp responsabbli mid-deskrizzjoni):

1.2. L-informazzjoni mogħtija tiddeskrivi s-sitwazzjoni fi: (jj/xx/ssss)

1.3. L-istruttura tas-sistema (l-informazzjoni ġenerali u l-flowchart li turi r-relazzjoni organizzattiva bejn il-korpi involuti fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva)

(a) 

Korp ( 6 ) responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (isem, indirizz u punt ta’ kuntatt fil-korp):

(b) 

Il-korp jew il-korpi li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti (isem, indirizz u punt ta’ kuntatt fil-korp), fejn applikabbli:

(c) 

Il-korp tal-awditjar indipendenti (l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt fil-korp):

(d) 

Indika kif il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-korpi msemmija fil-punti (a) u (c) jiġi rrispettat:

2.   IL-KORP RESPONSABBLI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MIR-RIŻERVA

2.1. Il-korp responsabbli mill-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u l-funzjonijiet ewlenin tiegħu

(a) 

L-istatus tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (korp nazzjonali jew reġjonali) u l-korp li minnu jagħmel parti:

(b) 

Qafas biex jiġi żgurat li jitwettaq eżerċizzju xieraq ta’ ġestjoni tar-riskju meta jkun meħtieġ, u b’mod partikulari fl-eventwalità ta’ modifiki maġġuri fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll:

2.2. Deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u l-proċeduri relatati mal-funzjonijiet u l-kompiti tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

(a) 

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-kompiti mwettqa mill-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva:

(b) 

Deskrizzjoni ta’ kif jiġi organizzat ix-xogħol u liema proċeduri se jiġu applikati b’mod partikolari fit-twettiq tal-verifiki (amministrattivi u fuq il-post) u biex jiġi żgurat rekord tal-awditjar adegwat rigward id-dokumenti kollha relatati man-nefqa:

(c) 

Indikazzjoni tar-riżorsi ppjanati li jkunu se jiġu allokati fir-rigward tad-diversi funzjonijiet tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni prevista u l-ambitu tagħha, fejn xieraq):

3.   KORP TAL-AWDITJAR INDIPENDENTI

L-istatus u deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u tal-proċeduri relatati mal-funzjonijiet tal-korp tal-awditjar indipendenti

(a) 

L-istatus tal-korp tal-awditjar indipendenti (korp nazzjonali jew reġjonali) u l-korp li minnu jagħmel parti, fejn relevanti:

(b) 

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet, u l-kompiti mwettqa mill-korp tal-awditjar indipendenti:

(c) 

Deskrizzjoni ta’ kif inhu organizzat ix-xogħol (flussi tax-xogħol, proċessi, diviżjonijiet interni), liema proċeduri japplikaw u meta, kif dawn jiġu sorveljati, indikazzjoni tar-riżorsi ppjanati li għandhom jiġu allokati b’rabta mad-diversi kompiti tal-awditjar:

4.   SISTEMA ELETTRONIKA

Deskrizzjoni tas-sistema jew sistemi elettroniċi inkluża flowchart (sistema ta’ netwerk ċentrali jew komuni jew sistema deċentralizzata b’rabtiet bejn is-sistemi) biex issir:

(a) 

Id-dokumentazzjoni u l-preservazzjoni, f’forma elettronika, ta’ data dwar kull miżura ffinanzjata mir-Riżerva:

— 
l-isem tar-riċevitur u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva,
— 
l-isem tal-kuntrattur ( 7 ) u s-subkuntrattur ( 8 ), fejn ir-riċevitur ikun awtorità kontraenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, u l-valur tal-kuntratt,
— 
l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid tas-sid benefiċjarju ( 9 ), kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ), tar-riċevitur jew tal-kuntrattur imsemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiż ta’ dan il-punt,
— 
fejn xieraq, data dwar parteċipanti individwali;
(b) 

L-iżgurar li r-rekords kontabilistiċi għal kull miżura ffinanzjata mir-Riżerva tiġi ddokumentata u ppreżervata, u li din id-dokumentazzjoni ssostni d-data meħtieġa għat-tfassil tal-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni;

(c) 

Iż-żamma ta’ rekords kontabilistiċi tan-nefqa mġarrba u mħallsa;

(d) 

Indikazzjoni dwar jekk is-sistemi elettroniċi jkunux qed jiffunzjonaw b’mod effettiv u jekk jistgħux jiddokumentaw b’mod affidabbli d-data kif kienet fid-data msemmija fil-punt 1.2;

(e) 

Id-deskrizzjoni tal-proċeduri li jiżguraw is-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tas-sistemi elettroniċi.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).

( 5 ) Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

( 6 ) Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

( 7 ) Informazzjoni meħtieġa biss fejn huma kkonċernati l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jissuperaw il-limiti tal-Unjoni.

( 8 ) Informazzjoni meħtieġa biss fl-ewwel livell tas-sottokuntrattar, biss fejn tiġi dokumentata informazzjoni dwar il-kuntrattur rispettiv, u biss għas-sottokuntratti li jissuperaw il-valur totali ta’ EUR 50 000 .

( 9 ) L-Istati Membri jistgħu jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit billi jużaw id-data miżmuma fir-reġistri kif imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

( 10 ) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).