02020R1429 — MT — 01.01.2022 — 003.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
►B
|
REGOLAMENT (UE) 2020/1429 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Ottubru 2020
li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(ĠU L 333 12.10.2020, p. 1)
|
Emendat bi:
▼B
REGOLAMENT (UE) 2020/1429 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Ottubru 2020
li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
▼M3
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (“il-perijodu ta’ referenza”).
▼B
Artikolu 2
Tnaqqis, eżenzjoni jew posponiment ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu u ta’ imposti ta’ riżerva
1.
Minkejja l-Artikoli 27 u 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jeżentaw jew jipposponu l-ħlas ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu, u għall-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta’ servizz, fejn adatt skont it-taqsimiet tas-suq identifikati fid-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-netwerk, b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju, fejn tali pagament ikun dovut jew ikun se jsir dovut matul il-perijodu ta’ referenza.
2.
Minkejja l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex jivvalutaw mill-ġdid il-kapaċità tat-taqsimiet tas-suq li jifilħu għall-mark-ups, skont it-tifsira tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, għall-finijiet ta’ tnaqqis possibbli tal-ammonti dovuti fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza.
3.
Minkejja l-Artikolu 27 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex ma jimponu imposti ta’ riżerva fuq ebda applikant, inkluż impriżi ferrovjarji, għall-kapaċità allokata iżda li ma tkunx intużat matul il-perijodu ta’ referenza. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jaġixxu b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju.
4.
Minkejja l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, u soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom jikkumpensaw lill-maniġers tal-infrastruttura għat-telf finanzjarju speċifiku mġarrab b’riżultat tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena li fiha sar it-telf. Dak il-kumpens huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE li jiżguraw li, fuq perijodu raġonevoli, li ma għandux jaqbeż perijodu ta’ ħames snin, ir-rapport tal-introjtu ta’ maniġer tal-infrastruttura jibqa’ bbilanċjat.
5.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttiedu taħt dan l-Artikolu mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri sussegwenti jew it-tibdil tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 3
Aġġustamenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja
Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jemendaw, kif xieraq u mingħajr dewmien, id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE sabiex juru l-kundizzjonijiet applikati minnhom, fid-dawl tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Korp regolatorju
L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34/UE għandu japplika għat-tnaqqis, l-eżenzjoni jew il-posponiment ta’ imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu u ta’ imposti ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u għall-aġġustamenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti flArtikoli 2 u 3 ta’dan ir-Regolament li huma applikabbli għall-maniġers tal-infrastruttura.
Artikolu 5
Estensjoni tal-perijodu ta’ referenza
1.
Sal-1 ta’ Novembru 2020, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar l-użu tan-netwerks tagħhom ikkategorizzata skont it-taqsimiet tas-suq, f’konformità mal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, għall-perijodi mill-1 ta’ Marzu 2019 sat-30 ta’ Settembru 2019 u mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020.
Fejn il-perijodu ta’ referenza jiġi estiż, il-maniġers tal-infrastruttura għandhon jipprovdu lill-Kummissjoni b’sett ġdid ta’ data meta nofs il-prolongazzjoni tal-perijodu ta’ referenza jkun skada, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-iżvilupp tas-sitwazzjoni matul il-prolongazzjoni tal-perijodu ta’ referenza.
▼M3
2.
Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju, meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fis-snin preċedenti qed jippersisti u li x’aktarx ser jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6, biex temenda l-perijodu ta’ referenza speċifikat fl-Artikolu 1 kif meħtieġ. Kwalunkwe emenda bħal din ma tistax testendi l-perijodu ta’ referenza b’aktar minn sitt xhur, u l-perijodu ta’ referenza ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2023.
▼B
3.
Fejn, fil-każ ta’ impatt fit-tul tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq it-trasport ferrovjarju fl-Unjoni, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeżiġu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Eżerċizzju tad-delega
1.
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
▼M3
2.
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.
▼B
3.
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ
4.
Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.
Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.
Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonawperijodu. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 7
Proċedura ta’ urġenza
1.
L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.
2.
Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.