02019R0856 — MT — 11.08.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/856

tas-26 ta' Frar 2019

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 140 28.5.2019, p. 6)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1204 tal-10 ta’ Mejju 2021

  L 261

4

22.7.2021




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/856

tas-26 ta' Frar 2019

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati li jissupplimentaw id-Direttiva 2003/87/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-affarijiet li ġejjin:

(a) 

l-għanijiet operattivi tal-Fond għall-innovazzjoni stabbilit bl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b) 

il-forom ta' appoġġ ipprovduti fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni;

(c) 

il-proċedura tal-applikazzjoni għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(d) 

il-proċedura u l-kriterji għall-għażla tal-proġetti fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni;

(e) 

l-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(f) 

il-governanza tal-Fond għall-innovazzjoni;

(g) 

ir-rappurtar, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-kontroll u r-riklamar tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“għeluq finanzjarju” tfisser il-mument fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett meta l-arranġamenti kollha tal-proġett u tal-finanzjament ikunu ġew iffirmati u jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mogħtija fihom;

(2) 

“dħul fit-tħaddim” tfisser il-mument fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett meta l-elementi u s-sistemi kollha meħtieġa biex il-proġett jitħaddem ikunu ġew ittestjati u jkunu bdew l-attivitajiet li jwasslu għall-evitar effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

(3) 

“proġett fuq skala żgħira” tfisser proġett b'nefqa kapitali totali li ma taqbiżx is-EUR 7 500 000 .

Artikolu 3

Għanijiet operattivi

Il-Fond għall-innovazzjoni għandu jkollu l-għanijiet operattivi li ġejjin:

(a) 

li jappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni marbutin ma' teknoloġiji, proċessi jew prodotti innovattivi ħafna, li jkunu maturi biżżejjed u li jkollhom potenzjal sinifikanti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

(b) 

li joffri appoġġ finanzjarju li jkun adattat għall-ħtiġijiet tas-suq u għall-profili tar-riskju tal-proġetti eliġibbli, filwaqt li jattira riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali;

(c) 

li jiżgura li l-ġestjoni tad-dħul tiegħu tkun skont l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Forom ta' appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni

L-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għall-proġett jista' jieħu l-forom li ġejjin:

(a) 

għotjiet;

(b) 

kontribuzzjonijiet għall-operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment;

(c) 

meta dan ikun meħtieġ biex jinksibu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, il-finanzjament fi kwalunkwe forma oħra minn fost dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), b'mod partikulari l-premjijiet u l-akkwisti.



KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-għotjiet

Artikolu 5

Spejjeż rilevanti

1.  
Għall-finijiet tar-raba' sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-ispejjeż addizzjonali li dak li jkun qed jipproponi l-proġett iġarrab minħabba l-applikazzjoni tat-teknoloġija innovattiva marbuta mat-tnaqqis jew mal-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-ispejjeż rilevanti għandhom jiġu kkalkulati bħala d-differenza bejn l-aħjar stima tan-nefqa kapitali totali, il-valur attwali nett tal-ispejjeż operattivi u l-benefiċċji li jkun hemm matul għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim tal-proġett meta mqabbla mar-riżultat tal-istess kalkolu għal produzzjoni konvenzjonali bl-istess kapaċità f'termini tal-produzzjoni effettiva tal-prodott aħħari rispettiv.

Meta ma tkunx teżisti l-produzzjoni konvenzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-aħjar stima tan-nefqa kapitali totali u l-valur attwali nett tal-ispejjeż operattivi u l-benefiċċji li jkun hemm matul għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim tal-proġett.

2.  
L-ispejjeż rilevanti ta' proġett fuq skala żgħira għandhom ikunu l-ispejjeż tan-nefqa kapitali totali ta' dak il-proġett.

Artikolu 6

Għoti tal-għotjiet

1.  
L-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata fil-forma ta' għotja għandu jingħata malli jintlaħqu l-istadji importanti stabbiliti minn qabel.
2.  

Għall-proġetti kollha, l-istadji importanti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jissejsu fuq iċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett u għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin:

(a) 

l-għeluq finanzjarju;

(b) 

id-dħul fit-tħaddim.

