02020H0912 — MT — 21.05.2021 — 006.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/912

tat-30 ta’ Ġunju 2020

dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

(ĠU L 208I 1.7.2020, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1052 tas-16 ta’ Lulju 2020

  L 230

26

17.7.2020

 M2

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1144 tat-30 ta’ Lulju 2020

  L 248

26

31.7.2020

 M3

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1186 tas-7 ta’ Awwissu 2020

  L 261

83

11.8.2020

 M4

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1551 tat-22 ta’ Ottubru 2020

  L 354

19

26.10.2020

 M5

IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2169 tas-17 ta’ Diċembru 2020

  L 431

75

21.12.2020

 M6

IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/89 tat-28 ta’ Jannar 2021

  L 33

1

29.1.2021

►M7

IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/132 tat-2 ta’ Frar 2021

  L 41

1

4.2.2021

►M8

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/767 tas-6 ta’ Mejju 2021

  L 165I

66

11.5.2021

►M9

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/816 tal-20 ta’ Mejju 2021

  L 182

1

21.5.2021




▼B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/912

tat-30 ta’ Ġunju 2020

dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni



▼M8

1. Mis-6 ta’ Mejju 2021, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.

▼M7

Sabiex jiġu ddeterminati l-pajjiżi terzi li r-restrizzjoni attwali fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għalihom jenħtieġ li titneħħa, jenħtieġ li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-pajjiżi terzi rispettivi u l-kriterji ulterjuri kif stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

▼B

2.  ►M7  Fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, jenħtieġ li japplikaw il-kriterji li ġejjin:

— 
ir-“rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19”, jiġifieri, l-għadd totali ta’ każijiet ta’ COVID-19 ġodda nnotifikati għal kull 100 000 abitant matul l-14-il jum preċedenti;
— 
ix-xejra ta’ każijiet ġodda tul l-istess perijodu meta mqabbla mal-14-il jum ta’ qabel hija stabbli jew qed tonqos;
— 
ir-“rata tal-ittestjar”, jiġifieri, l-għadd ta’ testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant imwettqa matul is-sebat ijiem preċedenti;
— 
ir-“rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv”, jiġifieri, il-perċentwal tat-testijiet b’riżultat pożittiv minn fost it-testijiet kollha għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa matul is-sebat ijiem preċedenti;

▼M9

— 
in-natura tal-virus preżenti fil-pajjiż, b’mod partikolari jekk instabux varjanti ta’ interess jew varjanti ta’ tħassib tal-virus. Il-varjanti ta’ interess u l-varjanti ta’ tħassib huma vvalutati bħala tali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) abbażi ta’ elementi ewlenin tal-virus bħat-trażmissjoni, is-severità u l-kapaċità li jaħrab mir-reazzjoni immuni.

▼B

Biex jiġu inklużi fl-Anness I, il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw il-limiti li ġejjin: rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ mhux aktar minn ►M9  75 ◄ , rata tal-ittestjar ogħla minn 300, u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ mhux aktar minn 4 %. Barra minn hekk, jista’ jittieħed kont tar-rispons ġenerali għall-COVID-19, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħas-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni u s-sorsi tad-data disponibbli u, jekk ikun meħtieġ, għandu jittieħed kont ukoll tal-punteġġ medju totali dwar id-dimensjonijiet kollha tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR). ◄

▼M9

IId-data dwar ir-‘rata tal-ittestjar’, ir-‘rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv’ u ‘varjanti ta’ tħassib u varjanti ta’ interess’ għandha tiġi pprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-ECDC. Tali data tista’ tiġi kkomplementata b’informazzjoni pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-UE, mid-WHO u minn ċentri oħrajn għall-kontroll tal-mard, meta disponibbli, fuq il-bażi wkoll tal-lista ta’ kontroll annessa għall-Komunikazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.

▼M9

Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-punt 2, l-ewwel paragrafu, jenħtieġ li l-ECDC jippubblika u jaġġorna regolarment mappa li tippreżenta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-varjanti ta’ tħassib u l-varjanti ta’ interess f’pajjiżi terzi.

▼B

3. Meta jiġi deċiż jekk ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-residenza f’pajjiż terz li għalih ikunu tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali għandha tkun il-fattur determinanti (u mhux in-nazzjonalità).

