02020R2093 — MT — 01.01.2024 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/2093

tas-17 ta' Diċembru 2020

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

(ĠU L 433I 22.12.2020, p. 11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022

  L 325

11

20.12.2022

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024

  L 765

1

29.2.2024




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/2093

tas-17 ta' Diċembru 2020

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027



KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Qafas finanzjarju pluriennali

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP).

Artikolu 2

Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

1.  
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fl-Anness I ("il-limiti massimi tal-QFP").

Is-sublimitu għall-intestatura 3, kif stabbilit fl-Anness I, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li jiġi applikat għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandu jiġi stabbilit fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

▼M2

2.  
Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10, 10a, 10b u 12, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.

▼B

Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-Istrument ta' Marġini Uniku kif stabbilit fl-Artikolu 11, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP għal sena partikolari.

3.  
Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont neċessarju għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

▼M1

Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna li tkun disponibbli għas-snin 2023 u 2024 u tiġi awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont meħtieġ għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

▼M2

Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna li tkun disponibbli għas-snin mill-2024 sal-2027 għal ammont globali ta’ self sa EUR 33 000 miljun fil-prezzijiet attwali kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2024/…. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u tiġi awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont meħtieġ għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

▼B

Artikolu 3

Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.  
Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali ta' pagament meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3), ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta' ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ('id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji').
2.  
Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi tal-QFP għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

KAPITOLU 2

AĠĠUSTAMENTI GĦALL-QFP

Artikolu 4

Aġġustamenti tekniċi

1.  

Kull sena l-Kummissjoni, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:

(a) 

valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri globali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament;

(b) 

kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji;

(c) 

kalkolu tal-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu totali msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(d) 

kalkolu tal-aġġustament tal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(e) 

kalkolu tal-allokazzjonijiet addizzjonali għal programmi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) u r-riżultat tal-aġġustament annwali msemmi fl-Artikolu 5(2);

▼M2

(f) 

kalkolu tal-ammont disponibbli għall-Istrument tal-EURI f’konformità mal-Artikolu 10a(3), punt (a);

(g) 

kalkolu tal-ammonti li għandhom ikunu disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà skont l-Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu.

▼B

2.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta' deflatur fiss ta' 2 % fis-sena.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 7, l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korrezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.

Artikolu 5

Aġġustament speċifiku għall-programm

1.  

Ammont ekwivalenti għad-dħul minn multi imposti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 2 ) u (KE) Nru 139/2004 ( 3 ) mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit tas-sena n-1 f'konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, wara li jitnaqqas l-ammont għas-sena n-1 imsemmi fl-Artikolu 141(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 4 ), għandu jkun disponibbli għal allokazzjoni addizzjonali ta':

(a) 

approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għall-programmi elenkati fl-Anness II, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk il-programmi fil-kolonna "Koeffiċjent tal-allokazzjoni" tat-tabella fl-Anness II; u

(b) 

approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027.

▼M2

L-ammont totali ta’ allokazzjonijiet addizzjonali għall-perjodu 2022 sa 2027 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament rispettivament għandu jkun ta’ EUR 10 155 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Għal kull waħda mis-snin mill-2022 sal-2026, l-ammont annwali ta’ allokazzjonijiet addizzjonali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament rispettivament għandu jkun mill-inqas EUR 1 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018) u ma għandux jaqbeż EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

▼B

L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi fil-perijodu 2022 sa 2027 huwa stabbilit fil-kolonna "Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-Artikolu 5" tat-tabella fl-Anness II.

2.  
Il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestaturi rilevanti għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk l-intestaturi fil-kolonna "Koeffiċjent tad-distribuzzjoni" tat-tabella fl-Anness II. Il-limitu massimu għal approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu awtomatikament aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Aġġustamenti relatati ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

1.  
Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni ta' impenji baġitarji dwar fondi tal-Unjoni f'konformità mal-atti bażiċi rilevanti fil-kuntest ta' miżuri marbuta ma' governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiġu ttrasferiti għas-snin ta' wara u l-limiti massimi tal-QFP li jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati skont dan.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.
3.  
L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lilhinn mis-sena n+2.