3.  
Meta titqies it-teknoloġija mħaddma u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-settur jew tas-setturi li fihom tkun qed tintuża, jistgħu jiġu stabbiliti stadji importanti speċifiċi addizzjonali fid-dokumenti kuntrattwali.
4.  
Sa 40 % tal-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għal proġett speċifiku, inkluża l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, għandu jingħata mal-għeluq finanzjarju jew malli jintlaħaq stadju importanti speċifiku qabel l-għeluq finanzjarju meta jkun ġie stabbilit it-tali stadju importanti skont il-paragrafu 3.
5.  
Sal-grad li fih l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għal proġett speċifiku ma jkunx ingħata skont il-paragrafu 4, dan l-ammont għandu jingħata wara l-għeluq finanzjarju. Dan jista' jingħata b'mod parzjali qabel id-dħul fit-tħaddim u f'pagamenti akkont annwali wara d-dħul fit-tħaddim.
6.  
Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata lil proġett speċifiku għandu jinkludi l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni mogħti lil dak il-proġett bħala assistenza għall-iżvilupp tal-proġett skont l-Artikolu 13.

Artikolu 7

Regoli ġenerali dwar l-irkupru

1.  
Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati l-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Fond għall-innovazzjoni billi jiġu applikati miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, billi jsiru kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, billi jiġu rkuprati l-ammonti li jkunu tħallsu b'mod mhux dovut u, meta dan ikun xieraq, billi jkun hemm pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  
L-irkupru għandu jsir skont ir-Regolament Finanzjarju.
3.  
Ir-raġunijiet għall-irkupru kif ukoll il-proċeduri tal-irkupru għandhom jiġu speċifikati iktar fid-dokumentazzjoni kuntrattwali.

Artikolu 8

Regoli speċjali dwar l-irkupru

1.  
L-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni mogħti wara l-għeluq finanzjarju skont l-Artikolu 6(5) għandu jkun jiddependi fuq l-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra vverifikat abbażi tar-rapporti annwali ppreżentati minn dak li jkun qed jipproponi l-proġett għal perjodu ta' bejn tliet u għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim. Ir-rapport annwali finali ppreżentat minn dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jinkludi l-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra evitati matul il-perjodu kollu tar-rappurtar.
2.  
Meta l-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra evitati matul il-perjodu kollu tar-rappurtar ikun inqas minn 75 % mill-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kien ippjanat li jiġu evitati, l-ammont li jkun tħallas lil dak li jkun qed jipproponi l-proġett jew li jkollu jitħallas lilu skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġi rkuprat jew jitnaqqas b'mod proporzjonali.
3.  
Meta l-proġett jonqos milli jibda jitħaddem saż-żmien stabbilit minn qabel jew dak li jkun qed jipproponi l-proġett jonqos milli juri li ġew evitati fir-realtà l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-ammont li jkun tħallas wara l-għeluq finanzjarju skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġi rkuprat bis-sħiħ.
4.  
Meta s-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 jseħħu minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett u dak li jkun qed jipproponi l-proġett juri l-potenzjal tal-proġett li jevita l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'ammont li jmur lil hinn minn dak irrappurtat, jew meta dak li jkun qed jipproponi l-proġett juri li l-proġett jista' jikseb benefiċċji konsiderevoli marbutin mal-innovazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tapplikax il-mekkaniżmi tal-irkupru previsti fil-paragrafi 2 u 3.
5.  
Ir-raġuni għall-irkupru u l-proċeduri tal-irkupru għandhom jiġu speċifikati iktar fid-dokumentazzjoni kuntrattwali.
6.  
Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-irkupru stabbiliti fl-Artikolu 7.

Artikolu 9

Sejħiet għall-proposti

1.  
Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jiġu mistiedna japplikaw għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' sejħiet miftuħin għall-proposti li tniedi l-Kummissjoni.

Qabel tadotta deċiżjoni li tniedi sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri dwar l-abbozz tad-deċiżjoni.

2.  