4. Il-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I għandha tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

▼M7

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew jew jiġu introdotti mill-ġdid totalment jew parzjalment għal pajjiż terz speċifiku diġà elenkat fl-Anness I, skont bidliet f’xi wħud mill-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u, bħala konsegwenza, fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

▼M7

Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u, b’mod partikolari, fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid malajr għal vjaġġar mhux essenzjali għall-pajjiżi terzi diġà elenkati fl-Anness I.

Sabiex titneħħa r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, jenħtieġ li l-Istati Membri, fuq bażi ta’ każ b’każ, jikkunsidraw ir-reċiproċità mogħtija liż-żona UE+.

5. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa l-ivvjaġġar mhux essenzjali miż-żona tal-UE+ lejn pajjiżi oħra minbarra dawk elenkati fl-Anness I.

▼B

►M7  6. ◄  Meta restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jibqgħu japplikaw għal pajjiż terz, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar:

(a) 

ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom ( 1 );

(b) 

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul ( 2 ), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

▼M9

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ivvjaġġar essenzjali jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II.

▼M7 —————

▼M7

Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u, b’mod partikolari, fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw temporanjament il-kategoriji ta’ vjaġġaturi elenkati fl-Anness II. L-ivvjaġġar iġġustifikat minn raġunijiet konvinċenti jenħtieġ li jibqa’ possibbli.

▼M9 —————

▼M7

Il-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II tista’ tiġi riveduta mill-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, skont konsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kif ukoll skont il-valutazzjoni kumplessiva tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, abbażi tal-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija hawn fuq.

▼M9

6a. Mingħajr preġudizzju għall-punt 6 (a) u (b), meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom fil-prinċipju jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi terzi li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

L-Istati Membri jistgħu wkoll ineħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ tali vjaġġaturi li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Għal dak il-għan, jenħtieġ li vjaġġaturi li jixtiequ jagħmlu vjaġġ mhux essenzjali lejn Stat Membru jkollhom fil-pussess tagħhom prova valida tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jkun fihom tal-anqas is-sett minimu ta’ data bħall-identifikazzjoni tal-persuna, it-tip ta’ vaċċin u d-data tal-amministrazzjoni tal-vaċċin, f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat u jekk ikunx fih id-data rilevanti kollha.

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-vjaġġaturi li jkollhom prova valida tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, jenħtieġ li l-Istati Membri, skont il-każ, iqisu r-reċiproċità mogħtija liż-żona UE+.

▼B

►M7  7. ◄   ►M9  mingħajr preġudizzju għall-punt 6a  ◄ ►M7  Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-persuni li jivvjaġġaw għal raġuni, funzjoni jew ħtieġa essenzjali jew mhux essenzjali, bl-eċċezzjoni tat-trasport u l-ħaddiema transfruntiera, ikunu rriżultaw negattivi għall-COVID-19 abbażi ta’ test tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) li jkun sar mhux qabel 72 siegħa qabel it-tluq, u li jippreżentaw il-prova xierqa ta’ tali riżultat tat-test fil-forma stipulata mill-awtoritajiet.

Jekk it-testijiet mat-tluq ma jkunux possibbli, il-persuni msemmija fil-punt 6 (a) u (b) għandu jkollhom il-possibbiltà li jwettqu t-test wara l-wasla, f’konformità mal-proċeduri nazzjonali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu li wieħed jgħaddi minn kwalunkwe miżura ulterjuri, inkluża l-kwarantina, wara l-wasla.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu awtoiżolament, kwarantina u traċċar tal-kuntatti għal perijodu ta’ mhux aktar minn 14-il jum, kif ukoll ittestjar ulterjuri għall-COVID-19 kif meħtieġ matul l-istess perijodu, dment li jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom stess meta jivvjaġġaw mill-istess pajjiż terz. Għal dawk il-vjaġġaturi li jaslu minn pajjiż terz fejn ikun instab varjant tal-virus ta’ tħassib, jenħtieġ li l-Istati Membri jimponu tali rekwiżiti u b’mod partikolari, il-kwarantina mal-wasla u ttestjar addizzjonali mal-wasla jew wara. ◄