Artikolu 7

Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża

1.  
Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2021 ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi taħt il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-ammonti li jikkorrispondu għall-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għandhom jiġu trasferiti fi proporzjonijiet indaqs għal kull sena mill-2022 sal-2025, u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU 3

STRUMENTI SPEĊJALI

TAQSIMA 1

Strumenti speċjali tematiċi

▼M2

Artikolu 8

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

1.  
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
2.  
L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

Artikolu 9

Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza

1.  

Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza għandha tkun magħmula minn żewġ strumenti li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw, rispettivament:

(a) 

assistenza biex jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jirriżultaw minn diżastri kbar li huma koperti mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 ( 6 ) (“ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea”); u

(b) 

risponsi rapidi għal ħtiġijiet speċifiċi ta’ emerġenza fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi wara avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti meta ġie stabbilit il-baġit, b’mod partikolari għal risponsi ta’ emerġenza u operazzjonijiet ta’ appoġġ wara diżastri naturali mhux koperti mill-punt (a), diżastri kkawżati mill-bniedem, kriżijiet umanitarji f’każijiet ta’ theddid għas-saħħa pubblika, theddid veterinarju jew theddid fitosanitarju fuq skala kbira, kif ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni li tirriżulta mill-flussi migratorji, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu dan (ir-“Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza”).

2.  
Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 1 016 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jintuża l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.

Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart tal-ammont annwali tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea għandu jibqa’ disponibbli biex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sal-aħħar tas-sena.

F’każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jiġu koperti l-ammonti meqjusa bħala neċessarji fis-sena meta jkun seħħ diżastru kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata permezz tal-ammonti annwali msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu disponibbli fis-sena ta’ wara, sa ammont massimu ta’ EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

3.  
Ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 508 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jintuża l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.
4.  
L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjonijiet.

▼B

Artikolu 10

Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit

1.  
Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandha tipprovdi assistenza biex jingħelbu konsegwenzi mhux previsti u avversi fl-Istati Membri u fis-setturi li huma l-aktar affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti u f'konformità magħhom.

▼M2

2.  
Ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit ma għandhiex taqbeż ammont ta’ EUR 4 491 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

▼B

3.  
L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

▼M2

Artikolu 10a

Strument tal-EURI

1.  

Mill-2025, l-Istrument tal-EURI jista’ jintuża biex tiġi ffinanzjata, għal sena partikolari, parti mill-kostijiet tal-imgħax u l-pagamenti tal-kupuni dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fuq is-swieq kapitali f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 ( 7 ). L-Istrument tal-EURI jista’ jiġi mobilizzat biss f’sena partikolari, sal-punt speċifikat fil-paragrafi li ġejjin, l-ammont ta’ dawn il-kostijiet li jaqbeż l-ammonti li ġejjin (fi prezzijiet tal-2018):

— 
2025 — EUR 2 332 miljun,
— 
2026 — EUR 3 196 miljun,
— 
2027 — EUR 4 168 miljun.
2.  
L-Istrument tal-EURI jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE, biss wara li jkunu fittxew mezzi oħra ta’ finanzjament, bil-ħsieb li jkopru parti sostanzjali tal-ammonti li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mar-regoli settorjali applikabbli u obbligi legali oħra, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet u l-ibbaġitjar prudenti u l-ġestjoni finanzjarja tajba.

L-approprjazzjonijiet għall-Istrument tal-EURI għandhom ikunu disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

3.  

L-Istrument tal-EURI għandu jkun magħmul minn dan li ġej:

(a) 

ammont ekwivalenti għad-diżimpenji tal-approprjazzjonijiet, minbarra d-dħul assenjat estern, li jkunu saru b’mod kumulattiv mill-2021, li ma jkunux ġew mobilizzati taħt dan l-istrument fis-snin preċedenti, bl-esklużjoni tal-ammonti ta’ diżimpenji li jkunu reġgħu saru disponibbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju u regoli speċifiċi dwar id-disponibbiltà mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet kif imsemmi fl-atti bażiċi rilevanti. Dan l-ammont għandu jintuża l-ewwel;

(b) 

f’każ biss jekk l-ammont taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma jkunx biżżejjed, ammont addizzjonali meħtieġ biex jiġu ffinanzjati kompletament il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-sena kkonċernata.