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi s-sejħiet għall-proposti għandu jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għas-sejħa;

(b) 

l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti;

(c) 

it-tipi ta' proġetti jew ta' setturi li qed jintalbu;

▼M1

(d) 

deskrizzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, filwaqt li jiġi speċifikat jekk tapplikax proċedura b’fażi waħda jew b’żewġ fażijiet, u lista ddettaljata tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni;

▼B

(e) 

informazzjoni ddettaljata dwar il-proċedura tal-għażla, fosthom il-metodoloġija għall-evalwazzjoni u għall-klassifikazzjoni;

▼M1

(f) 

meta proġetti fuq skala żgħira huma soġġetti għal proċedura ssimplifikata tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(4) u għal proċedura speċifika tal-għażla f’konformità mal-Artikolu 12b, ir-regoli dwar dawk il-proċeduri speċifiċi;

▼B

(g) 

meta l-Kummissjoni tirriżerva parti mill-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għas-sejħa għall-proġetti fuq skala żgħira, l-ammont ta' dik il-parti;

(h) 

meta jiġu applikati kriterji addizzjonali tal-għażla bil-għan li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku, skont l-Artikolu 11(2), dawk il-kriterji.

Artikolu 10

Proċedura tal-applikazzjoni

▼M1

1.  
Il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jiġbor l-applikazzjonijiet u jorganizza l-proċedura tal-applikazzjoni kif determinat skont l-Artikolu 9(2)(d).
2.  

Il-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet għandha tikkonsisti mill-fażijiet li ġejjin, wara xulxin:

(a) 

il-fażi tal-espressjoni ta’ interess;

(b) 

il-fażi tal-applikazzjoni sħiħa.

Fil-fażi tal-espressjoni ta’ interess, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-proġett f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sejħa għal proposti rilevanti, fosthom deskrizzjoni tal-effettività tal-proġett, tal-grad ta’ innovazzjoni tiegħu u tal-maturità tiegħu kif speċifikat fl-Artikolu 11(1)(a), (b) u (c).

Fil-fażi tal-applikazzjoni sħiħa, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta deskrizzjoni ddettaljata tal-proġett u d-dokumentazzjoni kollha ta’ sostenn, fosthom il-pjan ta’ kondiviżjoni tal-għarfien.

3.  
Fejn tapplika l-proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta applikazzjoni sħiħa kif deskritt fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu.

▼B

4.  
Tista' tiġi applikata proċedura ssimplifikata tal-applikazzjoni għall-proġetti fuq skala żgħira.

Artikolu 11

Kriterji tal-għażla

1.  

L-għażla tal-proġetti għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandha tissejjes fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) 

l-effettività f'termini tal-potenzjal għall-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, meta dan ikun applikabbli, meta mqabbel mal-punti ta' riferiment imsemmijin fl-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b) 

il-grad ta' innovazzjoni tal-proġetti meta mqabbel mal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku;

(c) 

il-maturità tal-proġetti f'termini tal-ippjanar, tal-mudell kummerċjali u tal-istruttura finanzjarja u legali tagħhom, kif ukoll il-prospetti tagħhom li jilħqu l-għeluq finanzjarju fi żmien perjodu taż-żmien iddefinit minn qabel li ma jaqbiżx l-erba' snin mid-deċiżjoni tal-għotja;

(d) 

il-potenzjal tekniku u tas-suq għal applikazzjoni wiesgħa jew għar-replikazzjoni, jew għal tnaqqis futur fl-ispejjeż;

(e) 

l-effiċjenza f'termini tal-ispejjeż rilevanti tal-proġett mingħajr kwalunkwe kontribuzzjoni għal dawk l-ispejjeż min-naħa ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett, diviżi bl-ammont totali previst ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati jew ta' enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen jew ta' CO2 li għandu jinħażen fl-ewwel għaxar snin tat-tħaddim.

2.  
Għall-finijiet tal-għażla tal-proġetti jistgħu jiġu applikati wkoll kriterji addizzjonali bil-għan li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku.