▼M9

7a. Fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ pajjiż terz jew reġjun tmur għall-agħar f’daqqa u, b’mod partikolari fejn ikun instab varjant ta’ tħassib jew varjant ta’ interess, l-Istati Membri jenħtieġ li, eċċezzjonalment, jadottaw restrizzjoni urġenti u temporanja fuq l-ivvjaġġar kollu lejn l-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza f’dak il-pajjiż terz. Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar ma tapplikax għall-persuni msemmijin fil-punt 6 (a) u (b) u għall-vjaġġaturi elenkati fil-punt i. u l-punti iv. sa ix. tal-Anness II. Madankollu, jenħtieġ li dawn il-vjaġġaturi jkunu soġġetti għal ittestjar xieraq u regolari, inkluż qabel it-tluq kif previst fil-punt 7, u jagħmlu awtoiżolament/kwarantina anke jekk ikunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 jew wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Meta Stat Membru japplika tali restrizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri li jiltaqgħu fl-istrutturi tal-Kunsill u f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni jirrieżaminaw b’urġenza s-sitwazzjoni b’mod koordinat. Jenħtieġ li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu rieżaminati mill-inqas kull ġimagħtejn, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

7b. Fir-rigward tal-ivvjaġġar li jsir b’konnessjoni ma’ funzjoni jew ħtieġa essenzjali kif stabbilit fl-Anness II:

— 
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, b’mod ikkoordinat, li jirrinunzjaw għal xi wħud mill-miżuri ta’ hawn fuq jew għal kollha kemm huma f’dawk il-każijiet fejn tali miżura timpedixxi l-iskop proprju tal-vjaġġ;
— 
Għall-ħaddiema tat-trasport, baħħara u l-ħaddiema transfruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux aktar minn Test Rapidu tal-Antiġeni negattiv mal-wasla biex jidħlu fiż-żona UE+. Fil-każ speċifiku ta’ persunal tat-trasport li jkun ġej minn pajjiż fejn tiġi skoperta inċidenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib tal-virus, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu Test Rapidu tal-Antiġeni negattiv qabel it-tluq;
— 
Jenħtieġ li l-ekwipaġġi tal-ajru jiġu eżentati minn kwalunkwe ttestjar jekk is-soġġorn tagħhom f’pajjiż terz kien ta’ inqas minn 12-il siegħa, sakemm ma jaslux minn pajjiż terz fejn ikun instab varjant ta’ tħassib, u f’dak il-każ ikun jenħtieġ li jagħmlu testijiet proporzjonati.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa pubblika li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri bħal tbegħid fiżiku u r-rekwiżit li tintlibes maskra.

▼M7

8. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw Formola għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (PLF) u jeħtieġu li l-persuni li jidħlu fl-UE jissottomettu PLF f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-protezzjoni tad-data. Qed tiġi żviluppata Formola Ewropea għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri komuni għall-użu possibbli mill-Istati Membri. Kull fejn ikun possibbli, għandha tintuża għażla diġitali għall-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar u jitħaffef it-traċċar tal-kuntatti, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi.

▼B

►M7  9. ◄  Stat Membru ma għandux jiddeċiedi li jneħħi r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal pajjiż terz speċifiku qabel ma t-tneħħija tar-restrizzjoni tkun ġiet ikkoordinata f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

►M7  10. ◄  Ir-residenti ta’ Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan/is-Santa Sede għandhom jitqiesu bħala residenti tal-UE għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

►M7  11. ◄  Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri kollha fil-fruntieri esterni kollha.

▼M8




ANNESS I

Pajjiżi terzi u Reġjuni Amministrattivi Speċjali, li r-residenti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE:

I.   STATI

1. 

AWSTRALJA

2. 

IŻRAEL

3. 

NEW ZEALAND

4. 

RWANDA

5. 

SINGAPORE

6. 

KOREA T’ISFEL

7. 

TAJLANDJA

8. 

ĊINA (3) 

II.   REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Hong Kong SAR (3) 
Macao SAR ( 3 )

▼B




ANNESS II

Kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali:

i. 

Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

ii. 

Ħaddiema fruntaliera;

iii. 

Ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura;

iv. 

Persunal tat-trasport;

v. 

Diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

vi. 

Passiġġieri fi tranżitu;

vii. 

Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

viii. 

Baħħara

ix. 

Persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra

x. 

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ studju;

xi. 

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jekk l-impjieg tagħhom ikun meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jkunx jista’ jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor.



( 1 ) Kif definit fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

( 3 ) soġġett għall-konferma tar-reċiproċità