Kull sena, bħala parti mill-aġġustamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli abbażi tal-ewwel subparagrafu, punt (a), ta’ dan il-paragrafu filwaqt li tqis l-ammonti kkunsidrati għal dak l-għan fis-snin preċedenti.

Artikolu 10b

Riżerva għall-Ukrajna

1.  
Ir-Riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mobilizzata għall-iskop uniku li tiġi ffinanzjata n-nefqa taħt ir-Regolament (UE) 2024/792.
2.  
Ir-Riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 17 000 miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027.
3.  
L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż EUR 5 000 miljun fi prezzijiet attwali. Mingħajr preġudizzju għall-ammont globali stabbilit fil-paragrafu 2, il-porzjon mhux użat tal-ammont annwali f’sena partikolari jista’ jintuża fis-snin ta’ wara, sal-2027.
4.  
Ir-Riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mobilizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE.

▼B

TAQSIMA 2

Strumenti speċjali mhux tematiċi

Artikolu 11

Strument ta' Marġini Uniku

1.  

L-Istrument ta' Marġini Uniku għandu jinkludi:

(a) 

mill-2022, ammonti li jikkorrispondu għal marġnijiet li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn tas-sena n-1, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2022 sa 2027;

(b) 

mill-2022, ammonti ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1 biex jiġi aġġustat 'il fuq il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2022 sa 2027; u

(c) 

ammonti addizzjonali li jistgħu jsiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f'sena partikolari għal approprjazzjonijiet ta' impenn jew ta' pagament, jew it-tnejn li huma, skont il-każ, dment li jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet f'intestatura waħda jew aktar tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew is-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati biss taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jekk l-ammonti disponibbli skont il-punti (a) u (b) ta' dak is-subparagrafu, skont kif ikun applikabbli, ma jkunux suffiċjenti, u fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar soluzzjoni bħala rispons għal ċirkostanzi mhux previsti.

Rikors għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jirriżulta f'sitwazzjoni fejn jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-snin finanzjarji futuri. Għalhekk, kwalunkwe ammont ikkumpensat f'konformità ma' dak il-punt ma għandux jiġi mobbilizzat aktar fil-kuntest tal-QFP.

2.  

Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku skont il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, total ta':

(a) 

0,04 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4;

(b) 

0,03 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' pagament, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4.

Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku fi kwalunkwe sena partikolari għandu jkun konsistenti mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

3.  

L-aġġustamenti annwali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2018) għas-snin 2025 sa 2027 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:

— 
2025 – EUR 8 000 miljun;
— 
2026 – EUR 13 000 miljun;
— 
2027 – EUR 15 000 miljun.

L-ammonti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandhom ikunu flimkien mal-ammonti massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Kwalunkwe aġġustament 'il fuq għandu jiġi kkumpensat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.

▼M2

3a.  
L-ammont massimu għall-aġġustament annwali msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għas-sena 2026, miżjud bl-ammont imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2), għandu jiġi aġġustat bl-ammont ekwivalenti għall-porzjon mhux użat tal-ammont massimu għas-sena 2025.

▼B

4.  
L-ammonti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE biex jippermettu l-finanzjament ta' nefqa li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi rilevanti tal-QFP disponibbli f'sena partikolari.

L-aġġustament 'il fuq imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, li jibda fl-2022, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 4.

▼M2

Artikolu 12

Strument ta’ Flessibbiltà

1.  
L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jintuża biex tiġi ffinanzjata, għal sena finanzjarja partikolari, nefqa speċifika mhux prevista f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà fis-snin 2021 sa 2023 għandu jkun ta’ EUR 915-il miljun (fi prezzijiet tal-2018). Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà fis-snin 2024 sa 2027 għandu jkun ta’ EUR 1 346 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

Kull sena, l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jiżdied b’ammont ekwivalenti għall-porzjonijiet tal-ammonti annwali għar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza li jkunu skadew fis-sena preċedenti f’konformità mal-Artikolu 9.

2.  
Il-porzjon mhux użat tal-ammont annwali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jintuża sas-sena n+2. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin preċedenti għandu jintuża l-ewwel, skont l-età tiegħu. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax sas-sena n+2 għandu jiskadi.