Artikolu 12

▼M1

Proċedura tal-għażla għall-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet

▼B

1.  
Abbażi tal-applikazzjonijiet li jirċievi fil-fażi tal-espressjoni ta' interess, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jivvaluta l-eliġibbiltà ta' kull proġett skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-korp ta' implimentazzjoni għandu jagħżel il-proġetti eliġibbli skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
2.  
Abbażi tal-applikazzjonijiet li jirċievi fil-fażi tal-espressjoni ta' interess, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jfassal lista tal-proġetti li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a), (b) u (c) u għandu jistieden lil dawk li jkunu qed jipproponu dawk il-proġetti jippreżentaw applikazzjoni sħiħa għalihom.

Meta l-korp ta' implimentazzjoni jikkonkludi li proġett jissodisfa l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) iżda ma jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c), huwa għandu jivvaluta jekk it-tali proġett għandux il-potenzjal jissodisfa l-kriterji kollha tal-għażla jekk jiġi żviluppat aktar. Meta l-proġett ikollu t-tali potenzjal, il-korp ta' implimentazzjoni jista' jagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lill-proġett ikkonċernat jew, meta tkun il-Kummissjoni li twettaq dan il-kompitu, jipproponilha tagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lil dan il-proġett.

3.  
Abbażi tal-applikazzjoni sħiħa li jirċievi skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jevalwa l-proġetti u jikklassifikahom abbażi tal-kriterji kollha tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11. Għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jqabbel il-proġetti mal-proġetti l-oħrajn tal-istess settur kif ukoll mal-proġetti ta' setturi oħrajn, u għandu jfassal lista tal-proġetti magħżulin minn qabel.
4.  

Il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel imsemmija fil-paragrafu 3 u, meta dan ikun applikabbli, is-suġġeriment imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u għandu jkun fihom tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a) 

konferma tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla;

(b) 

dettalji dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(c) 

l-ispejjeż totali tal-proġetti u l-ispejjeż rilevanti msemmijin fl-Artikolu 5 f'euro;

(d) 

it-talba għall-appoġġ totali tal-Fond għall-innovazzjoni f'euro;

(e) 

l-ammont previst ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati;

(f) 

l-ammont previst ta' enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen;

(g) 

l-ammont previst ta' CO2 li għandu jinħażen;

(h) 

informazzjoni dwar il-forma legali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li dak li jkun qed jipproponi l-proġett ikun qed jitlob.

5.  
Abbażi ta' x'ikun intbagħat skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri skont l-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-għotja li tispeċifika l-appoġġ għall-proġetti magħżulin u, meta dan ikun xieraq, tfassal lista ta' riżerva.

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 12a

Proċedura tal-għażla għall-proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda

1.  
Abbażi tal-applikazzjonijiet li jkunu waslu, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jivvaluta l-eliġibbiltà ta’ kull proġett f’konformità mal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jagħżel il-proġetti eliġibbli skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
2.  
Abbażi tal-applikazzjonijiet li jkunu waslu, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jfassal lista ta’ proġetti li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11 u għandu jevalwa l-proġetti u jikklassifikahom abbażi tal-kriterji kollha tal-għażla stabbiliti f’dak l-Artikolu. Għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jqabbel il-proġetti mal-proġetti tal-istess settur kif ukoll mal-proġetti ta’ setturi oħrajn. Fl-aħħar tal-evalwazzjoni, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jfassal lista tal-proġetti magħżulin minn qabel.
3.  
Meta l-korp ta’ implimentazzjoni jikkonkludi li proġett jissodisfa l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a), (b), (d) u (e) u, fejn applikabbli, il-kriterju tal-għażla stabbilit f’konformità mal-Artikolu 11(2), iżda ma jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c), il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jivvaluta jekk dak il-proġett għandux il-potenzjal jissodisfa dak il-kriterju tal-għażla jekk jiġi żviluppat aktar. Meta l-proġett ikollu t-tali potenzjal, il-korp ta’ implimentazzjoni jista’ jagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lill-proġett ikkonċernat jew, meta l-Kummissjoni tagħti l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, jipproponilha tagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lil dan il-proġett.
4.  

