02020R0977 — MT — 01.10.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/977

tas-7 ta’ Lulju 2020

li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli fuq il-produzzjoni tal-prodotti organiċi minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 217 8.7.2020, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1667 tal-10 ta’ Novembru 2020

  L 377

5

11.11.2020




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/977

tas-7 ta’ Lulju 2020

li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli fuq il-produzzjoni tal-prodotti organiċi minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Derogi mir-Regolament (KE) Nru 889/2008

1.  
B’deroga mill-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, kif iddefinit fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-ispezzjonijiet fiżiċi għall-finijiet tal-ispezzjonijiet annwali u tat-tiġdid tal-evidenza dokumentata tal-operaturi tal-prodotti organiċi jistgħu jiġu sostitwiti bil-verifiki tad-dokumenti f’każ li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-moviment minħabba l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. Fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, dawk il-verifiki tad-dokumenti jistgħu jitwettqu wkoll b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli meta jkun hemm bżonn.
2.  
Fil-każ tal-operaturi minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fil-każ tal-operaturi li jkunu jixtiequ jissieħbu fl-iskema tal-produzzjoni organika għall-ewwel darba, u fil-każijiet l-oħrajn kollha bħar-rikonoxximent retroattiv, l-ispezzjoni fiżika msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandha ssir malli jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jitwettqu l-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi kkonċernati wara li jintemmu l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 f’każ li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-moviment minħabba l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. Sa dak il-mument, il-verifiki tad-dokumenti għall-finijiet tal-ispezzjoni annwali, tal-ħruġ u tat-tiġdid tal-evidenza dokumentata tal-operaturi tal-prodotti organiċi u tar-rikonoxximent retroattiv jistgħu jitwettqu wkoll b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli meta jkun hemm bżonn.
3.  
B’deroga mill-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, l-għadd ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu u jiġu analizzati mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll kull sena għandu jikkorrispondi għal mill-inqas 2 % mill-għadd ta’ operaturi li jkollhom taħt il-kontroll tagħhom.
4.  
B’deroga mit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92a(4) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, it-tweġiba għal notifika dwar prodotti li mhumiex konformi msemmija f’dik is-sentenza għandha tintbagħat fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika oriġinali.
5.  
B’deroga mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92c(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, iż-żjarat addizzjonali aleatorji ta’ kontroll li jitwettqu skont l-Artikolu 65(4) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikopru 5 % tal-operaturi taħt kuntratt skont il-kategorija tar-riskju.
6.  
B’deroga mill-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92c(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, tal-inqas 5 % mill-ispezzjonijiet u miż-żjarat kollha li jitwettqu skont l-Artikolu 65(1) u (4) għandhom jitwettqu għall-għarrieda.
7.  
B’deroga mill-Artikolu 92e tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, “l-ispezzjoni annwali” tal-korp ta’ kontroll imsemmija f’dak l-Artikolu u ppjanata ►M1  sat-1 ta’ Frar 2021 ◄ tista’ tiġi sostitwita b’“awditu annwali ta’ superviżjoni” li wkoll għandu jitwettaq b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli, sakemm il-miżuri nazzjonali ta’ emerġenza marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 fl-Istat Membru kkonċernat iżommu lill-awtorità kompetenti milli twettaq dik l-ispezzjoni.

Artikolu 2

Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1235/2008

1.  
B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jinħareġ mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll rilevanti billi dawn idaħħlu l-informazzjoni kollha meħtieġa u jivvalidaw il-kaxxa 18 fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES). Għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti billi din tivvalida l-kaxxa 20 fit-TRACES u għandu jimtela mill-ewwel destinatarju fit-TRACES.
2.  
B’deroga mill-Artikolu 13(6) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, mal-verifikazzjoni ta’ konsenja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandha tapprova ċ-ċertifikat tal-ispezzjoni billi tivvalida l-kaxxa 20 fit-TRACES.
3.  
B’deroga mit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, it-tweġiba għal notifika dwar prodotti li mhumiex konformi msemmija f’dik is-sentenza għandha tintbagħat fi żmien 60 jum kalendarju mid-data ta’ meta ntbagħtet in-notifika oriġinali.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2020 ►M1  sat-1 ta’ Frar 2021 ◄ .

Madankollu, l-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2020 ►M1  sal-1 ta’ Frar 2021 ◄ .

L-Artikolu 1(3), (5) u (6) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Għall-attivitajiet ta’ kontroll li jitwettqu fiċ-Ċina, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 ►M1  sat-1 ta’ Frar 2021 ◄ .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.