▼B

KAPITOLU 4

REVIŻJONI TAL-QFP

Artikolu 13

Reviżjoni tal-QFP

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 14 sa 17, f'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.
2.  
Bħala regola ġenerali, kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.
3.  
Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b'referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.
4.  
Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibbiltà ta' tpaċija għal kwalunkwe żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.
5.  
Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament.

Artikolu 14

Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi għall-QFP, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali li din tkun tqis neċessarja, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura ġestjoni tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali, u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn.

Artikolu 15

Reviżjoni fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati

Fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.

Artikolu 16

Reviżjoni fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni

Fil-każ ta' adeżjoni jew adeżjonijiet mal-Unjoni, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.

Artikolu 17

Reviżjoni fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru

Fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jitqies il-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.

KAPITOLU 5

KONTRIBUZZJONI GĦALL-FINANZJAMENT TA' PROĠETTI FUQ SKALA KBIRA

Artikolu 18

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

1.  
Ammont massimu ta' EUR 13 202 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għal proġetti fuq skala kbira skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Programm Spażjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.
2.  
Ammont massimu ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għall-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).

KAPITOLU 6

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-PROĊEDURA BAĠITARJA

Artikolu 19

Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

1.  
L-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.
2.  
L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta' kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta' konverġenza.
3.  
L-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4.  
Jistgħu jiġu organizzati trilogi f'kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tiddeżinja l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 20

Unità tal-Baġit

In-nefqa kollha u d-dħul kollu tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż in-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Qabel l-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M2




ANNESS I

QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-27)



 

 

 

 

 

 

(EUR miljun — prezzijiet tal-2018)

APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total 2021-2027

1.  Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

19 712

20 211

19 678

19 178

18 173

18 120

17 565

132 637

2.  Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri

5 996

62 642

63 525

65 079

65 184

56 675

58 680

377 781

2a.  Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

1 666

56 673

57 005

57 436

57 772

48 302

48 937

327 791

2b.  Reżiljenza u Valuri

4 330

5 969

6 520

7 643

7 412

8 373

9 743

49 990

3.  Riżorsi Naturali u Ambjent

53 562

52 626

51 893

51 013

49 914

48 734

47 960

355 702

li minnhom: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti

38 040

37 544

36 857

36 054

35 283

34 602

33 886

252 266

4.  Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

1 687

3 104

3 454

3 569

4 083

4 145

4 701

24 743

5.  Sigurtà u Difiża

1 598

1 750

1 762

2 112

2 277

2 398

2 576

14 473

6.  Il-Viċinat u d-Dinja

15 309

15 522

14 789

14 500

14 192

13 326

13 447

101 085

7.  l-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea

10 021

10 215

10 342

10 454

10 554

10 673

10 843

73 102

li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet

7 742

7 878

7 945

7 997

8 025

8 077

8 188

55 852

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN

107 885

166 070

165 443

165 905

164 377

154 071

155 772

1 079 523

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ PAGAMENT

154 065

153 850

152 682

151 436

151 175

151 175

151 175

1 065 558




ANNESS II

AĠĠUSTAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-PROGRAMM — LISTA TA’ PROGRAMMI, KOEFFIĊJENT TAD-DISTRIBUZZJONI U ALLOKAZZJONI ADDIZZJONALI TOTALI TA’ APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN



 

 

 

(f’EUR miljuni — prezzijiet tal-2018)

 

Koeffiċjent tad-distribuzzjoni

Allokazzjoni addizzjonali totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn skont l-Artikolu 5

 

2022-2024

2025-2027

 

1.  Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

36,36 %

41,79 %

4 000

Orizzont Ewropa

27,27 %

31,34 %

3 000

Fond InvestEU

9,09 %

10,45 %

1 000

2b.  Reżiljenza u Valuri

54,55 %

47,76 %

5 155

Programm l-UE għas-Saħħa

26,37 %

15,37 %

2 055

Erasmus+

15,46 %

17,77 %

1 700

Ewropa Kreattiva

5,45 %

6,26 %

600

Drittijiet u Valuri

7,27 %

8,36 %

800

4.  Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

9,09 %

10,45 %

1 000

Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

9,09 %

10,45 %

1 000

TOTAL

100,00 %

100,00 %

10 155



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p.1).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p.1).

( 4 )  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

( 5 ) Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

( 7 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).