Il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2 u, meta dan ikun applikabbli, is-suġġeriment imsemmi fil-paragrafu 3 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u għandu jkun fihom tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a) 

konferma tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla;

(b) 

dettalji dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(c) 

l-ispejjeż totali tal-proġetti u l-ispejjeż rilevanti msemmijin fl-Artikolu 5 f’euro;

(d) 

it-talba għall-appoġġ totali tal-Fond għall-Innovazzjoni f’euro,

(e) 

l-ammont previst ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati;

(f) 

l-ammont previst ta’ enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen;

(g) 

l-ammont previst ta’ CO2 li għandu jinħażen;

(h) 

informazzjoni dwar il-forma ġuridika tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li dak li jkun qed jipproponi l-proġett ikun qed jitlob.

5.  
Abbażi ta’ xi jkun intbagħat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-għotja li tispeċifika l-appoġġ għall-proġetti magħżulin u, jekk ikun il-każ, tfassal lista ta’ riżerva.

Artikolu 12b

Proċedura tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira

B’deroga mill-Artikolu 12 u 12a, tista’ tiġi applikata proċedura speċifika tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira.

▼B

Artikolu 13

Assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti

1.  
Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri skont l-Artikolu 21(2)(c), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.

▼M1

2.  
L-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti għandha tingħata mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 12(2) jew 12a(3), fil-forma ta’ għotja jew ta’ assistenza teknika.

▼B

3.  

L-attivitajiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati bħala assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti:

(a) 

it-titjib u l-iżvilupp tad-dokumentazzjoni tal-proġett jew ta' komponenti tat-tfassil tal-proġett, bil-għan li jiġi żgurat li l-proġett ikun matur biżżejjed;

(b) 

il-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-proġett, fosthom l-istudji tekniċi u ekonomiċi;

(c) 

l-għoti ta' pariri dwar l-istruttura finanzjarja u legali tal-proġett;

(d) 

il-bini tal-kapaċità ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett.

4.  
Għall-finijiet tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-ispejjeż kollha marbutin mal-iżvilupp tal-proġetti. Il-Fond għall-innovazzjoni jista' jiffinanzja sa 100 % tal-ispejjeż rilevanti.



KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata f'forma oħra minbarra fil-forma ta' għotja

Artikolu 14

Għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment

1.  
Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment, l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandu jiġi implimentat skont ir-regoli li japplikaw għal dak l-istrument. Madankollu, l-eliġibbiltà tal-proġetti għandha tiġi vvalutata skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.
2.  
Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tispeċifika jekk il-kontribuzzjoni għall-operazzjonijiet ta' taħlit tiħux il-forma ta' appoġġ li jista' jitħallas lura jew li ma jistax jitħallas lura jew tat-tnejn li huma, u li tindika l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jista' jingħata permezz tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment.

Artikolu 15

Għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni fi kwalunkwe forma oħra stabbilita fir-Regolament Finanzjarju

1.  
Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni fi kwalunkwe forma stabbilita fir-Regolament Finanzjarju minbarra fil-forma ta' għotja, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, hija għandha tadotta deċiżjoni li tindika l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jista' jingħata f'dik il-forma, kif ukoll ir-regoli li japplikaw għall-applikazzjoni għal dan it-tip ta' appoġġ, għall-għażla tal-proġetti u għall-għoti tal-appoġġ.
2.  
Il-proġetti li jirċievu l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.



KAPITOLU IV

Governanza

Artikolu 16

Implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 125 sa 153 tar-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta permezz tal-korpi msemmijin fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
L-ispejjeż imġarrbin b'rabta mal-attivitajiet ta' implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni, inklużi l-ispejjeż amministrattivi u ta' ġestjoni, għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond innifsu.

Artikolu 17

Ħatra tal-korpi ta' implimentazzjoni

1.  
Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiddelega ċerti kompiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni lil korp ta' implimentazzjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni li biha taħtar it-tali korp ta' implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-korp ta' implimentazzjoni maħtur għandhom jikkonkludu ftehim bejniethom li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom il-korp ta' implimentazzjoni għandu jwettaq il-kompiti tiegħu.

2.  
Meta l-Kummissjoni timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta u tiddeċiedi li tiddelega ċerti kompiti ta' implimentazzjoni lil korp ta' implimentazzjoni, hija għandha taħtar aġenzija eżekuttiva bħala l-korp ta' implimentazzjoni.
3.  
Meta l-Kummissjoni timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni indiretta, hija għandha taħtar korp imsemmi fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju bħala l-korp ta' implimentazzjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni li ma jkunux ġew iddelegati lil korp ta' implimentazzjoni.

Artikolu 18

Kompiti tal-korp ta' implimentazzjoni

Il-korp ta' implimentazzjoni maħtur skont l-Artikolu 17(1) jista' jiġi fdat bil-ġestjoni globali tas-sejħa għall-proposti, bl-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti magħżulin. Għal dan il-għan, il-korp ta' implimentazzjoni jista' jiġi fdat bil-kompiti li ġejjin:

(a) 

l-organizzazzjoni tas-sejħa għall-proposti;

(b) 

l-organizzazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, fosthom il-ġbir tal-applikazzjonijiet u l-analiżi tad-dokumenti kollha ta' sostenn;

(c) 

l-organizzazzjoni tal-għażla tal-proġetti, fosthom l-evalwazzjoni tal-proġetti jew il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(d) 

l-għoti ta' pariri lill-Kummissjoni dwar il-proġetti li għandhom jingħataw l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u dwar il-proġetti li għandhom jiddaħħlu fil-lista ta' riżerva;

(e) 

l-għoti jew il-forniment ta' assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti;

(f) 

l-iffirmar tal-ftehimiet tal-għotja u ta' kuntratti oħrajn skont il-forma ta' appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(g) 

it-tħejjija u l-ġestjoni tad-dokumentazzjoni kuntrattwali marbuta mal-proġetti magħżulin;

(h) 

il-verifika li l-kundizzjonijiet għall-finanzjament ġew issodisfati u l-għoti tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni lil dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(i) 

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti;

(j) 

il-komunikazzjoni ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(k) 

ir-rappurtar lill-Kummissjoni, fosthom dwar l-orjentazzjoni ġenerali għall-iżvilupp ulterjuri tal-Fond għall-innovazzjoni;

(l) 

ir-rappurtar finanzjarju;

(m) 

l-azzjonijiet ta' informazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni, fosthom il-produzzjoni tal-materjal ta' promozzjoni u l-iżvilupp tal-logo tal-Fond għall-innovazzjoni;

(n) 

il-ġestjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien;

(o) 

l-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-Fond għall-innovazzjoni u biex jikkomunikaw ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(p) 

kwalunkwe kompitu ieħor marbut mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta

1.  
Meta l-Kummissjoni taħtar aġenzija eżekuttiva bħala l-korp ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament, it-tali deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun suġġetta għar-riżultat tal-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 ( 1 ) u l-ftehim imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta' strument tad-delegazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 58/2003.
2.  
Meta l-ammonti li jingħataw fil-kuntest tal-ġestjoni diretta jiġu rkuprati skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament, l-ammonti rkuprati għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Finanzjarju u għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tal-Fond għall-innovazzjoni.
3.  
Għall-kompiti kollha ta' implimentazzjoni li twettaq il-Kummissjoni, anke permezz ta' aġenzija eżekuttiva, id-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(1) u (5) tar-Regolament Finanzjarju. Dan id-dħul assenjat għandu jkopri wkoll l-ispejjeż amministrattivi kollha marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tuża ammont massimu ta' 5 % mill-pakkett tal-Fond għall-innovazzjoni biex tkopri l-ispejjeż ta' ġestjoni tagħha stess.
4.  
Proġett li jkun irċieva l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jista' jirċievi wkoll kontribuzzjoni minn kull programm ieħor tal-Unjoni, inklużi l-Fondi b'ġestjoni kondiviża, dejjem jekk il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ikopru l-istess spejjeż. L-ammont kumulattiv tal-finanzjament ma għandux jaqbeż l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata.

Artikolu 20

Ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti maħsubin għall-Fond għall-innovazzjoni jiġu rkantati skont il-prinċipji u l-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandha timmaniġġa d-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni skont l-għanijiet ta' dik id-Direttiva.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dħul imsemmi fil-paragrafu 1 jingħadda fil-ħin lill-korp ta' implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-ispejjeż marbutin mal-attivitajiet ta' implimentazzjoni u jkunu jistgħu jingħataw il-fondi lill-proġetti magħżulin.
3.  
Il-Kummissjoni tista' tiddelega l-konverżjoni tal-kwoti f'valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI). F'każ li jkun hemm it-tali delega, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jikkonkludu ftehim bejniethom li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom il-BEI għandu jwettaq il-kompiti tiegħu marbutin mal-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni.
4.  
Suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, id-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni li jkun għad fadal fi tmiem il-perjodu tal-eliġibbiltà għall-proġetti appoġġati għandu jintuża biex jappoġġa proġetti ġodda li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE sakemm id-dħul kollu jkun intuża għall-għanijiet tal-Fond għall-innovazzjoni. Dawn il-proġetti l-ġodda għandhom jintgħażlu permezz ta' sejħiet ġodda għall-proposti skont l-Artikolu 9 jew jiġu appoġġati skont l-Artikoli 14 jew 15.

Artikolu 21

Rwol tal-Istati Membri

1.  
Hija u timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri u tiġi megħjuna minnhom.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiġu kkonsultati dwar l-affarijiet li ġejjin:

▼M1

(a) 

il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel, fosthom il-lista ta’ riżerva, u l-lista tal-proġetti proposti għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti f’konformità mal-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu jew l-Artikolu 12a(3), qabel ma jingħata l-appoġġ;

▼B

(b) 

l-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmijin fl-Artikoli 9(1), 14(2) u 15(1);

(c) 

l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.

3.  

Jekk il-Kummissjoni titlobhom dan, l-Istati Membri għandhom jagħtuha pariri dwar l-affarijiet li ġejjin u jgħinuha fihom:

(a) 

l-istabbiliment tal-orjentazzjonijiet ġenerali tal-Fond għall-innovazzjoni;

(b) 

l-indirizzar ta' problemi eżistenti jew emerġenti fl-implimentazzjoni tal-proġetti;

(c) 

l-indirizzar ta' kull kwistjoni oħra marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġetti.

▼M1

4.  
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikulari dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-għotja msemmijin fl-Artikolu 12(5) jew fl-Artikolu 12a(5).

▼B

Artikolu 22

Rwol tal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni tista' tinvolvi lill-partijiet interessati fid-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni, fosthom dwar il-kwistjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 21(3).



KAPITOLU V

Monitoraġġ, rappurtar u evalwazzjoni

Artikolu 23

Monitoraġġ u rappurtar

1.  
Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jimmonitorja l-operat tal-Fond għall-innovazzjoni, fosthom l-ammonti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkun ingħata.
2.  
Bil-għan li jiġi żgurat li d-data għall-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 u r-riżultati jinġabru b'mod effiċjenti u effettiv u fil-ħin, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati tar-rappurtar fuq dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti. Ir-rapporti ta' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandu jkun fihom l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta' kondiviżjoni tal-għarfien li jkunu ttieħdu skont l-Artikolu 27.
3.  
Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni b'mod regolari dwar il-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.
4.  
Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar iċ-ċiklu kollu tal-għoti tal-appoġġ u, b'mod partikulari, dwar l-organizzazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u dwar l-iffirmar tal-kuntratti ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti.
5.  
Wara li titlesta kull sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' dik is-sejħa għall-proposti.
6.  
Ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni.
7.  

Il-korpi ta' implimentazzjoni, minbarra l-aġenziji eżekuttivi, u l-entitajiet li lilhom tkun ġiet iddelegata l-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni skont l-Artikolu 20(3) għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-affarijiet li ġejjin:

(a) 

sal-15 ta' Frar, dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux awditjati b'rabta mal-attivitajiet iddelegati lilhom, li jkunu jkopru s-sena finanzjarja ta' qabel, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru;

(b) 

sal-15 ta' Marzu tas-sena meta jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux awditjati, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati b'rabta mal-attivitajiet iddelegati lilhom, li jkunu jkopru s-sena finanzjarja ta' qabel, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Il-Kummissjoni għandha tħejji l-kontijiet annwali tal-Fond għall-innovazzjoni għal kull sena finanzjarja, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru, abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji pprovduti skont l-ewwel subparagrafu. Dawn il-kontijiet għandu jsirilhom awditjar estern indipendenti.

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet kollha previsti f'dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f'konformità mar-regoli tal-kontabbiltà msemmijin fl-Artikolu 80 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

1.  
Fl-2025 u kull ħames snin wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni. L-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq il-valutazzjoni tas-sinerġiji bejn il-Fond għall-innovazzjoni u programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll fuq il-proċedura tal-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni, iżda ma għandhiex tkun limitata għalihom biss.
2.  
Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti, meta dan ikun xieraq, biex tiżgura li l-Fond għall-innovazzjoni jagħmel progress fl-ilħiq tal-għanijiet tiegħu previsti fid-Direttiva 2003/87/KE u fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
3.  
Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni iżda mhux aktar tard mill-2035, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-evalwazzjonijiet li jkunu twettqu skont il-paragrafi 1, 2 u 3.



KAPITOLU VI

Awditi, riklamar u kondiviżjoni tal-għarfien

Artikolu 25

Awditi

1.  
L-awditi dwar l-użu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jsiru minn awdituri esterni indipendenti, fosthom minn awdituri oħrajn minbarra dawk imqabbdin mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 26.
2.  
Kull persuna jew entità li tirċievi l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandha taqbel bil-miktub li tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa kif previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 26

Dipendenza reċiproka fuq l-awditi

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet eżistenti għat-twettiq ta' aktar awditi, meta awditur indipendenti jkun għamel awditu bbażat fuq standards tal-awditi aċċettati internazzjonalment li jipprovdu garanzija raġonevoli fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li juru l-użu ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni, dak l-awditu għandu jifforma l-bażi tal-garanzija globali, kif speċifikata aktar, fejn xieraq, fir-regoli speċifiċi għas-settur, dment li jkun hemm evidenza suffiċjenti tal-indipendenza u l-kompetenza tal-awditur. Ir-rapport tal-awditur indipendenti u d-dokumentazzjoni relatata tal-awditjar għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri fuq talba tagħhom.

Artikolu 27

Komunikazzjoni, kondiviżjoni tal-għarfien u riklamar

1.  
Fuq is-siti web tagħhom, dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jippubblikaw b'mod proattiv u sistematiku informazzjoni marbuta mal-proġetti appoġġati fil-kuntest ta' dan ir-Regolament. It-tali informazzjoni għandha tinkludi referenza espliċita għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkunu rċevew.
2.  
Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jiżguraw li jagħtu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata dwar l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkunu rċevew lil diversi udjenzi, fosthom lill-midja u lill-pubbliku.
3.  
Il-logo tal-Fond għall-innovazzjoni jew elementi promozzjonali oħrajn meħtieġa skont id-dokumentazzjoni kuntrattwali għandhom jintużaw għall-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni u ta' kondiviżjoni tal-għarfien u għandhom jidhru fuq l-avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

▼M1

4.  
Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar l-azzjonijiet ippjanati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fil-pjan ta’ kondiviżjoni tal-għarfien ippreżentat f’konformità mal-Artikolu 10(2), it-tielet subparagrafu.

▼B

5.  
Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jwettaq azzjonijiet ta' informazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni marbutin mal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u mar-riżultati tiegħu. Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jorganizza seminars u sessjonijiet ta' ħidma speċifiċi jew, meta jkun xieraq, tipi ta' attivitajiet oħrajn biex jiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza, tal-għarfien u tal-aħjar prattiki b'rabta mat-tfassil, mat-tħejjija u mal-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll mal-effettività tal-finanzjament ipprovdut permezz tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.



KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).